“Gatt qalli li jekk id-Degiorgios isemmu lil Cardona joqtolhom” – Theuma

Miguela Xuereb

Read in English.

  • Melvin Theuma jgħid li Chris Cardona kien jikkomunika mal-Fulu.
  • Theuma ftakar li darba kien ra lil Silvio Valletta fid-dar ta’ Fenech.
  • Theuma qal li darba Yorgen Fenech qallu li Adrian Delia kien mar jiekol għandu, iżda ma jafx jekk qalx hekk biex jiffanfra dwar kemm jaf nies.
  • Melvin Theuma qal li Yorgen Fenech qallu li Chris Cardona kien iddaħħal l-isptar wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
  • Theuma qed jgħid li David Gatt qallu li jekk id-Degiorgios isemmu lil Chris Cardona, hu (Gatt) kien ikun lest li joqtolhom.

Propju dalgħodu tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tas-sid tal-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech.

Fenech qed ikun akkużat b’kompliċita fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-kumpilazzjoni kellha titwaqqaf minħabba li l-Qorti kellha tagħlaq il-bibien tagħha kawża tal-pandemija tal-coronavirus.

13:10 Is-smigħ tal-lum jintemm hawn. Grazzi talli segwejtuna.
Nicole Borg
13:07 Is-smigħ li jmiss se jsir fit-8 ta' Ġunju mid-9am.
Nicole Borg
13:04 L-avukat Dr Caruana Curran qal li waqt is-smigħ li għadda, il-Qorti kienet ordnat li jixhdu Keith Schembri, Kenneth Camilleri u Johann Cremona.

Il-Maġistrat Montebello qalet li fis-smigħ li jmiss, il-Qorti se tispiċċa tisma' r-recordings ta' Theuma.
Nicole Borg
13:02 Tintemm ix-xhieda ta' Melvin Theuma.
Nicole Borg
12:59 Qed jgħid ukoll li hu qatt ma kien qrib Cardona jew persuni li kienu qrib ta' Cardona.
Nicole Borg
12:57 Theuma qal li hu kien iċempel lil Johann Cremona meta Yorgen Fenech ma kienx iwieġeb it-telefonati tiegħu.
Nicole Borg
12:55 Theuma semma l-ammont ta' €350,000 li kien semma miegħu Johann Cremona.
Nicole Borg
12:52 Hu qal ukoll li Fenech qalli li meta l-aħwa Degiorgio kienu fil-vann tas-CCF, wara smigħ wieħed fil-Qorti, il-gwardjani rrekordjaw lill-aħwa jgħidu li kienu se jimplikaw lil Chris Cardona f'dan kollu.
Nicole Borg
12:50 Theuma qed jgħid li David Gatt qallu li jekk id-Degiorgios isemmu lil Chris Cardona, hu (Gatt) kien ikun lest li joqtolhom.
Nicole Borg
12:49 Dr Azzopardi qal li Theuma kien f'kuntatt ma' Mario Degiorgio. Theuma kkonferma.
Nicole Borg
12:46 Theuma qal li hu ma jafx min kienet il-persuna imma qalulu li l-isem tal-persuna kien jibda bl-ittra B.
Nicole Borg
12:45 Theuma qal li jew Yorgen Fenech jew Johann Cremona kienu wrewh ritratt ta' persuna li kienet trasferiet il-flus mingħand Chris Cardona għal għand il-Fulu.
Nicole Borg
12:40 Melvin Theuma qal li Yorgen Fenech qallu li Chris Cardona kien iddaħħal l-isptar wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Nicole Borg
12:38 Theuma qal li darba Yorgen Fenech qallu li Adrian Delia kien mar jiekol għandu, iżda ma jafx jekk qalx hekk biex jiffanfra dwar kemm jaf nies.
Nicole Borg
12:36 Theuma qal li Fenech qallu li Valletta jaf min hu. F'dak il-punt hu kompla jikkonferma li kien hemm pjan biex jispiċċa jeħel kollox hu.
Nicole Borg
12:35 Theuma ftakar li darba kien ra lil Silvio Valletta fid-dar ta' Fenech.
Nicole Borg
12:33 Hu qed jiftakar f'laqgħa partikolari li kellu ma' Fenech.

Theuma qal li f'dak iż-żmien kien waqa' f'dippressjoni.
Nicole Borg
12:32 Melvin Theuma qal li hu kien iżur il-farmhouse ta' Fenech f'Ħaż-Żebbuġ fuq bażi regolari.
Nicole Borg
12:30 L-avukat Jason Azzopardi qed jistaqsi diversi mistoqsijiet lil Melvin Theuma biex jipprova jiddetermina l-ħin ta' din il-konverżazzjoni.

