Allegazzjonijiet dwar il-powerstation għandhom jiġu investigati – Louis Grech

L-eks Deputat PM Louis Grech dieħel il-Qorti / Ritratt: Miguela Xuereb

Read in English.

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fl-inkjesta pubblika li qed tinvestiga jekk l-istat setax għamel aktar biex jipprevjeni l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Illum xehed l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Louis Grech?

  • “Jekk kien hemm kitchen cabinet, jien ma kontx naf bih u ma kontx parti minnu”
  • “Sirt naf lil Keith Schembri wara li lħaqt deputat mexxej”
  • “Keith Schembri kellu ħafna poter imma ma kienx joħloqli problemi f’xogħli”
  • “Ma kontx involut fid-diskussjoni tal-proġett tal-powerstation”
  • “Allegazzjonijiet dwar il-powerstation tal-gass għandhom jiġu investigati”
  • “Il-Panama Papers ma kinux aċċettabbli, għedtilhom li se jkollhom riperkussjonijiet serji fuq Malta”
  • “Konrad Mizzi dejjem qal li m’għamel xejn ħażin dwar il-Panama Papers”
  • “Qatt ma kien negozjant bi sħab ma’ Brian Tonna”
  • “L-MOU mal-kumpanija China Communications Construction Company qatt ma kellu jsir għax kienet blacklisted”

Xi ntqal fil-Qorti minuta b’minuta:

12:13 Grazzi talli segwejtuna. Nawgurawlkom il-weekend it-tajjeb!
Charmaine Attard
12:12 Fis-seduta li jmiss se ssir nhar l-Erbgħa 16 ta' Settembru fid-9.30am fejn mistenni jixhed id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Charmaine Attard
12:12 Ix-xhieda ta' Louis Grech tieqaf hawn.
Charmaine Attard
12:10 Dr Azzopardi jistaqsi mill-ġdid għaliex ġie ffirmat l-MOU mas-CCCC meta dakinhar tal-iffirmar il-kumpanija kienet diġà blacklisted. Grech wieġeb li qatt ma kellu jsir.
Charmaine Attard
12:10 Louis Grech qal li l-Ministeru li kien responsabbli għalih qatt ma ħareġ direct orders lill-kumpanija ta' Brian Tonna.
Charmaine Attard
12:08 Azzopardi jistaqsi jekk hux possibbli li l-allegazzjonijiet dwar Nexia BT qatt ma ġew diskussi fil-kabinett. Louis Grech iwieġeb li ma jfissirx li l-allegazzjonijiet mhumiex veri imma "fil-politika tant tidra allegazzjonijiet foloz li tistaqsi jekk l-allegazzjonijiet humiex iffabbrikati".
Charmaine Attard
12:06 Meta mistoqsi jekk Egrant kinitx ġiet diskussa fil-kabinett, Grech qal li mhux ċert jekk kinitx diskussa fil-Grupp Parlamentari. Il-Bord jgħid li l-allegazzjonijiet fuq Egrant kienu serji ħafna u li kien jistenna li l-Kummissarju tal-Pulizija jibda jinvestiga immedjatament.
Charmaine Attard
12:04 Azzopardi jistaqsi kif ġie ffirmat l-MOU meta l-kumpanija kienet blacklisted. Grech jgħid li n-negozjati kienu waqfu hekk kif mid-due diligence ħareġ li l-kumpanija kienet blacklisted.
Charmaine Attard
12:03 Dr Azzopardi jsemmi ċ-China Communications Construction Company. Louis Grech jikkonferma li hu ffirma MOU ma' din il-kumpanija. L-MOU kien fuq pont. Ikkonferma li sar id-due diligence wara li ġie ffirmat l-MOU.
Charmaine Attard
12:02 Grazzi Nicole. Se nkomplu naġġornaw dan il-live blog.
Charmaine Attard
11:45 Azzopardi semma li din il-kumpanija kienet irreġistrata fil-British Virgin Islands.
Nicole Borg
11:44 Grech qal li le.
Nicole Borg
11:43 Qatt smajt bil-kumpanija Macfinn? – staqsa Azzopardi.
Nicole Borg
11:38 "Qatt staqsejt lil Joseph Muscat għaliex ma neħħiex lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri?" staqsa Azzopardi.

