Assassinju Daphne: L-FBI jiġu Malta, jintbagħtu lura mingħajr ma jixhdu

Fis-seduta tal-Erbgħa filgħodu kienu mistenniha jixhdu żewġ uffiċjali tal-FBI fil-kontro-eżami li ntalab mill-avukat tad-difiża William Cuschieri f’isem Alfred Degiorgio. Waqt is-seduta ħareġ li minkejja li d-difiża kienet għamlet it-talba biex l-uffiċjali jinġabu Malta, wara li saru l-arranġamenti huma rtiraw l-istess talba.

L-Erbgħa kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra t-tliet suspettati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. It-tliet irġiel, Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vince Muscat dehru quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

L-aġenti kienu preżenti fil-Qorti iżda ma xehdux quddiem il-Qorti bil-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ikollha tieħu deċiżjoni jekk il-kontro-eżami hux se jsir illum jew le. Wara li s-seduta kienet sospiża l-Maġistrat f’digriet qalet li hi ma tista tobbliga lil ħadd jagħmel kontro-eżami għalhekk talbet id-difiża li fi żmien 5 ijiem tagħmel nota fejn tispeċifika jekk l-aġenti hux se jkunu jixhdu fil-kontro-eżami jew le. L-Uffiċjal Prosekutur Keith Arnaud speċifika li l-informazzjoni li kien qed jitlob l-avukat tad-difiża kellu kopja tiegħu mix-xhieda li l-FBI kienet tat sena ilu.

Newsbook.com.mt huwa nfurmat li l-aġenti tal-FBI se jkunu qed jirritornaw lura l-Amerika għada.

Waqt is-seduta tal-Erbgħa xehed ukoll sid ta’ kumpanija tal-kiri li kien kera vettura lil Alfred Degiorgio fil-perjodu ta’ meta sar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet f’karozza bomba għall-ħabta tat-3pm fis-16 ta’ Ottubru 2017 qrib id-dar tagħha. Tliet irġiel qed jiġi akkużati bil-qtil tagħha, George Degiorgio (iċ-Ċiniż), Alfred Degiorgio (il-Fulu) u Vincent Muscat (il-Koħħu). Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Arnaud. Għal parte civile dehru l-avukati Jason Azzopardi, Eve Borg Constanzi u Therese Comodini Cachia, filwaqt li l-avukati William Cuschieri, Martin Fenech u Josette Sultana dehru għall-akkużati.

LIVE:

12:37 Lura fl-Awla 7 fejn il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit se tkun qed tagħti digriet dwar il-kwistjoni li qamet jekk hux se jixhdu llum l-aġenti tal-FBI fil-kontro-eżami li nġabu Malta wara talba tad-difiża ta’ Alfred Degiorgio.

Il-Maġistrat tgħid li l-Qorti ma tistax tordna li jsir il-kontro-eżami llum. Hi tgħid li qed jerġa’ jiġi nnotifikat illum u għandu ħamest ijiem biex jirrispondi jekk hux se jsir il-kontro-eżami. Temfasiżża li fin-nota jrid ikun hemm jekk hux se jsir il-kontro-eżami jew le.

Il-Prosekuzzjoni tfakkar li l-informazzjoni tinsab parti mill-atti tal-inkjesta.

Il-każ ikompli fis-6 ta’ Ġunju fil-11.30am.

11:29  Is-seduta sospiża sakemm tiddeċidi fuq din il-kwistjoni.

11:11 Jitla jixhed Arnaud fejn qed jiġi mistoqsi mid-difiża jekk u meta rċieva n-nota li biha ġiet irtirata t-talba mid-difiża fir-rigward il-kontro-eżami lill-uffiċjali tal-FBI.

Arnaud jgħid li wieħed wasal jumejn ilu u ieħor jasal ilbieraħ. Spjega li n-nota meta rċieviha fid-9 ta’ Mejju t-titjiriet kienu diġà mixtriha. Arnaud jispjega li daħal rikors biex ikun hemm direzzjoni tal-Qorti filwaqt li s-seduta kienet ġiet skedata għal-lum. Saħaq li meta rċieva n-nota, is-seduta kellha data u kienu diġà inqatgħu l-biljetti. Arnaud saħaq li huwa nfurmawhom bit-talba b’mod telefoniku.