Theuma kkonferma li l-konverżazzjoni saret wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Nicole Borg
12:28 Theuma qal li hu kien inkwetat li kien se jispiċċa jeħel hu għax kien hu dak li kien f'kuntatt mal-Fulu u darba maċ-Ċiniż, u mhux Yorgen Fenech.
Nicole Borg
12:24 Theuma qal li Alfred Degiorgio ma ridux li jżuru fit-tinda tal-patata fil-Marsa allura beda jikkomunika ma' Degiorgio permezz tal-mowbajl.

Theuma qal li Fenech kien konxju ta' dan.

Melvin Theuma spjega li hu ried ikun jaf jekk instabx il-mowbajl tiegħu wkoll. Qal li kien għalhekk li staqsa dwar il-mowbajl ta' Cardona.
Nicole Borg
12:23 Theuma kkonferma li Yorgen Fenech kien qallu dan.
Nicole Borg
12:22 Chris Cardona kien jikkomunika mal-Fulu, qal Theuma.
Nicole Borg
12:18 Theuma kkjarifika li meta semma l-kunjom Cardona kien qed jirreferi għall-eks Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona.
Nicole Borg
12:13 Il-Maġistrat qalet li l-qorti għandha dritt terġa' tisma' r-recordings mill-ġdid.
Nicole Borg
12:07 L-avukati tad-difiża huma kontra li Theuma jingħata kopja tat-transcripts.

Dr Caruana Curran qal li Theuma kien diġà xehed fuq ir-rekording li nstema' llum. Qal li issa qed isemmi dettalji li ma kienx semma qabel, iżda minħabba li għandu t-transcripts quddiemu qed isemmihom.
Nicole Borg
12:05 Theuma qal li staqsa lil Fenech ukoll jekk kienx Keith Schembri li qallu li nstab il-mowbajl ta' Cardona fil-baħar.
Nicole Borg
12:04 Dwar x'ried ifisser meta qal "il-mowbajl ta' Cardona", Theuma qal li Fenech qallu li kienu sabu mowbajl fil-baħar li kien ta' Cardona.
Nicole Borg
12:01 Melvin Theuma spjega wkoll li hu kien staqsa lil Fenech jekk hux qed jinkwieta li kienu se jinqabdu. Qal ukoll li kellu mowbajl li kien juża speċifikament biex jikkomunika ma' Alfred Degiorgio.
Nicole Borg
11:59 Theuma qal ukoll li f'Diċembru tal-2018 hu mar vaganza. Qal li matul dan il-perjodu tas-sena, is-soltu kien isiefer lejn l-Ingilterra.
Nicole Borg
11:58 Theuma qal li fil-konverżazzjoni hu kien qed jgħid lil Fenech li kien inkwetat. Fenech qallu li m'għandux għaliex jinkwieta u li m'għandux għaliex jagħmel fuss fuq is-sitwazzjoni.
Nicole Borg
11:56 Theuma qal li ma jiftakarx il-ġurnata u l-ħin ta' dawn ir-recordings imma li jiftakar żgur hu li kienu ż-Żebbuġ.
Nicole Borg
11:51 L-Ispettur Arnaud qal li fir-recordings tinstema' persuna oħra. Theuma spjega li dik hija mart Yorgen Fenech.
Nicole Borg
11:47 Theuma ried jikkjarifika sentenza miktuba fit-transcripts imma l-Maġistrat qalet li l-ewwel il-Qorti se tisma' r-recordings kollha, imbagħad ikun jista' jitkellem.
Nicole Borg
11:45 Ir-recordings jibdew jissemmgħu fil-qorti iżda m'humiex daqshekk ċari.
Nicole Borg
11:44 Theuma ġie ppreżentat b'kopja tat-transcripts.
Nicole Borg
11:43 Is-sensar tal-assassinju jibda jixhed.
Nicole Borg
11:42 Il-Maġistrat Montebello tat permess li Fenech ipoġġi ħdejn it-tim legali tiegħu biex isegwi t-transcripts magħhom.
Nicole Borg
11:35 Caruana Curran qal li s-sensar Melvin Theuma mistenni jixhed fuq dak li jiftakar u li m'għandux ikun provdut bit-transcripts.

Hu staqsa wkoll għaliex l-avukati li qed jirrappreżentaw lil Theuma kienu qed jingħataw kompja tat-transcripts.