Il-bord innota li l-mistoqsija diġà kienet saret u x-xhud kie wieġeb.

Grech qal li hu ma kellu l-ebda problema jwieġeb mill-ġdid. Qal li hu kien informa lil Muscat dwar il-pożizzjoni tiegħu u ma qablux dwar dan.

Il-bord innota li din wara kollox kienet deċiżjoniji politika ta' Joseph Muscat li ma jitneħħewx.
Nicole Borg
11:37 Grech qal li kien ilu xhur twal ma jikkomunikax ma' Joseph Muscat.
Nicole Borg
11:35 "Wara Ġunju tal-2017, fhimt għaliex Projects Malta tpoġġiet f'idejn il-Ministeru għat-Turiżmu?" staqsa l-Avukat Azzopardi.
Nicole Borg
11:34 Dwar x'kienet ir-raġuni li Muscat tah dwar id-deċiżjoni biex jagħmel l-elezzjoni ġeneral f'Ġunju tal-2017, Grech qal li Muscat qallu li r-raġuni kienet waħda ekonomika. Qal li minħabba l-protesti li kienu qed isiru, l-instabbilità ekonomika kienet qed tiżdied.
Nicole Borg
11:31 "Wara li nqatlet Daphne, ma kienx biss xokk iżda kienet xi ħaġa mhux aċċettabbli," qal Grech.
Nicole Borg
11:30 Wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, Louis Grech qal li ċempel lil Joseph Muscat wara li indirizza konferenza tal-aħbarijiet.
Nicole Borg
11:28 Grech qal li ma kellux WhatsApp chat ma' Joseph Muscat u Keith Schembri.
Nicole Borg
11:27 Azzopardi qed jirreferi għad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern Laburista biex jitneħħew is-segretarji permanenti kollha ħlief għal tnejn.
Nicole Borg
11:25 Skont ma ppubblikat Caruana Galizia, il-ftehim tal-power station kien "done deal".
Nicole Borg
11:24 Azzopardi rrefer għal blogg speċifiku ppubblikat minn Daphne Caruana Galizia.
Nicole Borg
11:22 Azzopardi staqsa jekk waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kienx issemma l-Ażerbajġan.

Grech wieġeb jgħid li le u li hu ma kienx parti mid-delegazzjoni li marru hemm biex jiddiskutu l-proġett.
Nicole Borg
11:21 Grech qal li dak iż-żmien, it-tħassib tiegħu kien biex jassigura li l-proġett huwa vijabbli jew le.
Nicole Borg
11:20 L-avukat Azzopardi semma kif fid-9 ta' Jannar tal-2013, Louis Grech, għamel konferenza tal-aħbarijiet ma' Konrad Mizzi fejn kien spjegat il-proġett tal-power station.
Nicole Borg
11:17 Sostna li fiż-żmien li kien deputat mexxej tal-PL ma kienx jaħdem ma' Keith Schembri.

