“Qed inħossni bħallikieku qed jixwuni ħajja” – Daphne lil uliedha

Miguela Xuereb

Read in English.

X’qal Matthew Caruana Galizia?

  • Fl-aħħar sentejn, uffiċjali tal-Gvern qalu li jien ħdimt biex noqtol lil ommi
  • Ommi kienet tiġi ffastidjata anke mill-Pulizija
  • L-agħar theddida kienet meta Chris Cardona ffriżalha l-kontijiet tal-bank
  • Il-kelb tal-familja miet ftit wara l-assassinju ta’ ommi
  • Darba kienet qaltilhom: “Qed inħossni bħallikieku qed jixwuni ħajja”

X’qal Peter Caruana Galizia?

  • Iltqajt magħha fl-1984 meta kienet qed taffaċċja proċedimenti fil-Qorti
  • Daphne spiċċat lanqas tmur il-baħar għax kienu jispiċċaw jeħdulha r-ritratti u jinsulentawha
  • Bdiet tinnota li kien hemm pulizija li bdew jgħaddu informazzjoni dwarha lil Glen Bedingfield, li dak iż-żmien kellu blogg.
  • Darba tefgħulha manetti fil-kaxxa tal-ittri
  • Il-Gvern qatt ma ħareġ dikjarazzjonijiet pubbliċi biex iwaqqaf il-mibegħda fil-konfront tagħha

Segwi minuta b’minuta xi ntqal fil-Qorti dalgħodu:

11:50 Il-każ se jkompli jinstema’ fl-10 ta’ Diċembru fis-2pm.

11:49 Deliberazzjoni dwar meta t-tfal l-oħra ta’ Daphne se jkunu Malta, biex jitilgħu jixhdu.

11:45 Peter Caruana Galizia qal li kellhom jittieħdu l-miżuri neċessarji kontra l-korruzzjoni fl-Electrogas, f’17 Black u fil-Panama Papers, għax fi kliemu kollha marbutin flimkien. Semma lil Owen Bonnici bħala wieħed minn dawk li sejħulha “l-blogger tal-mibegħda”.

Marti spiċċat meqjusa bħala oġġett, biex ikun iktar faċli biex jeħilsu minnha, żied jgħid. Stqarr li seta’ kien hemm oħrajn li xtaquha mejta, minbarra Yorgen Fenech. “Kieku l-kuntratt tal-Electrogas ma sarx, ma kienx ikun hawn din il-korruzzjoni. Jidher li l-kuntratt tal-Electrogas wassal għall-mewt tagħha, għalkemm jidher li hemm persuni oħra involuti”, temm jgħid Peter Caruana Galizia.

11:40 L-Imħallef Mallia staqsa jekk kienx hemm theddid wara li ppubblikat l-istorja dwar Egrant. Peter wieġeb li rċeviet theddid fuq il-media soċjali. Hu żied jgħid li hi kienet tiġi mkasbra kostantament, madanakollu, ma kinitx tħalli dan jaffetwaha ħafna.

Peter emfasizza li kien hemm żvilupp gradwali fil-mibegħda tal-pubbliku lejha. Qal li dawk li ma kinux kapaċi jaqraw u jiktbu bl-Ingliż ġew sfurzati jobogħduha.

Qal li l-aktar istituzzjoni li falliet kienet l-FIAU għax kienu huma li għamlu ċertu rapporti li għaddew għand il-pulizija. Qal li l-Pulizija kellha rappreżentant fuq il-bord tal-FIAU, Ian Abdilla. Qal li l-Pulizija kellha r-rapporti kollha tal-FIAU imma ħadd ma kien tressaq akkużat.

Mistoqsi minn Comodini Cachia jekk kienx hemm ministri li ħadu azzjoni biex iwaqqfu l-mibegħda lejn Daphne, Peter wieġeb le. Hu spjega li minbarra li kienu jsejħulha “is-Saħħara tal-Bidnija”, huma kienu jirreferu għaliha bħala blogger tal-mibegħda u kien hemm anke ministri li sejħulha hekk. Peter qal li din kienet xi ħaġa li tweġġa’ lilu u lil uliedu. Qal li bħal m’hemm min jgħid li kien tort tagħha li nqatlet u li l-Gvern ma kellux x’jaqsam ma’ dan.

Irrimarka li l-Gvern qatt ma ħareġ dikjarazzjonijiet pubbliċi biex iwaqqaf il-mibegħda lejn il-ġurnalista.

