Jintilfu l-filmati tal-għaddasa fil-każ ta’ Daphne

11:05 Tintemm is-seduta tal-lum. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda tkompli fis-26 ta' April.
11:01 Jgħid li nstabet charge sheet u affidavit minn xi membru tal-pulizija datati 2008. Dawn il-karti kienu mitwijin u kien hemm sticky note bil-kliem "ass amanote". Fil-kċina sab ukoll karti oħra bin-numri ta' xi pulizija stazzjonati l-Qawra.
11:00 Jixhed l-ispettur Spiteri li kien assista fit-tfittxija fir-residenza ta' George Degiorgio. Jgħid li ġew elevati laptops, mowbajls, tablets, XBox, PlayStation, USB, u CCTV. Instabu wkoll diversi kaxxi ta' sim cards.
10:45 It-tabiba tispjega li nġabru numru sostanzjali ta' partijiet ta' sigaretti – 75 minn tieqa fil-Marsa u 31 minn fuq dgħajsa fost oħrajn
10:43 Skont it-tabiba d-DNA tat-tarf tas-sigarett qablet ma' dik ta' Alfred Degiorgio.
10:42 Tixhed tabiba li qed tgħid li saru xi analiżi fuq tarf ta' sigarett li nġabar mill-Bidnija, sigaretti oħra minn ashtray fit-tinda tal-patata u xi swabs oħra.
10:36 Mistoqsi mill-avukati tad-difiża dwar id-dokument, jistqarr li ma tantx ta kas tal-parti tad-dokument fejn hemm miktub l-isem "Ġorġ" flimkien ma xi numri tal-mowbajls
10:33 Fuq id-dokument hemm miktub isem ieħor – dak ta' Ġorġ. Mitlub jispjega għalfejn hemm dan l-isem fuq id-dokument, mhux kapaċi jwieġeb.
10:26 Jgħid li l-iffirmar tad-dokument sar fil-preżenza tiegħu, tal-aġent, u ta' Alfred Degiorgio.
10:21  Jixhed Karmelo Zarb li qed jesebixxi d-dokument tal-kirja ta' appartament f'San Pawl il-Baħar.
10:15 Jixhed pulizija li kien parti mir-rejds li saru fl-4 ta' Diċembru fir-residenza ta' Vince Muscat. Jgħid li espert mill-Europol eleva xi ħaġa mill-kompjuter ta' Muscat. Jgħid li ma jafx x'jismu l-espert. Jgħid li ma kellmux imma kien liebes ġakketta bil-kliem "Europol" fuqha.
10:05 L-uffiċjal għadu jixhed. Intalab jivverifika dokument li juri ritratti meħudin minn diversi kameras. 
09:57 Jixhed uffiċjal minn Transport Malta li pprovda l-filmati tal-kameras li hemm fil-Port il-Kbir lill-Pulizija.
09:54 Is-suldat jgħid li ra l-filmati b'għajnejh iżda għal xi raġuni l-filmati m'għadhomx aċċessibbli.
09:48 Jixhed suldat li jgħid li kien preżenti waqt dives li saru ħdejn it-tinda tal-patata tal-Marsa. Jgħid li ttieħdu filmati waqt dawn id-dives permezz ta' GoPro. Jgħid li meta ntalab jagħti l-filmati lill-Qorti, jgħid li l-filmati fuq l-SD card m'għadhomx aċċessibbli. Żied jgħid li l-kollegi tiegħu tat-taqsima tal-informatika ppruvaw jelevaw il-filmati imma dawn ma rnexxielhomx.
09:43 L-akkużati jidħlu fl-awla
09:33 Il-pulizija javżaw li l-akkużati waslu però jintalbu jistennew ftit mill-Maġistrat
09:32 L-avukati u l-ġurnalisti jinġabru fl-awla
Illum kompliet tinstema' l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio magħruf bħala "il-Fulu", ħuh George Degiorgio "ċ-Ċiniż" u Vince Muscat "il-Koħħu".