Assassinju Daphne: Deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest tal-imputati wara s-seduta li jmiss

12:52 Il-Maġistrat tordna li l-każ ikompli jinstema’ fl-4 ta’ Lulju fid-9:30am. Wara s-seduta li fiha l-partijiet involuti jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom daw il-ħelsien mill-arrest tal-imputati, il-Qorti tieħu deċiżjoni dwar dan.

12:32 Jixhed espert li pprova jiġbor informazzjoni minn micro SD cards li jista’ jkun fihom filmati tal-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt il-baħar fil-Marsa. Qal li ma rnexxielux imma l-Europol għandhom il-makkinarju neċessarju biex jippruvaw jagħmlu dan. Qal li hemm 40% ċans li l-proċess jaħdem. Jekk le, l-evidenza tista’ tintilef fil-proċess.

12:23 L-avukat tad-difiża jistaqsi lill-mara għalfejn kienet għaddejja mill-Bidnjija dak il-ħin. Il-mara ma tweġibx u l-avukati tal-parte ċivile jistaqsu dwar ir-relevanza ta’ din il-mistoqsija.

12:11 Tixhed mara li kienet għaddejja mill-Bidnija fis-16 ta’ Ottubru 2017. Qalet li tiftakar li kien hemm żewġ splużjonijiet. Tgħid li ċemplet l-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta.

Illum qed tkompli l-kumpilazzjoni fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio magħruf bħala “il-Fulu”, ħuh George Degiorgio “ċ-Ċiniż” u Vince Muscat “il-Koħħu”.

Fl-aħħar seduta, il-Qorti semgħet kif intużaw madwar 400 gramma ta’ splussivi fil-bomba li qatlet lil Caruana Galizia.