11:35 L-Imħallef Emeritu Said Pullicino qal li l-Bord jinsab hemmhekk biex jistabbilixxi jekk fallewx l-istituzzjonijiet. Żied jgħid li jixtiequ lill-armel isemmi l-istituzzjonijiet u jidentifika fejn fallew. Peter Caruana Galizia qal li l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), il-Pulizija u dawk involuti messhom ħadu l-azzjoni neċessarja dwar ir-rapporti li ġew sottomessi kif ukoll dwar il-Panama Papers. Stqarr li Daphne tħalliet waħedha fil-ġlieda kontra dak żvelat fil-Panama Papers, l-Electrogas, il-korruzzjoni bl-involviment ta’ 17 Black u ż-żjara f’Acapulco. Saħaq li ħadd ma ħa azzjoni.

Semma wkoll kemm Taste and Flair kien importanti għaliha. “Kienet tħobb tagħmlu, u kien sors ta’ dħul għaliha”, stqarr Peter, filwaqt li semma l-problemi li ffaċċjat meta l-kontijiet bankarji tagħha ġew iffriżati.

11:33 Peter qal li meta Daphne kitbet dwar il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, bdiet tirċievi ittri anonomi. Qal li hu stess kien sab manetti fil-letter box. Scerri Herrera kienet fetħet libell lil Caruana Galizia, iżda waqqgħetu aktar tard.

“Il-ħajja ma kinitx waħda normali, imma għalina dik kienet in-normalità,” qal Peter. “Konna noħduha kif tiġi,” kompla jgħid, iżda żied li qatt ma mmaġinaw li dan seta’ jwassal għall-qtil brutali tagħha.

“Kien ikollna naffaċċjaw il-bibien maħruqha, xi ħaġa li tiġi max-xogħol inniffsu, imma li wieħed joqtolha…” qal Peter.

11:29 “Il-kummissarji tal-Pulizija li daħlu wara Rizzo qatt ma kkomunikaw ma’ Daphne. Darba morna l-festa ta’ San Ġużepp ir-Rabat, konna ma’ grupp ta’ ħbieb. Ħin minnhom Ignatius Farrugia li kien akkumpanjat min-nies minn każin tal-banda tar-Rabat, beda jgħajjat u jgħajjarha, u l-patrijiet daħħluha fil-kunvent. Dakinhar Daphne għamlet rapport mal-Pulizija kontra Farrugia u oħrajn. Kien hemm xi żball u ġew maħfura”, kompla jgħid.

11:24 FIż-żmien li fih John Rizzo kien Kummissarju tal-Pulizija, hu kien jibgħatilha protezzjoni sa quddiem il-bieb. Qal li dan kien qed isir minħabba xi problemi li kienu nqalgħu u minħabba li kien żmien l-elezzjoni. Hi mbagħad bdiet tinnota li kien hemm pulizija li bdew jgħaddu informazzjoni dwarha lil Glen Bedingfield. Minn hawn hi bdiet tirrifjuta l-protezzjoni tagħhom, madanakollu, Rizzo kien jinsisti li l-punt fiss jibqa’ hemm sabiex jipprevjeni kriminalitajiet. Rizzo ħass li hi kellha bżonn il-protezzjoni.

Fi żmien ir-referendum tal-kaċċa hi kellha jumejn ta’ protezzjoni mill-pulizija. L-Imħallef staqsiet jekk kellhomx protezzjoni tal-pulizija fi żmien l-elezzjoni tal-2017. Peter qal li jrid jiċċekkja imma jista’ jkun.

Qal li fi żmien li Rizzo kien fil-pożizzjoni tiegħu, kienet issir ronda fiż-żona mill-Pulizija madwar 15-il darba kuljum. Dan kollu waqaf meta Rizzo ma baqax Kummissarju.

11:20 Peter qal li dak iż-żmien il-familja ta’ Daphne skopriet bil-libell li fetaħ Pilatus Bank lil Daphne fl-Istati Uniti. Daphne ma kinitx ġiet mgħarrfa dwar dan il-libell. Dan kien twaqqa’ wara li hi nqatlet.

Qalet li kien hemm perjodu meta d-dipartimenti tal-VAT u l-income tax kienu qed jibgħatulha numru kbir ta’ assessments. Jidher li huma kienu staqsew ukoll lill-HSBC għar-rendikont bankarju tagħha. Peter qal lill-bord li dan seħħ madwar 10 snin ilu. Hi kienet qed tintalab tiġġustifika kull tranżazzjoni fil-kont tagħha.

