Il-Bord tal-Inkjesta xettiku dwar ix-xhieda ta’ Bannister

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Bord tal-Inkjesta fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wera xettiċiżmu waqt ix-xhieda tal-eks Chairman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joe Bannister. Dan billi Bannister kontinwament qal fix-xhieda tiegħu li ma kienx jaf bir-rapporti li kienu qegħdin isiru fl-MFSA dwar il-Panama Papers u l-Bank Pilatus, peress li dawn ma kinux jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu.

Illum kompliet l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Xehed l-eks Chairman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joe Bannister u anke l-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, li diġà xehed iżjed kmieni dan ix-xahar.

L-aħħar seduta kienet nhar il-Ġimgħa li għadda, iżda din saret fil-magħluq.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • L-ewwel xhud: Michael Cassar, eks Kummissarju tal-Pulizija li diġà xehed f’din l-inkjesta, iżda talab li jerġa’ jitla’ jixhed biex jiċċara punt. Talab li jixhed fil-privat u dam 50 minuta.
  • It-tieni xhud: l-eks Chairman tal-MFSA Joe Bannister. Kien Chairman tal-MFSA mill-1995 sal-1997 għaliex spiċċa l-kuntratt. Fl-1999 reġa’ daħal fl-MFSA. Irtira minħabba problemi familjari f’Marzu tal-2018.
  • Bannister spjega kif taħdem l-MFSA, li għandha primarjament żewġ korpi: il-Bord u l-Kunsill Superviżorju. Bħala Chairman, huwa kien iħallihom jaħdmu. Stqarr li ħafna affarijiet kien isir jafhom mill-gazzetti.
  • Il-Bord jistaqsi lil Bannister jekk kienx jaf lill-Kap tal-Bank Pilatus. Iwieġeb, “Iva.” Iżjed tard fis-seduta, meta l-Imħallef Abigail Lofaro semmiet li Ali Sadr huwa arrestat ġo ħabs l-Amerka, Bannister qal li ma jafx.
  • Qal li mhux infurmat dwar x’rapporti saru u x’rapporti ntbagħtu lill-FIAU wara li ħarġu l-istejjer tal-Panama Papers u ta’ Egrant.
  • Fl-esperjenza tiegħu, qal Bannister, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Sai Mizzi u Nexia BT qatt ma ħadu negozju lill-MFSA.
  • Mistoqsi jekk kienx jikkonsulta mal-Prim Ministru, qal li “mhux wisq, mhux daqskemm qed tinsinwa int.” Qal li l-aktar li kienet issir konsultazzjoni mal-Prim Ministru kien fuq affarijiet barranin, pereżempju fuqiex se jkun l-impatt ta’ Brexit fuq is-sitwazzjoni finanzjarja. Bannister qal li qatt ma kien jirrapporta lill-Prim Ministru fuq il-Bank Pilatus. 
  • Meta rriżenja, “I wanted to be out completely,” stqarr Prof. Joe Bannister.
  • Il-Bord tal-Inkjesta wera frustrazzjoni għall-fatt li kull xhud qed jibgħathom mingħand Kajfa s’għand Pilatu.
  • Prof. Joe Bannister assigura lill-Bord tal-Inkjesta li qed jagħti l-informazzjoni kollha li jaf.
16:15 Il-blogg tagħna jintemm hawn. Grazzi talli segwejtuna.
Sephora Francalanza
16:13 Se tintalab tixhed ukoll Marianne Scicluna mill-MFSA nhar it-Tnejn li ġej fis-2.30pm. L-Erbgħa ta' wara s-seduta tibda fis-2pm.
Sephora Francalanza
16:13 Ix-xhieda ta' Joseph Bannister tintemm hawnhekk.
Sephora Francalanza
16:11 Bannister jgħid li sakemm kien hemm hu, Nexia BT ma kellha l-ebda liċenzja.
Sephora Francalanza
16:08 Bannister jiftakar dwar xi ħadd li semmielu l-Imħallef iżjed kmieni fis-seduta, Mario Felice. Jgħid li jiftakru, u kien fit-Taqsima tal-Ibbankjar.

