Assassinju Daphne: Esperti barranin se jixhdu fis-seduta li jmiss

10:36 Tintemm is-seduta tal-lum.
10:34 Jingħad li fit-22 ta' Mejju se jixhdu xi esperti barranin fil-Qorti.
10:30 Il-Qorti taħtar lill-espert Keith Cutajar biex jestrapola l-informazzjoni fl-SD cards li kellhom fuqhom il-filmati tal-għaddasa. Dawn il-filmati kienu ntilfu għax l-informazzjoni fuq l-SD card m'għadhiex aċċessibbli.
10:22 Jixhed suldat li kien preżenti waqt xi tfittxijiet li saru fis-6 ta' Diċembru 2017 ġewwa farmhouse fil-Mosta. Qal li fittex f''garaxx u skip imma hu ma sabx splussivi.
10:17 L-eżami tas-suldat jiġi sospiż biex ikun jista' jirreferi għan-noti tiegħu biex ikun aktar preparat meta jixhed id-darba li ġejja.
10:14 Jgħid li sar tiftix f'garaxx fil-Mosta li qal li qalulu li kien tal-missier ta' xi ħadd li ġie arrestat b'rabta mal-każ. Qal li ma nstab xejn suspettuż
10:12 Jixhed suldat mit-taqsima tal-isplussivi li kien intalab jaħdem dakinhar tal-inċident. Qal li waqt li kienu qed isiru tfittxijiet ma nstabux splussivi li kienu għadhom ma ħadux fiż-żona.
10:06 Jixhed John Gera li kien intalab jieħu ħsieb is-sigurtà tal-post. Qal li kien qed iżomm lill-Maġistrat Anthony Vella aġġornat b'dak li kien qed jiġri. Qal li xtara xi affarijiet li kellha bżonn il-Pulizija biex tippreserva xi evidenza.
10:03 Il-Qorti tordna lil Formosa biex jipprintja l-mudell li sar
09:59 Jixhed il-Professur Saviour Formosa li ntalab mill-qorti biex jagħmel studji dwar il-post fejn seħħ l-assassinju. Parti mill-istudju kien li janalizza minn fejn jidhru ċertu postijiet ta’ interess. Qal ukoll li ħoloq mudell 3D taż-żona.
09:54 Cilia jqalleb f'dokument li juri xi ritratt li ttieħdu u jispjega lill-Qorti min ħadhom
09:50 Jixhed il-pulizija Antoine Cilia li qed jippreżenta rapport u ritratti li ttieħdu dakinhar tal-inċident
09:48 Il-Maġistrat tqassam numru ta' pendrives b'filmati li ġew esebiti qabel
09:47 L-espert tal-qorti Keith Cutajar jippreżenta kopji tal-filmati li għandu
09:41 L-akkużati jidħlu fl-awla
09:36 L-avukati, il-qraba ta' Caruana Galizia, u l-ġurnalisti jidħlu fl-awla.
Illum mistennija tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio magħruf bħala "il-Fulu", ħuh George Degiorgio "ċ-Ċiniż" u Vince Muscat “il-Koħħu”.
Fis-seduta preċidenti ħareġ li l-filmati tal-għaddasa ntilfu.