Fost l-oġġetti li kienet tirċievi bil-posta kien hemm manetti u ittri anonomi.

11:15 Peter Caruana Galizia qal li meta bdiet il-blogg, kienu skantati b’kemm kellha segwaċi, għax hi kienet taħdem waħedha. Hu semma’ żewġ bloggs partikolari: Taste Your Own Medicine u blogg f’isem l-MP Glenn Bedingfield.

L-armel qal li meta Bedingfield beda jibbloggja, kien juża l-blogg biex jattakka lil Daphne, u li kien hemm diversi artikli fuq il-ħajja privata tagħha, fuq iż-żwieġ tagħhom eċċ. Żied jgħid li Bedingfield kien impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kien jikteb kontriha waqt il-ħin tax-xogħol tiegħu. Stqarr li Daphne spiċċat lanqas tmur il-baħar għax kienu jispiċċaw jeħdulha r-ritratti u jinsulentawha.

“Imbagħad bdiet il-prattika ta’ ftuħ ta’ libelli kontriha, kemm kriminali kif ukoll ċivili. Qisu kien hemm pjan minn kulħadd li jiftaħ każ u jdejjaqha, anke jekk ma jkollhomx għalxejn. Henley & Partners kienu kitbulha ittri biex jippruvaw iwaqqfuha mill-kitbet.

Għal blogg li nkiteb f’Malta, heddewha li jiftħu każ fir-Renju Unit. Dan sar bil-barka tal-Prim Ministru Joseph Muscat, tal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Xi ħadd żvela l-imejl b’dan kollu lil Daphne. L-imejls intbagħtu b’indirizz privat”.

11:14 Ċertu Lino Cassar, f’artiklu fit-Torċa ttimbraha bħala s-Saħħara tal-Bidnija. “Dan weġġagħha”, żied jgħid Peter.

11:12 Peter spjega li bosta problemi bdew jitfaċċaw wara li hi dehret fuq billboard. Semma eżempju fejn xi ħadd allega li hi kienet ħabtet fih. Il-Pulizija kienu ordnawlha tmur l-għassa u wara li rrifjutat li tagħmel dan, il-Pulizija marru għaliha. Huma ma sabu l-ebda dannu fil-karozza tagħha. Sostna li s-sitwazzjoni kienet ħażina ħafna fejn saħansitra persuni bdew jagħmlu rapporti foloz dwarha.

Hu semma li kien hemm każ partikolari fejn ipparkjat l-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan, liema każ spiċċa fil-Qorti. Qal li kien ċarissimu li l-Pulizija kienu qed jigdbu. Qal li dan il-każ kien twaqqa’ għax ma kienx hemm evidenza. Il-Maġistrat Silvio Meli kien tajjar il-każ u widdeb lill-Pulizija.

In-numru tal-pjanċa tal-karozza tagħha eventwalment ħareġ fil-pubbliku u kienet issib il-karozza tagħha bil-ħsara. Eventwalment hi bdiet tuża karozza differenti.

11:07 Peter Caruana Galizia spjega li żvilupp ieħor kien meta Daphne tpoġġiet fuq billboard tal-Partit Laburista fil-kampanja elettorali tal-2013. Il-billboard kienet tinkludi uffiċjali Nazzjonalisti. Stqarr li kien ra l-billboard l-Imsida u ħassu xxukkjat. Żied jgħid li martu ma kinitx persuna ta’ partit. “Aħna qatt ma ħadna xejn mill-PN”, żied jgħid Peter.

Semma l-fake news ta’ dak iż-żmien, li fil-mira tiegħu kien hemm Daphne. Irrimarka li kienet insultata, iffastidjata u sar minn kollox biex titwaqqaf milli tkompli tikteb. Żied jgħid li martu ma kinitx tħobb tidher fuq it-TV u li kien jistħoqqilha ħajja privata għax ma kinitx qed titħallas minn fondi pubbliċi. Permezz tal-billboard saru jarfuha aktar nies u bdew jinsulentawha u jobżqulha.

11:05 Inċident ieħor li semma Peter kien meta d-dar tagħhom ħadet in-nar. Wieħed minn uliedhom kien għadu kemm wasal lura d-dar minn Paceville u ra n-nar. Peter kien irnexxielu jitfi n-nar permezz ta’ pajp tal-ilma. F’dan il-każ qal li ħadd ma tressaq akkużat. Hu spjega li kemm Vodafone kif ukoll GO kienu rrifjutaw li jgħaddu informazzjoni dwar numri ċellulari li kienu fiż-żona fil-ħin tal-inċident.