Felice kien spettur tal-MFSA li allegatament irreżenja f'dan il-perjodu.
Sephora Francalanza
16:06 L-Imħallef Lofaro tgħidlu li Ali Sadr tal-Bank Pilatus qiegħed il-ħabs fl-Amerka.

Bannister jgħid, "Ma nafx fejn qiegħed."
Sephora Francalanza
16:04 Isemmi li meta nkitbet il-liġi, jiftakar lill-eks Kelliem għall-Oppożizzjoni Lino Spiteri u l-eks Ministru John Dalli jgħidu li ma jridu lill-ebda Ministru jinfluwenza lill-Bord tal-MFSA.

L-Imħallef Lofaro tgħidlu, "Imma inti ma kontx Ministru."
Lofaro tistaqsih jekk jaħsibx li hemm lok li tinbidel u tittejjeb il-liġi.

Bannister iwieġeb, "Ma nafx." Jgħid li jridu jsiru studji b'paragun ma' pajjiżi oħra.
Sephora Francalanza
16:02 Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsi lil Prof. Bannister kif jista' jiggarantihom minn xogħol l-MFSA jekk hu temm it-terminu tiegħu.

Il-Bord jgħid li l-andament tal-inkjesta bħalissa huwa wieħed li kull xhud jgħidilhom li mhux lilu jridu jistaqsu, imma lil ħaddieħor.

Filwaqt li jassigura lill-Bord tal-Inkjesta li l-MFSA xogħolha għamlitu, Bannister jgħid, "Jekk ir-rapporti marru għand l-FIAU jew il-Pulizija, I wasn't privy to those reports."
Sephora Francalanza
16:00 Bannister jgħid li l-MFSA għandha xogħolha, lil hinn mill-Gvern. Jgħid li m'għandux dubju li xogħolha kienet qed tagħmlu.
Sephora Francalanza
15:58 Bannister jistqarr li kellu l-problemi mal-Ministri għax riedu iżjed paga. Jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat kemm-il darba qal dwaru, "Jien u Joe ma naqblux."

Jissemma li kellu kwistjoni mal-Ministru Evarist Bartolo.
Sephora Francalanza
15:56 L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsih huwiex konsulent mal-Gvern.

Qal li minħabba kwistjoni familjari talab li jirtira u mhux jirriżenja mill-MFSA.

Il-PM Joseph Muscat talbu biex jibqa' konsulent fuq l-affari ta' Brexit, imma mhux fuq din il-kwistjoni. Baqa' konsulent sal-aħħar tat-terminu ta' Joseph Muscat.

"I wanted to be out completely," jistqarr Prof. Joe Bannister.
Sephora Francalanza
15:54 Mistoqsi jekk kienx jikkonsulta mal-Prim Ministru, qal li "mhux wisq, mhux daqskemm qed tinsinwa int."

Qal li l-aktar li kienet issir konsultazzjoni mal-Prim Ministru kien fuq affarijiet barranin, pereżempju fuqiex se jkun l-impatt ta' Brexit fuq is-sitwazzjoni finanzjarja.

Bannister qal li qatt ma kien jirrapporta lill-Prim Ministru fuq il-Bank Pilatus. "Direttament qatt" ma tkellem mal-Prim Ministru fuq din il-kwistjoni.
Sephora Francalanza
15:54 Qal li meta bdew ħerġin l-istejjer, huwa għamel kuntatt ma' Juanita Bencini mill-KPMG.
Sephora Francalanza
15:51 L-Imħallef jistaqsi lil Bannister jekk meta bdew ħerġin l-istejjer, irreaġixxietx l-MFSA.