"Sirt naf lil Keith Schembri wara li lħaqt deputat mexxej," qal Grech.
Nicole Borg
11:16 Grech qal li Muscat kien ċempillu meta hu kien qiegħed Brussell biex jinformah li riedu jkun involut fil-kampanja elettorali.
Nicole Borg
11:14 Azzopardi staqsa jekk Muscat, meta kien mexxej tal-Oppożizzjoni, kienx informah għaliex kien talab lil Anġlu Farrugia jirreżenja.
Nicole Borg
11:13 L-avukat Jason Azzopardi jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu.
Nicole Borg
11:13 Louis Grech jgħid li hu ma kienx involut fil-proċess.
Nicole Borg
11:12 Il-bord jibda jistaqsi dwar il-ftehim ta' konċessjoni tal-Vitals.
Nicole Borg
11:12 Lura fl-awla.
Nicole Borg
10:55 Il-bord ta' inkjesta ordna pawża ta' ħames minuti.
Nicole Borg
10:51 Dwar jekk kienx komdu bid-deċiżjoni li Konrad Mizzi jkun responsabbli għal ċerti kuntratti fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama Papers, Louis Grech qal li din kienet prerogattiva tal-Prim Ministru.
Nicole Borg
10:48 "Il-ħaġa hi li l-Ministeru li kont responsabbli għalih u li kont involut fih, ma kellu xejn x'jaqsam ma' dan," qal Louis Grech.
Nicole Borg
10:46 Hu qal li dejjem xtaq iservi terminu wieħed fil-Parlament u b'hekk ma reġax ħareġ għall-elezzjonijiet tal-2017.
Nicole Borg
10:45 Dwar il-ftehim ta' Montenegro, Grech qal li dan ma kienx diskuss fuq livell ta' Kabinett u kien xi ħaġa li jikkonċerna lil Enemalta.
Nicole Borg
10:42 Dwar jekk qatt iltaqax ma' Chen Chan, li kien qed jaħdem f'isem il-kumpanija Ċiniża fil-ftehim tal-power station, Grech qal li jekk jiftakar sew hu ltaqa' miegħu darba.
Nicole Borg
10:41 Grech qal ukoll li hu ma kien jaf x'kien l-irwol ta' Brian Tonna f'Kastilja.
Nicole Borg
10:40 Grech qal li ma kienx hu li introduċa lil Brian Tonna u lil Joseph Muscat.
Nicole Borg
10:38 Waħda mill-azzjonijiet kien li talab li l-kuntratti kollha ffirmati mill-gvern jitpoġġew fid-dominju pubbliku.
Nicole Borg
10:37 Louis Grech semma l-azzjonijiet li ħa wara l-iskandlu tal-Panama Papers.
Nicole Borg
10:35 Ċaħad li kien negozjant bi sħab ma' Brian Tonna.
Nicole Borg
10:34 Grech qal li hu qatt ma tkellem ma' Brian Tonna dwar il-Panama Papers.
Nicole Borg
10:31 L-Imħallef Lofaro semmiet kif Grech ried li Konrad Mizzi jirreżenja wara li nħarġu l-Panama Papers. Louis Grech wieġeb jgħid li iva.
Nicole Borg
10:30 "Kont tkellimt ma' Mizzi personalment dwar il-Panama Papers. Hu dejjem qal li ma għamel xejn ħażin," qal Louis Grech.
Nicole Borg
10:29 "Il-Panama Papers bagħtu lill-amministrazzjoni preċedenti lura. Tefa' lura x-xogħol kollu tajjeb li kien sar," qal Grech.
Nicole Borg
10:28 Il-bord qal li kieku l-azzjoni neċessarja ttieħdet dak iż-żmien, l-affarijiet setgħu ma eskalawx kif ġara.
Nicole Borg
10:26 Grech qal li hu ma kienx preżenti fil-Parlament meta saret il-mozzjoni ta' sfiduċja f'Konrad Mizzi u din m'għaddietx.
Nicole Borg
10:25 Louis Grech qal li l-Panama Papers ma kinux aċċettabbli u li kien qal lill-amministrazzjoni li dawn kien se jkollhom riperkussjonijiet serji fuq Malta.
Nicole Borg
10:23 Il-bord innota kif meta kienu żvelati l-Panama Papers hu kien għadu deputat Prim Ministru.
Nicole Borg
10:20 Bħala konsulent tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, hu ma kienx qed jagħti l-pariri lil Muscat dwar il-proġett tal-enerġija, sostna Grech.
Nicole Borg
10:18 L-Imħallef Lofaro staqsiet lil Grech jekk kienx jinkwieta li l-konsorzju kellhu bżonn garanzija, Grech wieġeb jgħid li iva u li din il-mistoqsija kienet saret dak iż-żmien.