11:00 Peter tkellem dwar is-saga ta’ Meinrad Calleja. Hu qal li hi kienet temmen li mhux sew li l-Brigadier, li kien missieru, kellu kilo kokaina d-dar u kienet kitbet artiklu dwar dan.

10:53 Peter jitla’ fuq il-pedina tax-xhieda. Hu qal lill-bord li se jitkellem dwar kif kienet ħajtu ma’ martu, l-għanijiet tagħhom u l-problemi li qamu meta kienet qed tiġi ppersegwitata. Hu ltaqa’ ma’ martu fl-1984 meta hi kienet qed taffaċċja proċedimenti fil-Qorti wara li ġiet arrestata b’konnessjoni ma’ protesta li seħħet fit-tmeninijiet. Hu qal li l-Ispettur Anġlu Farrugia kien żammha arrestata minħabba 36 akkuża, uħud minnhom fittizji.

Hu qal li huma żżewġu sena wara, u hi bdiet tikteb sena wara t-twelid tal-ewwel iben tagħhom. Hi kienet l-editur tar-rivista Circle, u kitbet ukoll f’gazzetta li toħroġ darba fix-xahar bl-isem ta’ Exporter ibbażata fuq l-industrija.

Wara t-twelid tal-aħħar wild, hi kienet staqsiet lil Michael Falzon sabiex tagħmillu intervista għat-Times of Malta. Dan b’rabta mal-ħruġ tad-drenaġġ f’Tas-Sliema meta l-Ministru mar jgħum hemm biex juri li l-ilma kien nadif. Il-Ministru ma kienx ra l-artiklu qabel ma ġie ppubblikat u ħassu offiż bih.

Hi kienet intalbet tikteb kolonna darba fil-ġimgħa bl-isem “The Good, the Bad and the Ugly” li aktar kemm għadda żmien aktar kibret fil-popolarità.

Qal li kien hemm perjodu fejn investituri riedu jibdew jippubblikaw gazzetta u kienet bdiet Malta Independent. Hi ħadmet hemm full-time fejn kienu wegħduha l-pożizzjoni ta’ editur. Hi qatt ma ngħatat din il-pożizzjoni.

10:48 Comodini Cachia qalet jekk il-bord ikollu aċċess biex jikkunsidra dak li kien hemm fit-TAP3 files, dawn jistgħu jagħtuhom indikazzjoni dwar l-importanza ta’ dik l-istorja u r-reazzjoni li dik il-persuna seta’ kellha fil-konfront tal-ġurnalista. Qalet li tista’ tagħti ħjiel lejn ir-riskju serju u kif żdied jew tnaqqas. Comodini Cachia kompliet tispjega li huma riedu jistaqsu jekk il-pulizija kkunsidrawx b’mod serju r-riskju li kienet fih il-ġurnalista. Qalet li wieħed irid iħares lejn il-livell ta’ riskju li kien jeżisti.

10:43 L-avukat Therese Comodini Cachia staqsiet jekk il-bord kellux kopja tad-dokumenti ppreżentati fil-każ ta’ Chris Cardona li kienu quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale. Qalet li l-files tat-TAP3 jistgħu jagħtu indikazzjoni jekk kienx żvilupp li seta’ poġġa f’riskju akbar ħajjet il-ġurnalista. Cardona kien waqqa’ l-każ tal-libell kontra l-ġurnalista.

10:24 Il-bord ta’ inkjesta tieħu pawsa ta’ 10 minuti.

10:20 Matthew stqarr li l-awtoritajiet kienu konxji b’17 Black mill-2016. Spjega li fi żjara għand Nexia BT irriżulta li kien hemm dokumentazzjoni li ssemmi 17 Black u Macbridge u li waslet f’idejn l-awtoritajiet. Saħaq li fost l-affarijiet żvelati riċentament, kien hemm diversi talbiet lir-rappreżentazzjoni diplomatika Maltija fl-Emirati Għarab Magħquda. Spjega li fl-istess ħin, ir-rappreżentant ta’ Malta hemmhekk, ċertu wieħed Tabone, għandu kumpanija, Beat Ltd, li għandha negozju ma’ Electrogas.