Cuschieri jgħid li t-talba għall-kontro-eżami tal-FBI saret biss minn Alfred Degiorgio biss. Kompla jgħid li t-talba ġiet iritirata fid-9 ta’ Mejju u l-Prosekuzzjoni kienet infurmata. Kompla jgħid li l-aġenti tal-FBI kienu għadhom l-Amerika dak iż-żmien. Cuschieri kompla jgħid jekk il-Prosekuzzjoni ma nfurmatx lill-FBI u ħalliet lil dawn ix-xhieda jaslu Malta biss jumejn qabel din is-seduta, kompla jargumenta Cuschieri, allura l-aġir ‘kapriċuż’ ma kienx hemm mid-difiża. Skont Cuschieri dan qed isir biex Degiorgio ma jkollux żmien biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu jew sabiex saħansitra jiġi mċaħħad milli jsir il-kontro-eżami.

Il-Prosekuzzjoni u l-parte civile jinsistu li l-aġenti tal-FBI jixhdu fis-seduta tal-lum.

10:49 L-Ispettur Keith Arnaud jispjega li ntalab li jiġi lura x-xhud mill-FBI għall-kontro-eżami, iżda meta ġiet ikkonfermata d-data, daħlet nota mid-difiża li ma jridux li jsir il-kontro-eżami.

L-Ispettur Arnaud jisħaq li l-informazzjoni li jixtieq Cuschieri ilha għandhom sena. Sostna ma’ Cuschieri li mhux kompitu tiegħu jispjega xi tfisser id-data u li lanqas mhu impjegat tiegħu. Kompla jgħid li l-FBI ġew mill-Amerika u mhux Mellieħa.

L-avukat Jason Azzopardi qal li ladarba saret it-talba mid-difiża biex ikun hemm il-kontro-eżami biex jerġgħu jinġabu l-FBI Malta umbgħad jiritiraw it-talba. Azzopardi ssuġġerixxa biex is-seduta tiġi sospiża u tkompli iktar tard matul il-jum biex il-kontro-eżami jsir illum.

Bħalissa għaddej battibekk, b’Cuschieri jgħid li huwa rtira t-talba tiegħu stess u l-Ispettur Arnaud jgħid li l-biljetti kienu diġà inqattgħu. L-Ispettur fakkar li din id-data kienet ilha sena għand id-difiża.

(Id-difiża kienet talbet għall-kontro-eżami mal-FBI iżda ma riditx video conference).

Il-Prosekuzzjoni tisħaq li l-kontro-eżami għandu jsir illum.

Azzopardi bħala parte civile talab li ġaladarba x-xhieda jinsabu preżenti f’Malta, ladarba l-Prosekuzzjoni indikatilhom liema huwa d-dokument fejn hemm id-data li qed jitolbu. Azzopardi talab lill-Qorti tordna li d-difiża tagħmel il-kontro-eżami u f’każ ta’ bżonn tiġi posposta. Azzopardi jgħid li jekk ma jsirx dan, allura huwa mifhum li t-talba mid-difiża kienet saret in malafede biex jittawwal iż-żmien.

Il-Maġistrat irrabjat mal-avukat Cuschieri tgħidlu li jidher li dan qed jinorja dak li tibgħatlu l-Qorti, b’Cuschieri jwieġeb li email mhux notifika. Il-Maġistrat twieġeb li għandu jkellem ir-reġistratur tal-Qorti biex jibdel is-sistema f’dak il-każ.

Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-AĠ jgħid li meta saret it-talba biex issir is-seduta tal-lum, saret speċifikament biex jixhdu l-aġenti tal-FBI. (Sadanitant l-FBI jinsabu jistennew barra Awla 7). Galea Farrugia emfasiżża li x-xhieda ġew mill-Amerika biex jixhdu, bl-arranġamenti ilhom li saru. Galea Farrugia talab lill-Qorti biex il-kontro-eżami isir illum.

10:45 L-espert tal-Qorti jesebixxi xi files mal-atti tal-inkjesta li ma kellhomx x’jaqsmu ma’ dawn il-proċeduri iżda kellhom x’jaqsmu ma’ inkjesta oħra u għaldaqstant l-espert Keith Cutajar preżentament quddiem il-partijiet kollha kkanċella tliet files. Il-cache files li huma parti minn inkjesta oħra tal-2017 li ngħalqet.

10:29 Jixhed Raymond Schembri li għaraf lil wieħed mill-imputati. Jgħid li kera l-karozza lil Degiorgio fl-2017.

Schembri jgħid li ma għandhomx jeżistu dokumenti li kera l-karozza lil Degiorgio. Spjega li l-karozza kienet mikrija għal madwar tliet / erba’ ġimgħat.