Louis Grech kompla jispjega li dak iż-żmien "ma konnhiex nafu li l-kumpanija kellha problemi finanzjari serji."
Nicole Borg
10:17 Dwar il-garanzija bankarja li ngħatat lill-konsorzju tal-Electrogas, Louis Grech qal li hu ma setgħax joqgħod fuq opinjonijiet u x'sema' ħaddieħor.
Nicole Borg
10:14 Hu qal li ltaqa' darba ma' Yorgen Fenech meta żaru flimkien ma' negozjant barani fejn miegħu riedu jiddiskutu xi aspetti relatati mal-Belt Valletta. Il-laqgħa ma kellhiex x'taqsam mal-power station, qal Grech.
Nicole Borg
10:13 Meta l-bord staqsa jekk Grech jaħsibx li hemm allegazzjonijiet li jaħseb li għandhom ikunu investigati, l-eks deputat PM qal li iva.
Nicole Borg
10:09 Qal li l-persuna responsabbli għall-bini tal-power station il-ġdida kien Konrad Mizzi, li dak iż-żmien kien Ministru għall-Enerġija.
Nicole Borg
10:08 Dwar x'kien jiġri fir-raba sular tal-kwartieri tal-Partit Laburista, hu qal li kien tela' fuq darbtejn biss. Qal li l-uffiċċju tiegħu kien fit-tielet sular.
Nicole Borg
10:06 Louis Grech qal li hu kien involut darba biss fi preżentazzjoni waqt il-kampanja elettorali fl-2013 meta kienet spjegata l-policy tal-Partit Laburista dwar l-enerġija. Ftakar li l-preżentazzjoni kien għamilha Konrad Mizzi.
Nicole Borg
10:05 Grech qal li ma kienx involut fl-evalwazzjoni, fid-diskussjoni u fil-proċess ta' għażla. Qal li hu ma kien involut fl-ebda stadju ieħor.
Nicole Borg
10:04 Il-bord ta' inkjesta qed jistaqsi dwar il-proġett tal-power station.
Nicole Borg
10:03 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino staqsa lil Grech jekk kienx hemm drabi meta l-policies kienu aktar "business-friendly".
Nicole Borg
10:00 Louis Grech qal li Keith Schembri kellu poter imma ma kienx joħloqlu problemi f'xogħolu.
Nicole Borg
09:58 "Wisq poter ikkonċentrat fuq persuna waħda," qalet l-Imħallef Lofaro.
Nicole Borg
09:55 "Dan rajtu jseħħ f'Malta u f'pajjiżi oħrajn," qal Grech.
Nicole Borg
09:54 Il-bord staqsa x'kien l-irwol ta' Keith Schembri.

Grech qal li kwalunkwe Chief of Staff, anke barra mill-pajjiż, għandu poteri kbar li skont ma jaħseb hu jmorru 'l barra mill-irwol tiegħu.
Nicole Borg
09:52 Grech kompla jgħid li minflok il-kitchen cabinet jaf kien hemm tim operattiv li kien qed jinfluwenza jew juża lill-gvern.
Nicole Borg
09:50 Grech qal li l-Ministeru li kien responsabbli għalih hu ma kienx involut fil-kitchen cabinet, "jekk kien hemm wieħed". Qal ukoll li ma setax joqgħod fuq dak li qal xi ħadd lill-Ministeru għall-Finanzi dwar "kitchen cabinet".
Nicole Borg
09:47 Grech qal li l-għan tal-kitchen cabinet huwa li jagħmel l-aġenda tal-kaninett u l-intenzjonijiet għandhom jibqgħu sigrieti. Hu rrefera wkoll għal dak li qal il-Ministru Edward Scicluna fix-xhieda tiegħu meta semma l-kitchen cabinet.