Huwa qal li għalkemm id-dettalji ma jafhomx, huwa ċert li l-investigazzjonijiet kienu għaddejjin.

Mistoqsi kienx sodisfatt bl-investigazzjoni, huwa jgħid li ma kellux dubju fl-istaff, li jsejjaħlu nies ta' talent.

L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsih kienx jissorvelja u qal li l-liġi ma kinitx tħallih.
Sephora Francalanza
15:46 Bannister jgħid li kien għamel proposta lill-Gvern li l-FIAU tittieħed taħt l-amministrazzjoni tal-MFSA peress li l-FIAU kellha problema ta' flus, iżda din "waqgħet fuq ruħ ommha."

"Problema ta' flus aħna ma kellniex. Il-problema tagħna kienet li n-negozju kien qed jiżdied."
Sephora Francalanza
15:44 Bannister jgħid li r-rappreżentant tal-MFSA fuq il-bord tal-FIAU kien Dr Anton Bartolo. Ħafna nies kienu jaħsbu li kien Bannister innifsu, jistqarr Bannister, iżda ma kienx. Bartolo kien ukoll Chairman tal-Moneyval.
Sephora Francalanza
15:43 L-Avukat Andrew Borg Cardona jsemmi lil Keith Schembri, Sai Mizzi, Konrad Mizzi, Brian Tonna, Nexia BT – jistaqsi jekk dawn kinux rikonoxxuti bħala business introducers?

Bannister: Fl-esperjenza tiegħi, qatt ma ġabu negozju lill-MFSA.
Sephora Francalanza
15:39 Isostni li ma kienx il-Bord li rtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus, imma kien il-Kunsill Superviżorju.

Bannister jgħid li l-ittra tal-irtirar tal-liċenzja ma ġietx mogħtija lilu biex jiffirmaha, imma lilu qalulu li wara s-sanzjonijiet Amerikani fuq il-Kap tal-Bank Pilatus, kellha tiġi rtirata l-liċenzja.

Jisħaq li f'Malta l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin.
Sephora Francalanza
15:38 Prof. Bannister jgħid li kien hemm persuna li kitbet lill-Kunsill Superviżorju biex jitlob il-protezzjoni tal-MFSA.

Marianne Scicluna staqsiet lil Bannister dwar dan u hu qal li ħa r-responsabbiltà hu.
Sephora Francalanza
15:36 Ir-rapporti fuq il-Bank Pilatus kienu jsiru mill-Kunsill Superviżorju, għalhekk l-Avukat Borg Cardona jistaqsi lil Bannister jekk il-mistoqsijiet fuq hekk iridux jiġu indirizzati lill-Kunsill, u mhux lil Bannister.

Bannister iwieġeb iva.
Sephora Francalanza
15:33 L-Avukat Borg Cardona jsemmi lil Konrad Mizzi, Keith Schembri, Nexia BT, eċċ. dwar meta ħarġu l-Panama Papers. Jistaqsi jekk l-MFSA għamlitx xi ħaġa dwarhom, partikolarment fir-rigward tar-reputazzjoni ta' Malta.

Bannister jgħid li ħadd ma kien liċenzjat mill-MFSA. "Timmoniterjahom trid, hux," jgħid Bannister. Skontu, meta kienu jaraw xi ħaġa ħażina kienu jirrappurtaw lill-FIAU.

Il-Bord jistaqsi: "Meta Caruana Galizia ħarġet dawn l-istejjer, l-MFSA m'għamlet l-ebda indaġni?"
Bannister iwieġeb, "Mhux qed ngħid hekk. Kien hemm superviżjoni, imma x'rapporti saru u x'rapporti ntbagħtu lill-FIAU, m'iniex infurmat".
Sephora Francalanza
15:32 "KPMG kienu jagħmlu kollox, huma ġabuhom Malta," jistqarr Bannister.