10:19 Matthew qal li mill-assassinju ta’ ommu, ġew żvelati aspetti oħra dwar ħasil ta’ flus fost l-oħrajn sid il-kumpanija 17 Black. Stqarr li 17 Black ta’ Yorgen Fenech tinsab fil-Panama Papers.Filwaqt li qal li Fenech seta’ kellu l-mezzi tiegħu biex iwaqqaf kumpanija u li s’issa għadhom mhux magħrufa, Schembri u Mizzi użaw in-Nexia BT, li minn naħa tagħhom użaw lil Mossack Fonseca.

10:15 Hu qal li fiż-żmien ta’ meta nqatlet hi kienet qed tinvestiga l-kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri, kif ukoll kumpaniji oħrajn ta’ Ażerbajġani.

Fl-2017, Daphne bdiet tirċievi dokumenti privati mill-Electrogas. Dak li ġie żvelat hawn wassal għall-pubblikazzjoni ta’ the Daphne Project fl-2018. Matthew qal li kienet ittieħdet azzjoni interna biex jitwaqqaf il-kxif ta’ dokumenti.

Hu żied jgħid li l-inkwiet ta’ Fenech kien il-problemi li seta’ jaffaċċja jekk isib u jikxef lill-whistleblower.

10:10 Matthew qal li l-istess relazzjoni li Daphne kellha ma’ Rizzo ma kinitx hemm mal-Kummissarji l-oħrajn tal-Pulizija. Hu qal li dan għax hi kienet qed tinvestigahom.

Iben il-ġurnalista qal li meta hi kienet ħarġet l-istorja dwar it-trattament tal-kanċer ta’ Keith Schembri, wara li ħarġu l-Panama Papers, hi kienet ixxukkjata dwar il-mod vindikattiv li bih irreaġixxa Schembri. Qalet li hi kienet ħasbet li f’dak iż-żmien kienet storja żgħira li setgħet tiġbed is-simpatija tal-pubbliku lejh. Hu spjega li wara dan, is-sitwazzjoni bdiet tiggrava. “Kien bħal qisu kull persuna li kienet qed tiġi investigata minn ommi, Konrad Mizzi, Chris Cardona, Silvio Debono, Keith Schembri, iffurmaw interess direzzjonat lejn mod ta’ kif setgħu jagħlqulha ħalqha,” qal Matthew.

“Qed inħossni bħallikieku qed jixwuni ħajja,” qalet Daphne lil wieħed minn uliedha.

10:07 L-Imħallef Abigail Lofaro staqsiet dwar it-tneħħija tal-preżenza tal-pulizija. Matthew qal li hu ma kienx ċert kemm damu ma tneħħew il-pulizija, imma t-tneħħija seħħet wara li John Rizzo ma baqax Kummissarju tal-Pulizija. Hu spjega li Rizzo kien ikellem lil ommu, mhux bħala ħabib, imma biex iżomm konverżazzjoni għaddejja biex jassigura li ma jiġrilha xejn.

Hu żied li kien hemm xi ftit protezzjoni tal-pulizija fiż-żmien tar-referendum dwar il-kaċċa.

Meta ġie mistoqsi jekk kienx hemm protezzjoni wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Matthew qal li kien hemm stress tant qawwi li hu ma setax jiftakar. Qal li wisq probabli missieru jiftakar.

10:04 Hu u jitkellem dwar l-inċident ta’ Farrugia, Matthew qal li ommu kienet għamlet rapport li wassal sabiex tinfetaħ kawża fil-Qorti. Hu sostna li dan kien travestija tal-ġustizzja għax il-Maġistrat għamel żball fil-ġudizzju li wassal sabiex Farrugia ma jservix sentenza effettiva.

10:00 L-avukat Therese Comodini Cachia qalet li qed jippreparaw dossier għall-bord li jidentifika l-entitajiet tal-istat u kif dawn irreaġixxew għax-xogħol tagħha. Hi staqsiet jekk ommu kinitx qatt affaċċjat aggressjoni fiżika.

Matthew qal li waħda mill-aħħar drabi li kien magħha miexi l-Belt, meta kien hemm mara li aggredietha kien f’Mejju tal-2017. Qal li huma tant kienu xxukjati li baqgħu mexjin. Hu semma wkoll il-każ ta’ meta l-eks sindku taż-Żurrieq, Ignatius Farrugia, mexxa folla nies wara ommu li bdew jgħajtu magħha u jgħajruha. Qal li hi kienet tibża’ għas-sigurtà tagħha.