Hu ammetta li kull gvern jaffaċċja l-pressjoni minn negozjanti b'saħħithom.
Nicole Borg
09:46 "Jekk kien hemm kitchen cabinet, jien ma kontx naf bih u ma kontx parti minnu," qal Louis Grech.
Nicole Borg
09:45 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qal li jidher li ċerti deċiżjonijiet kienu jittieħdu minn ċertu persuni viċin l-amministrazzjoni imma mhux mill-kabinett.
Nicole Borg
09:44 Grech qal li sar jaf lil Keith Schembri fl-2013 waqt il-kampanja għall-elezzjoni ġenerali.
Nicole Borg
09:43 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qal li s'issa l-bord għadu ma fehemx b'mod sħiħ kif kienet taħdem l-amministrazzjoni taħt l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Nicole Borg
09:42 "Qed nistennew li ningħataw l-informazzjoni kollha," qal il-bord.
Nicole Borg
09:41 Il-bord spjega li għandu bżonn jifhem kif l-amministrazzjoni preċedenti użat il-funzjoni.
Nicole Borg
09:39 Grech qal li hu kien ukoll responsabbli għall-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-implementazzjoni tal-Manifest Elettorali.
Nicole Borg
09:38 Qal li hu kien ukoll Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista.
Nicole Borg
09:37 Il-bord staqsa lill-eks Deputat PM biex jgħid meta beda jkun involut fil-politika. Grech qal li l-involviment tiegħu beda fl-2004.
Nicole Borg
09:35 Louis Grech jidħol fl-awla u jitla' biex jibda jixhed.
Nicole Borg
09:31 Il-bord ta' inkjesta jidħol fl-awla.
Nicole Borg
09:29 L-avukati Therese Comodini Cachia, Jason Azzopardi u Peter Caruana Galizia qed jassistu l-familja.
Nicole Borg
09:29 Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.
Nicole Borg
09:26 L-eks Deputat Prim Ministru, Louis Grech, li kien konsulent tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, mistenni jixhed illum.
Nicole Borg
09:26 Is-sessjoni tal-lum mistennija tibda fid-9.30am.
Nicole Borg
09:25 Ninsabu live minn awla 20.
Nicole Borg
09:25 Bonġu u merħba għal dan il-blogg.
Nicole Borg

Xi spikka mis-smigħ li għadda?

  • Kompliet ix-xhieda tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar.
  • Keith Schembri ma kienx interrogat dwar 17 Black – konna għadna fl-istadju li tinġabar l-evidenza
  • Il-file dwar Operation Green jista’ jinqara f’inqas minn siegħa
  • Cutajar sar jaf bil-ħbiberija ta’ Silvio Valletta u Yorgen Fenech wara li nstabu r-rekordings
  • Ramon Mifsud, surġent tal-pulizija li kien iċċelebra l-qtil ta’ Caruana Galizia fuq Facebook, kien sospiż b’mod immedjat. Hu ssottometta ċertifikati mediċi lill-bord ta’ inkjesta u qatt ma deher għall-ebda smigħ.
  • Dwar il-każ Pilatus:
    • Silvio Valletta kellem lill-AĠ qabel ma tkellem mal-Kummissarju. L-AĠ qallu li ma kienx hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika rejd.  Il-Kummissarju ċempel lil Valletta u telaq minn fejn kien.
    • Lil Cutajar ċempillu Kurt Farrugia u qallu li l-avukati Pawlu Lia u Edward Gatt kienu sejrin għandu biex jissottomettu lment kriminali minn Joseph Muscat
    • Cutajar jgħid li abbażi tal-blogg ta’ Daphne ma setax jagħlaq il-bank u jarresta lil Ali Sadr Hasheminejad.
    • Lawrence Cutajar m’għandux idea dwar rapport li sar mill-Bank Pilatus dwar leaks.
Aqra x’ħareġ fil-Qorti minuta b’minuta:
“Keith Schembri ma kienx interrogat dwar 17 Black”