Assassinju Daphne: Seduta mqanqla; intużaw mal-400 gramma fi splussiv

Bidnija

14:41 Il-Maġistrat tgħid li se tkompli fl-14 ta' Ġunju f'nofsinhar.
14:38 Il-Maġistrat tistaqsi jekk il-kumpilazzjoni tistax tkompli fl-14 ta' Ġunju. Qalet li x'aktarx se jixhdu aktar membri mill-Europol.
14:35 Il-Europol tikkonkludi li l-bomba li qatlet lil Caruana Galizia kienet ta' natura kriminali. Tikkonferma li l-ġurnalista ma nqatlitx minħabba xi splużjoni aċċidentali. Il-Europol tgħid ukoll li Caruana Galizia ma kkommettietx suwiċidju. 
14:31 L-espert jgħid li x'aktarx, il-bomba ġiet attivata minn SMS.
14:24 Jispjega li x'aktarx intużat xi tip ta' kaxxa ta' gsm module bħala parti mill-bomba.
14:11 L-espert jiddeskrivi kif kienet magħmula l-bomba.
13:58 L-espert jgħid li ċertu affarijiet ma setgħux jiġu stabbiliti minħabba n-nar li ħakem il-karozza li qered l-evidenza.
13:57 Jgħid li kollox juri li kien hemm kważi ċans ta' 100% biex il-ġurnalista tmut mill-isplużjoni. Iċ-ċans ta' mewt għal dawk li jkunu bilqiegħda x'imkien ieħor fil-karozza kien ta' 50%.
13:56 L-espert jgħid li ntużaw bejn 300-400 gramma ta' splussiv biex inqatlet Caruana Galizia.
13:49 Fil-Qorti jinstema' kif il-bomba tpoġġiet ġol-vettura taħt is-seat tal-ġurnalista.
13:40 L-espert jiċċara li waslu Malta xahar wara l-assassinju u li ma kinux involuti bl-ebda mod fil-ġbir tal-evidenza b'mod dirett mix-xena tal-assassinju.
13:36 Jibda jixhed l-espert mill-Europol mit-taqsima ta' kontra t-terroriżmu.
13:32 Il-Maġistrat tordna pawża qasira. Mistenni jixhed espert mill-Europol wara.
13:31 L-Aġenti tal-FBI jtemmu jixhdu. Ma jsirux mistoqsijiet mill-avukati tad-difiża.
13:11 L-FBI temmen li tliet mowbajls intużaw fit-tqegħid u l-isktattar tal-bomba.
12:59 Il-Qorti tisma' li saret telefonata li bdiet qabel ma splodiet il-bomba u li ntemmet wara li ntbagħat il-messaġġ li qatel lil Caruana Galizia. Din it-telefonata damet 107 sekondi.
12:53 Wieħed mill-Aġenti jgħid li jaħsbu li żewġ mowbajls intużaw biex jiskattaw il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia. Qalu wkoll li kienu jemmnu li kien hemm mowbajl ieħor li ntuża biex il-persuna li kellha tiskatta l-bomba tirċievi l-informazzjoni meta dan għandu jsir. Jemmnu li din l-informazzjoni ġiet mill-Bidnija. 
12:28 L-FBI tgħid li messaġġ partikolari ntbagħat fis-16 ta' Ottubru fil-2:58. Kien hemm miktub "#REL1=ON". Dan jikkonferma dak li ġie rrappurtat mill-ġurnal Zeit.de
12:23 Jingħad li fis-16 ta' Ottubru 2017 bejn 2:58 pm u 3:03 pm kien hemm 53 mowbajls li kienu mqabbdin ma' cell tower partikolari. Dawn kienu numri tal-Vodafone. Wieħed minnhom qatt ma reġa' intuża wara.
12:19 L-Aġent jgħid li saru laqgħat mal-kumpaniji tas-servizzi tal-mowbajls f'Malta.
12:16 It-tieni Aġent Speċjali tal-FBI jgħid li ġew infurmati bil-każ tal-assassinju fis-16 ta' Ottubru 2017. Huma waslu Malta fit-18 ta' Ottubru.