09:58 Matthew qal lill-bord ta’ inkjesta li minkejja li hu ma kienx konxju ta’ attivitajiet suspettużi barra d-dar hu sar jaf mill-Pulizija li kien hemm min qed isegwih.

L-Imħallef Emeritu John Said Pullicino staqsa jekk Daphne talbitx għall-protezzjoni tal-pulizija. Matthew reġa’ rrepeta li ma kienx jaf għax hi dejjem kienet toqgħod attenta li ma tinkwetax lil uliedha.

09:55 Mistoqsi dwar jekk osservax attivitajiet suspettużi barra d-dar tagħhom, Matthew qal li meta jaħseb dwar dan, fix-xahar ta’ qabel l-assassinju, wieħed mill-klieb tagħhom marad u kien se jmut. Il-vet għamillu numru ta’ testijiet iżda ma setax jidentifika għaliex saħħtu ddeterjorat daqshekk. Il-kelb kien għamel żmien qaleb għall-aħjar iżda miet ftit wara l-assassinju. Matthew qal li forsi din kienet miżura li ħadu l-irġiel li kienu qed jippjanaw li joqtlu lil ommu. “Forsi temgħuh xi biċċa laħam bil-velenu”.

09:52 L-Imħallef staqsa jekk kienx hemm theddid inkwetanti.

“Naħseb l-agħar wieħed kien meta Chris Cardona ffriżalha l-kontijiet tal-bank,” qal Matthew fil-Qorti. Hu spjega li ħass li f’dak il-mument il-poter sħiħ tal-istat attakka lil ommu. Kemm hu u kemm hi ħassewhom ġew f’punt fejn ma setgħux jgħinu lilhom innifishom. Qal li saħansitra beda jaqta’ qalbu u beda jaħseb li s-sitwazzjoni kienet se tmur għall-agħar. Qal li ħassu bħal li kieku l-art infetħet taħtu.

Dakinhar tal-qtil, Matthew spjega li ommu kienet sejra l-bank u r-raġuni għaliex ġiet lura kien għax nesiet iċ-cheque book tar-raġel tagħha. Hu spjega li Peter kien jiffirma ċekkijiet għal Daphne sabiex tużahom sakemm il-kontijiet bankarji tagħha baqgħu ffriżati.

09:45 L-Imħallef Emeritu staqsa x’tip ta’ protezzjoni ġiet offruta lil ommu qabel inqatlet. Matthew wieġeb jgħid li sal-2013, kien hemm rondi frekwenti mill-pulizija li kienu stazzjonati barra d-dar tagħha. Hu semma l-qtil tal-klieb tagħhom u darba meta d-dar ingħatat in-nar.

Matthew qal li t-theddid lejn ommu intensifika, inkluż fil-blogs ta’ Bedingfield. Hi kienet tirċievi fastidju wkoll mill-Pulizija. L-Imħallef Mallia staqsa għal xiex kien qed jirreferi meta qal fastidju mill-pulizija. Matthew semma li missieru se jkun qed jidħol f’aktar dettall dwar dan. Hu semma każ speċifiku meta xi ħadd akkużaha li ħabtet fih, u l-pulizija kienu qajmu fjask sħiħ biex jinvestigaw il-każ. Qal li każ ieħor wassal uffiċjal tal-pulzija sabiex tigdeb dwar ċitazzjoni lil ommu.

Mistoqsi jekk ommu talbitx għall-protezzjoni tal-pulizija wara l-2013, Matthew qal li ma kellux rendikont ta’ dan. Qal li ommu ma kinitx tħobb titkellem fuq dawn l-affarijiet miegħu. Qal li d-drabi li kien konxju tat-theddid kien meta kien ikun fl-istess kamra magħha u tirċievi xi ittra li kienet tarmi jew tikteb dwarha fil-blogg tagħha.

Hu u jitkellem dwar il-każ tal-pulizija li gidbet dwar ċitazzjoni, Matthew spjega li l-uffiċjal telgħet fuq il-pedina tax-xhieda u hi u nieżla qalet “dak kien dak li għidtli ngħid hux?” Matthew qal li jiftakar li l-Maġistrat kien waqqa’ l-każ.

09:40 Matthew qal li l-inkjesta għadha tinvestiga jekk l-istat ħax miżuri preventivi sabiex tipproteġi individwi li ħajjithom tinsab f’riskju. Hu żied jgħid li huma se jsibu li l-ebda miżura tat-tip ma ttieħdet fil-konfront ta’ ommu.