Mistoqsi jekk Keith Schembri jew Brian Tonna kinux jiġi magħhom, jgħid li le.
Sephora Francalanza
15:31 Jgħid li Dr Andre Camilleri staqsieh fuq l-advanced due diligence u hu qal li qallu biex imur għand il-kumpanija tas-sigurtà, li ma jistax jgħid fil-pubbliku liema hi.
Sephora Francalanza
15:28 Il-Bord jistaqsi lil Bannister jekk kienx jaf lill-Kap tal-Bank Pilatus. Iwieġeb, "Iva."

Bannister jgħid li fil-pre-licensing kien jarahom hu, f'dal-każ KPMG – kien ikun hemm is-sejħa għar-regolaturi u kienu jassessjawha biex jaraw hux istituzzjoni kredibbli.

Ladarba l-proċess kien jimxi biex toħroġ liċenzja, huwa ma kienx ikun involut, skont dak li jgħid Bannister innifsu.

Meta mistoqsi, jgħid li l-promoter tal-Bank Pilatus kienet il-kumpanija KPMG.
Sephora Francalanza
15:25 Bannister jgħid li fi żmienu kien hemm 3 persuni in charge. Isemmi lil Mr Carbone, u mbagħad Dr Andre Camilleri (ma jafx id-dati eżatti tiegħu), imma l-liċenzja għall-Bank Pilatus ħarġet meta kien jieħu ħsieb hu.

Bannister jgħid li Ms Marianne Scicluna ġiet appuntata madwar ħames jew sitt snin ilu. Ma kellhiex kuntatt miegħu.

Jistqarr li, "Ħafna drabi sfortunatament ġieli kont insir naf affarijiet mill-gazzetta." Madankollu, ġieli kienu jistaqsuh xi pariri.
Sephora Francalanza
15:23 Qal li kull darba kien jgħidilhom biex jaraw Artiklu 10 fil-liġi. Il-Kunsill Superviżorju kien jirrapporta lill-Bord.

L-Avukat Borg Cardona jistaqsih kif kien jieħu d-deċiżjonijiet il-Kunsill. Huwa jwieġeb li dan ma kienx jirrapporta lilu. Jirrapporta meta jsir l-infurzar, toħroġ pubblika, u mbagħad kien jirrapporta lill-Bord.
Sephora Francalanza
15:22 Mistoqsi rċeviex rapporti fuq il-Bank Pilatus mingħand l-FIAU.

Jgħid li l-liġi tagħti separazzjoni bejn il-Bord u ċ-Chairman – Artiklu 10. Jgħid li hu qatt ma rċieva ebda rapport.

Jgħid li ma jafx jekk il-Kunsill Superviżorju rċeviex rapporti fuq dan peress li hu mhuwiex parti mill-Kunsill.
Sephora Francalanza
15:21 Jgħid li kien Chairman tal-MFSA mill-1995 sal-1997 għaliex spiċċa l-kuntratt. Fl-1999 reġa' daħal fl-MFSA. Irtira minħabba problemi familjari f'Marzu tal-2018.
Sephora Francalanza
15:20 Nerġgħu nsibu postna fl-awla għax-xhieda tal-eks Direttur tal-MFSA Joe Bannister.
Sephora Francalanza
15:19 Tintemm ix-xhieda tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar.
Sephora Francalanza
15:09 L-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar għadu qed jixhed, filwaqt li l-midja qed tistenna barra l-awla.
Sephora Francalanza
15:07 X'ġara fis-seduta li għaddiet?

Is-seduta li għaddiet kienet nhar il-Ġimgħa u nstemgħet fil-magħluq.

F'ta' qabilha, xehed id-Direttur tas-Servizzi tas-Sigurtà, Joseph Bugeja. Hu żvela li s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kien attenda laqgħat tal-Kumitat għas-Sigurtà.