Schembri jgħid li Degiorgio qala’ multa f’San Pawl il-Baħar, jispjega li kien ċempilu u qalu, b’Degiorgio jwieġeb li issa jħallsu.

Sid il-kumpanija jgħid li fit-22 ta’ Ottubru kera l-karozza lill-ħaddieħor.

Jibda l-kontro-eżami minn William Cuschieri huwa jsaqsi kemm ilu bin-negozju.

Schembri jispjega li l-karti tal-bank jinħarqu bħala sigurtà u li d-dokument li juri li l-vettura inkriet minn Degiorgio kienet inħarqet mad-dokumenti tal-bank. Jgħid li l-Pulizija kellmuh fil-2017.

Sid il-kumpanija jisħaq li ma għandux il-kuntratt tal-kera tal-karozza. Cuschieri jitlob iċ-ċitazzjoni li ngħatat lil Degiorgio, b’Schembri jwieġeb li ma baqgħalux dokumenti rigward iċ-ċittazzzjoni għax tħallset.

Fil-Qorti ħareġ li Schembri ma jafx li ġab il-karozza lura iżda fit-22 ta’ Ottubru l-vettura ngħatat lill-ħaddieħor. Schembri spjega li l-Pulizija fittxew il-karta d-dar tiegħu iżda l-karta li turi li l-vettura nkriet lil Degiorgio ma nstabietx għax aktarx inħarqet.

10:25 Jixhed l-Ispettur Arnaud u jgħid li fl-aħħar ġimgħat il-Pulizija kienet qed tfittex karozza li setgħet kienet mikrija madwar iż-żmien li nqatlet il-ġurnalista Caruana Galizia minn Alfred Degiorgio. Arnaud jgħid li nstab li Alfred Degiorgio kellu karozza mikrija mingħand ċertu Raymond Schembri ta’ Paradise Garage u Lionheart Garage. Huwa spjega li fil-bidu kellu karozza u baqa’ jinsisti mas-sid li jkollu karozza iżgħar. Il-karozza mikrija inbidlet f’Settembru 2017.

Il-karozza bħalissa tinsab mikrija għand ħaddieħor. Il-Pulizija rat il-karozza b’sid jgħid li għadha kif kienet dak iż-żmien.

Instab ukoll li kien hemm diversi multi li ngħata Alfred Degiorgio f’dak iż-żmien.

10:05 L-avukat tad-difiża William Cuschieri jgħid li jekk kien hemm thedid fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia dan sar ukoll permezz ta’ kummenti fuq il-blogg tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia. L-Uffiċjal mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jgħid li f’li inkjesta maġisterjali li saret Maġistrat Vella.

AQRA: Assassinju Daphne: Imħallef irtirat se janalizza l-messaġġi li rċeviet

L-avukat li qed jidher għal parte civile Jason Azzopardi jgħid li Running Commentary baqa’ kif inhu, u kwalunkwe persuna li mhix illiterata tista’ taqra l-kummenti li hemm fuqu.

Fil-Qorti għaddejja diskussjoni dwar ir-Running Commentary u l-mowbajl tal-vittma. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tfakkar li l-Imħallef irtirat Mallia tqabbad biex janalizza l-mowbajl għal theddid u biex jiġu protetti s-sorsi

L-avukat Cuschieri jgħid li hemm bżonn isir l-analiżi fuq it-tagħmir elettroniku li ġie ppreżentat quddiem il-Qorti. Kompla jgħid li hemm laptop li ma ġiex eżebit. Cuschieri jgħid li l-laptop li ġie eżebit, mowbajl u r-Running Commentary għandhom jiġi analizzati. Kompla jargumenta li l-problema tibqa’ jekk il-kummentarju kienx ‘filtered’ jew le.

L-avukat Azzopardi saqsa lill-Qorti jekk l-avukat difensur għandux problemi jaqra blogg, u jekk hemmx bżonn li jitqabbad l-Imħallef irtirat jeżamina xi ħaġa pubblika.

L-Ispettur Keith Arnaud mill-prosekuzzjoni jgħid li la l-vittma u lanqas il-familja qatt ma għamlet rapport li kien hemm theddid fil-kummenti. Sostna li Cuschieri jista’ jaqra u jiddentifika huwa stess.

Philip Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-AĠ saħaq li r-Running Commentary ġie eżebit fl-atti tal-inkjesta.