Hu semma li l-bord ta’ inkjesta għandha tinsisti li jkollha f’idejha rapport sħiħ u mingħajr partijiet moħbija tar-rapport dwar Egrant, ir-rapporti kollha tal-FIAU u r-rapporti kollha li saru lill-Pulizija dwar l-assassinju ta’ ommu. Hu żied jgħid li Ian Abdilla, u l-kummissarji kollha tal-Pulizija bejn John Rizzo u Lawrence Cutajar għandhom jixhdu quddiem il-bord.

09:37 Il-katina tal-poter tiżvela l-falliment komplet tas-sistema ġudizzjarja, qal Matthew. Sostna li l-pulizija qatt ma akkużaw lil Fenech, Mizzi u Schembri u lanqas lil Robert Agius (tal-Maksar) minkejja l-evidenza.

Hu qal li fattur komuni għal dan kienu Ian Abdilla li kien qed jippresidi fuq l-Economic Crimes Unit u l-Avukat Ġenerali Peter Grech li pprijoritizza l-leatà tiegħu lejn ċerti persuni milli lejn l-investigazzjonijiet.

Matthew qal li l-Pulizija hija dik l-entità tal-istat li l-aktar falliet milli tieħu azzjoni fl-iskop tagħha, speċifikament il-Kummissarju tal-Pulizija.

09:33 Matthew qal li hemm possibilità li Yorgen Fenech kien motivat mix-xewqa li jwaqqaf lil ommu milli tippubblika waħda mill-investigazzjonijiet tagħha dwar illegalitajiet li kien wettaq hu. Fenech qal li hi kienet qed taħdem fuq il-konnessjoni bejn il-kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri fil-Panama, 17 Black u SOCAR.

Matthew qal li l-ICIJ kienet għadha ma akkwistatx it-tieni parti tal-informazzjoni li kienet tispeċifika li 17 Black u Macbridge kienu klijenti diretti tal-kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri fl-istess żmien. Qal li l-unika mod kif ommu setgħet saret taf bl-inforamazzjoni kien minn sors li kellu aċċess għall-emails tal-utenti ta’ Nexia BT. Matthew qal li dak iż-żmien, Nexia BT kienet qed tiġi investigata mill-FIAU.

09:26 Caruana Galizia qal li Schembri u Sandro Craus użaw fondi tal-istat sabiex iħallsu lis-sensar tal-assassinju Melvin Tehuma. Hu kien qed jingħata salarju fl-istess waqt li kien qed jgħin sabiex tinqatel il-ġurnalista. Hu u jitkellem dwar Craus, Matthew qal li seta’ għamel dan għal żewġ raġunijiet – jew minħabba l-mibgħeda vendikattiva tiegħu lejn Daphne jew minħabba l-irwol tiegħu bħala Kap tal-Customer Care tal-OPM li x-xiri tal-voti jaqa’ taħt l-irwol tiegħu.

Matthew semma kif fl-aħħar sentejn, uffiċċjali tal-Gvern u fanatiċi inkoraġġuti mill-propoganda tal-Gvern qalu li hu ħadem sabiex joqtol lil ommu stess sabiex iwaqqa’ l-Gvern. Il-familja tiegħi qed tiġi akkużata wkoll li ppruvat twaqqa’ l-isforzi tal-investigazzjoni fl-assassinju, in-nies qal li qed jgħidu dan biex jippruvaw jallegaw li Matthew qatel lil ommu stess. Hu rrefera għan-nuqqas ta’ progress fl-investigazzjoni. Matthew Caruana Galizia nnota li kemm Keith Schembri u anke Kenneth Camilleri kienu qed jiżvelaw informazzjoni klassifikata u kienu possibilment preżenti f’laqgħat mal-pulizija u s-servizzi sigrieti.

Il-familja kienet diġà għaddiet l-isem ta’ Keith Schembri lill-pulizija. Matthew semma wkoll il-blogg ta’ Glenn Bedingfield fejn kien qal li l-qtil tal-ġurnalista se jwassal għal era ta’ ndafa.

09:22 “L-inkjesta għandha tibda billi tattakka l-mezzi ta’ korruzzjoni,” qal Matthew. Hu semma fost l-oħrajn positions of trust, permessi għall-iżvilupp, bejgħ tal-passaporti, eċċ. Hu kompla billi jgħid li dawk kollha li kellhom x’jaqsmu għandhom jitneħħew mill-ħajja pubblika u l-libertajiet tagħhom kollha għandhom jitneħħewlhom.