Il-Maġistrat Montebello qalet li l-Qorti diġà kienet ordnat li Theuma jingħata kopja tat-transcripts.
Nicole Borg
11:34 Caruana Curran talab lill-Maġistrat Montebello jekk kienx possibbli li l-klijent tiegħu jpoġġi ħdejh ħalli jkun jista' jsewgi t-transcripts miegħu.
Nicole Borg
11:31 L-Ispettur Keith Arnaud staqsa lill-Maġistrat Montebello biex tisma' r-rekording li ssemma matul is-smigħ preċedenti minħabba xi diskrepanzi.

Il-Maġistrat Montebello qalet li dan il-proċess jista' jsir fi smigħ separat sabiex il-Qorti llum tkun tista' tisma r-recording tat-transcripts imressqa llum.
Nicole Borg
11:28 Ikompli s-smigħ fil-Qorti.
Nicole Borg
11:22 L-avukat Charles Mercieca jidħol fl-awla.
Nicole Borg
11:19 Il-Qorti tissospendi s-seduta għal ftit minuti.
Nicole Borg
11:16 L-avukat Gianluca Caruana Curran qed jitkellem mal-klijent tiegħu Yorgen Fenech.
Nicole Borg
11:14 Sett ta' dokumenti oħrajn qed ikunu ċċekkjati mill-avukati tad-difiża, il-prosekuzzjoni u Dr Azzopardi. Dawn is-sett ta' dokumenti jinkludu transcripts tat-telefonati.
Nicole Borg
10:41 Illum, is-sensar tal-assassinju, Melvin Theuma, mistenni jixhed dwar aktar recordings ta' telefonati li kien hemm bejnu u bejn Yorgen Fenech.
Nicole Borg
10:40 Il-Qorti għadha qed tara li d-dokumenti tat-transcriptions preżentati fil-Qorti huma fl-ordni t-tajba.
Nicole Borg
10:38 Il-każ ta' Yorgen Fenech deher f'bosta ġurnali matul ix-xahar ta' Mejju meta l-avukat Charles Mercieca rreżenja mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u ngħaqad mat-tim legali ta' Fenech jum wara.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis kien qal li dan kien pass insensittiv u iżda li ma kienx hemm indikazzjoni ta' aġir ħażin min-naħa tal-avukat.
Nicole Borg
10:29 Il-Qorti qed tara li d-dokumenti kienu sottomessi kif suppost.
Nicole Borg
10:26 L-ispettur Arnaud staqsa lill-Maġistrat Montebello jekk kienx possibbli li d-dokumenti ppreżentati jingħataw numru.
Nicole Borg
10:19 L-Ispettur Keith Arnaud qal li r-rekordings preżentati llum m'għandux ikun fihom żbalji fit-transcripts kif preżentati fl-aħħar seduta.
Nicole Borg
10:17 Waqt l-aħħar smigħ, Melvin Theuma kien qed jixhed fuq ir-recording 0023.
Nicole Borg
10:14 Il-Maġistrat Montebello talbet għat-transcripts tar-recordings ta' Melvin Theuma. Ġew preżentati 128 file.
Nicole Borg
10:11 Tidħol fl-awla l-Maġistrat Rachel Montebello.
Nicole Borg
10:04 L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru f'isem il-parte civile għall-familja Caruana Galizia.
Nicole Borg
10:03 L-avukati tad-difiża huma Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, assistiti mill-Avukat Ġenerali.
Nicole Borg
10:02 L-akkużat b'kompliċita fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech jinsab preżenti fl-awla.
Nicole Borg
09:53 Il-kumpilazzjoni tax-xhieda mistennija tibda fl-10am.
Nicole Borg
09:51 Ninsabu preżenti f'awla 22.
Nicole Borg
09:49 Il-ġurnata t-tajba, nilqgħukom għall-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-lum
Nicole Borg

L-aħħar smigħ tax-xhieda kien sar fl-20 ta’ Frar ta’ din is-sena. Dakinhar il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech. Intant kien ikkonfermat li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru fi żmien Joseph Muscat, Keith Schembri kien se jkun qed jixhed fis-seduta ta’ wara.

Wara din is-seduta, kienu ġew skedati żewġ seduti oħrajn, waħda fis-27 ta’ Marzu f’nofsinhar u oħra fit-2 ta’ April fil-11am. Minkejja dan, il-Qorti ntalbet tagħlaq il-bibien tagħha mis-16 ta’ Marzu ‘l quddiem u b’hekk il-kumpilazzjoni tax-xhieda kellha titwaqqaf ħesrem.