12:06 Jibda jixhed l-ewwel aġent. Jgħid li qiegħed hawn flimkien ma' kollega tiegħu tal-FBI. Ilu Jaħdem mal-FBI għal aktar minn 20 sena. Jgħid li jagħmel parti mit-taqsim li tanalizza rekordji li jiġu ġenerati mill-użu tal-mowbajls.
12:04 Jibdew jixhdu l-aġenti tal-FBI
11:56 Avukat tad-difiża jgħid li joġġezzjona għal dan. Avukat mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali jgħidlu li dan huwa disprezz ta' digriet tal-Qorti.
11:55 Il-Maġistrat tgħid li x-xhieda tal-FBI tista' tinstema'.
11:49 L-akkużati u l-Maġistrat jidħlu fl-awla.
11:33 Il-Maġistrat għadha ma ħabbritx id-deċiżjoni tagħha. L-akkużati għadhom ma reġgħux daħlu fl-awla.
11:02 L-akkużati joħorġu mill-awla hekk kif jintqal li fadal aktar ħin sakemm il-maġistrat tiddeċiedi dwar it-talbiet tad-difiża.
10:48 Il-Maġistrat tirtira biex tieħdu deċiżjoni dwar jekk humiex se jixhdu jew le l-uffiċjali tal-FBI
10:37 L-avukat ta' Alfred Degiorgio jgħid li l-klijent tiegħu għandu dritt jappella mid-deċiżjonijiet tal-Qorti.
10:31 L-avukat Therese Comodini Cachia tgħid li din hija t-tielet darba li saret talba biex ma jixhdux l-aġenti tal-FBI.
10:19 Jason Azzopardi jfakkar kif ilbieraħ il-Qorti qalet li Degiorgio kien qed jabbuża mill-proċeduri legali. Qal ukoll li din is-seduta bl-esperti barranin kienet ila li ġiet skedata xahrejn.
10:13 Il-prosekuzzjoni tfakkar li l-iskop tal-kumpilazzjoni tax-xhieda hija li tinġabar ix-xhieda u mhux biex taqta' s-sentenza dwar jekk l-imputati humiex ħatja jew le. Jintqal li jekk jinstab li jkun hemm xi problema wara li tinstema' xi xhieda partikolari, din sempliċiment ma tintużax fl-istadju tal-ġuri.
10:12 Il-prosekuzzjoni takkuża lid-difiża li lejliet is-seduti jippruvaw ixekklu l-kumpilazzjoni tax-xhieda.
10:05 L-avukat ta' Alfred Degiorgio jitlob biex l-uffiċjali tal-FBI ma jixhdux illum peress li Degiorgio appella minn deċiżjoni tal-Qorti li ħarġet ilbieraħ
10:00 Azzopardi jgħid li huwa dritt u dover ta' Membru Parlamentari li jitkellem fil-Parlament.
09:56 L-avukat tad-difiża jilmenta kontra dak li qal id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-Parlament meta qal li l-akkużati kienu jafu li se jiġu arrestati. Azzopardi li huwa wkoll avukat parte civile jirribatti u jibda jikkwota dak li ntqal waqt l-interrogazzjoni tal-akkużati.
09:50 Jidħlu l-akkużati
09:47 Jidħlu aktar avukati u membri tal-prosekuzzjoni
09:39 L-avukati, il-qraba ta‘ Caruana Galizia, u l-ġurnalisti jibdew jinġabru fl-awla.

F'applikazzjoni kostituzzjonali, Alfred Degiorgio qal li informazzjoni elettronika li nġabret b’rabta mal-każ inġabret permezz ta’ liġi invalida u għalhekk hi ammissibbli. 
Illum il-Qorti ma aċċettatx din it-talba.
Illum ukoll kompliet tinstema' l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne  Caruana Galizia. Fl-aħħar seduta ntqal li se jixhdu uffiċjali tal-FBI illum.
It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio magħruf bħala "il-Fulu", ħuh George Degiorgio "ċ-Ċiniż" u Vince Muscat "il-Koħħu".
Sketch: Jesmond Vassallo