Il-liġi tgħid li dan il-kumitat għandu jkun magħmul mill-Prim Ministru, mill-Ministru responsabbli għas-Servizz, mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, u mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Sephora Francalanza
15:03 Ix-xhud li jmiss, Joe Bannister, l-eks Direttur tal-MFSA, jinsab jistenna li jmissu jixhed hu barra l-awla tal-qorti.
Sephora Francalanza
14:41 Ix-xhieda li ta fil-magħluq fid-9 ta' Jannar kienet dwar ir-riżenja tiegħu.

Iben il-ġurnalista assassinata, Matthew Caruana Galizia, kien kiteb fuq Facebook wara s-seduta li fil-qorti saru jafu li meta ġew ippubblikati l-Panama Papers fl-2016, il-Kummissarju mar vaganza, ġie lura bi wġigħ f’sidru, irreżenja għax ma setax joqgħod taħt il-pressjoni u ffirma kuntratt ta’ konsulenza offrut lilu mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-familja tal-ġurnalista kienu preżenti waqt ix-xhieda ta' Cassar.
Sephora Francalanza
14:39 L-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar diġà xehed fid-9 ta' Jannar.

Fix-xhieda tiegħu, kien qal li għaddietlu minn moħħu biex ikun hemm għassa fissa mad-dar ta’ Caruana Galizia. Dwar ir-rapport tal-FIAU fuq Schembri u Tonna, qal li fetaħ każ jismu Operation Green, fit-8 t’April tal-2016.

Dakinhar, Cassar ta testimonjanza ta’ tliet kwarti mingħajr il-preżenza tal-midja u l-pubbliku.
Sephora Francalanza
14:33 Jitlob li x-xhieda tiegħu tinstema' fil-magħluq. Għalhekk jibqgħu preżenti l-avukati u l-familja tal-ġurnalista Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
14:32 Jibda jixhed Michael Cassar, eks Kummissarju tal-Pulizija. Huwa diġà xehed f'din l-inkjesta, iżda talab li jerġa' jitla' jixhed biex jiċċara punt.
Sephora Francalanza
14:31 Nilqgħukom għar-rappurtaġġ live minn awla 20.

Preżenti fl-awla hawn il-ġenituri tas-Sinjura Caruana Galizia, ħutha, kif ukoll żewġha, l-Avukat Peter Caruana Galizia li llum qed jidher għall-familja. Miegħu qed jidher ukoll l-Avukat Andrew Borg Cardona.
Sephora Francalanza

Fis-seduta preċedenti, xehed id-Direttur tas-Servizzi tas-Sigurtà, Joseph Bugeja. Fix-xhieda tiegħu, Bugeja żvela li s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kien attenda laqgħat tal-Kumitat għas-Sigurtà. Il-liġi ssemmi li dan il-kumitat għandu jkun magħmul mill-Prim Ministru, mill-Ministru responsabbli għas-Servizz, mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, u mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk jaħsibx li l-preżenza ta’ Cutajar kienet konformi mal-liġi, id-Direttur qal li mhux se jwieġeb.

Isem Bannister kien issemma fil-Paradise Papers, wara li ġie żvelat li kellu rabta ma’ intrapriża Russa fis-settur tal-minjieri, liema kumpanija tirreferi għal Bannister bħala parti mill-maniġment. Dil-kumpanija nfetħet fil-British Virgin Islands meta Bannister kien għadu Chairman tal-MFSA.

Il-Professur Joe Bannister kien ilu Chairman Eżekuttiv tal-MFSA sa mill-1999, u kien Chairman ta’ dak li kien imsejjaħ iċ-Ċentru Malti għas-Servizzi Finanzjarji bejn l-1995 u l-1997. Irreżenja mill-MFSA fl-2018.

L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru għall-familja Caruana Galizia.

L-eks Imħallef Michael Mallia qed imexxi l-bord tal-inkjesta, filwaqt li l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro huma ż-żewġ membri l-oħra tal-bord. Huwa stipulat li l-inkjesta trid tintemm fi żmien disa’ xhur.