Il-karozza ta’ Daphne waqfet għal 2 sekondi u mbagħad saret ballun nar

11:25 Il-każ se jkompli fis-26 ta' Marzu fid-9.30am.

11:20 Pulizija mit-Taqsima tad-droga ġie mistoqsi mill-avukati tad-difiża jekk rax xi mandati għat-tfittxija. Qal li qatt ma rahom. 
11:13 Jixhed pulizija ieħor li wkoll kien involut fit-tfittxija tal-Marsa. Mistoqsi mid-difiża jekk rax xi mandati tal-arrest, huwa qal li ra li xi kopji ġew imqassma iżda huwa qal li ma rahomx b'għajnejh.
11:00 Jixhdu żewġ uffiċjali tal-Pulizija mit-taqsima tal-Vice Squad. Qalu li kienu assistew fit-tfittixja tat-tinda tal-patata fil-Marsa iżda qalu li ma sabu xejn relevanti mal-każ.
10:43 Ir-raġel li ra l-karozza tisplodi jibda jispjega x'ra. Qal li kien qed isuq lejn il-Bidnija meta ra l-karozza tal-ġurnalista li kienet qed tinstaq bil-mod. Qal li seħħet xi splużjoni żgħira li ddeskriviha bħala "spark" u "sparatura minn taħt". Qal li dak il-ħin il-karozza tal-ġurnalista waqfet għal xi żewġ sekondi. Imbagħad qal li seħħet splużjoni kbira li bidlet il-vettura f'ballun nar. Il-karozza baqgħet nieżla n-niżla u għaddiet 3 metri 'l bogħod mill-karozza tiegħhu meta mbagħad il-karozza ta' Caruana Galizia waqgħet minn "sies". Ix-xhud qal li seħħet splużjoni oħra, li fil-fehma tiegħu kienet dik ta' tank tal-petrol jisplodi. Qal li ra raġel u staqsieh ta' min hi l-karozza, iżda hu ma weġbux. Qal li ftit wara rrealizza li kien it-tifel tal-ġurnalista. Skont ir-raġel fi ftit minuti waslu l-pulizija iżda ma kienx hu li ċempel għall-għajnuna.
10:35 Id-direttur jgħid li qed jagħraf il-kuntratt li sar ma' Daphne Caruana Galizia, però qal li jidher li m'hemmx il-firma tal-ġurnalista. Mistoqsi dwar dan, huwa qal li x'aktarx insew jgħidulha biex tiffirmah.
10:29 Jixhed direttur tal-kumpanija tal-kiri tal-karozza Percius li qal li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet għamlet kuntratt ta' leasing għal ħames snin tal-karozza Peageot 108. Qal li il-karozza kienet ġdida. Spjega li jkun hemm żewġ kopji taċ-ċwievet, waħda li tingħata lill-klijent u l-oħra li tinżamm mill-kumpanija fl-uffiċju.
10:20 Jixhed uffiċjal ieħor mit-taqsima tal-EOD li ddeskriva x-xena li ra fis-16 ta' Ottubru – dik ta' karozza maħruqa f'nofs għalqa
10:17 Jixhed uffiċjal mit-taqsima tal-EOD, it-taqsima tal-isplussivi. Qal li meta mar fuq il-post tal-inċident ra "kaos"
10:12 Il-Pulizija kompla jgħid li saret tfittxija madwar il-post biex jaraw jekk kienx hemm xi persuni oħra fl-akkwati
10:11 Jixhed uffiċjal tal-Pulizija li kien wasal fuq il-post tal-inċident. Qal li kif resaq ħdejn il-karozza li kienet qed taqbad ra ġisem ta' persuna ġol-karozza.
10:05 Il-prosekuzzjoni titlob biex jiġu elevati decoder, televixin, u outboard tal-Yamaha mit-tinda tal-patata biex ma jibqax il-bżonn li jkun hemm għassa fixed-point mill-Pulizija.
10:00 Jixhed il-perit li ntalab jagħmel pjanta tal-post tal-isplużjoni u inventorju tat-tinda tal-patata fil-Marsa
09:55 Mistoqsi mid-difiża jekk l-akkużati ġewx murija xi mandati tal-arrest fit-tinda tal-patata, il-Pulizija qal li ma kienx ġewwa però qal li l-mandati għall-arrest kienu nħarġu. 
09:50 Jixhed Pulizija li kien saq vann minn dawk li kienu involuti fir-rejd tal-Marsa. Spjega li filgħaxija għall-ħabta tas-7:00pm saret tfittxija fir-residenza ta' Alfred Degiorgio f'San Pawl il-Baħar fil-preżenza tal-akkużat. Qal li ġew elevati xi flus, żebgħa, apparat elettroniku, u top-up voucher
09:40 Jixhed membru mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kien wasal fuq il-post tal-assassinju fis-16 ta' Ottubru 2017. Qal li ra l-karozza taqbad ġo nofs għalqa.
09:38 Jidħlu l-akkużati u l-Maġistrat 
09:33 Membri tal-familja ta' Daphne Caruana Galizia, l-avukati, u l-ġurnalisti jibdew jinġabru fl-Awla numru 7
Illum tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio “il-Fulu,” George Degiorgio “iċ-Ċiniż” u Vince Muscat, “il-Koħħu.”