Matthew Caruana Galizia semma numru ta’ investigazzjonijiet li saru minn ommu, bħal dawk tal-Bank Pilatus, ix-xogħol “fantażma” (impjieg li ma jeżistix) lil Sai Mizzi, u l-bejgħ tal-passaporti u t-trasferiment ta’ art.

Hu semma li meta wieħed jara l-evidenza li hemm fil-Qorti, il-Qorti għandha tikkunsidra bħala aġir suspettuż, il-pożizzjoni tal-Gvern li jimblokka l-bidu ta’ inkjesta pubblika għal żmien twil. Caruana Galizia staqsa għaliex l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u t-tabib tiegħu Adrian Vella, kienu lesti li jirriskjaw jipperikolaw l-investigazzjoni.

09:20 “Qed nistennew li l-Gvern jgħid kollox,” qal Matthew Caruana Galizia. Hu żied li qed jistennew lill-Gvern juża l-mezzi kollha possibbli sabiex jgħin jinstab jekk kienx hemm min ipprova jgħatti jew evidenza li nqerdet.

09:17 Matthew Caruana Galizia qal li qabel l-assassinju ta’ ommu hu kien jaħdem barra minn Malta f’investigazzjonijiet dwar korruzzjoni internazzjonali. Qal li wara dak li ġara lil ommu hu beda jsegwi u jinvolvi ruħu iktar f’dak li qed jiġri f’Malta. Qal li qabel dan, kien persuna newtrali ffukat fuq xogħlu.

Hu qal li dan huwa iktar diskors tal-bidu aktar milli l-kollezzjoni kompluta ta’ evidenza. Qal li din hija bbażata fuq evidenza li jixtieq li jkollu l-opportunità li jippreżenta aktar tard.

09:14 Matthew Caruana Galizia jitla’ fuq il-pedina tax-xhieda. L-avukat Therese Comodini Cachia infurmat li hu se jkun qed jixhed bl-Ingliż. Hi staqsiet ukoll lill-bord jekk il-qraba tiegħu għandhomx jibqgħu fl-awla sakemm jagħti x-xhieda tiegħu.

L-Imħallef Emeritu Mallia qal li l-qraba jistgħu jidħlu fl-awla malli l-qraba kollha jkunu taw ix-xhieda tagħhom. Peter Caruana Galizia ħareġ mill-awla.

09:10 Il-bord ta’ inkjesta pubblika huwa li tinvestiga indipendentamet u li tirrapporta dak li ssib lill-Prim Ministru, skont ir-Reżoluzzjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti fit-12 ta’ Diċembru tal-2018 u r-Reżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsilli tal-Ewropa tas-26 ta’ Ġunju tal-2019 dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

09:08 L-Imħallef Emeritu Michael Mallia qed jaqra t-termini ta’ referenza.

09:06 Il-Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika tidħol f’Awla 20. L-Imħallef Emeritu Michael Mallia jgħid lill-avukat li jista’ jsib it-termini ta’ referenza fuq il-mejda, hemm kopja bil-Malti u bl-Ingliż. Is-smigħ se jsir bil-Malti, imma jekk ikun hemm xhieda li jħossuhom li iktar faċli jitkellmu bl-Ingliż se jitħallew jagħmlu dan.

Wara l-ftuħ tal-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, illum se jkunu qed jixhdu r-raġel tagħha Peter Carauna Galizia u binha Matthew Caruana Galizia.

Fost dawk preżenti hemm Sarah Clarke mill-NGO għall-ħelsien tal-media Article 19. Hi se tkun qed tissorvelja l-proċedimenti f’isem l-NGOs li ħarġu dikjarazzjoni lbieraħ qabel is-smigħ.

Fl-20 ta’ Settembru li għadda, wara xhur ta’ kritika, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar l-inkjesta pubblika. Dan minkejja li hu dejjem kien jgħid li ma kinitx bżonnjuża. Fi stqarrija maħruġa dakinhar, il-Gvern qal li Muscat talab li din l-inkjesta tiġi konkluża fi żmien disa’ xhur u tiġi ppubblikata fuq gwida tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika. Intqal li l-Kummissjoni se tirregola lilha nnifisha.

Il-Gvern kien ħatar lill-Imħallef Emeritu Michael Mallia biex jippresedi l-Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika. Il-Kummissjoni kienet se tkun magħmula wkoll mill-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u espert Kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo u l-espert forensiku Dr Anthony Abela Medici. Madanakollu, il-familja oġġezzjonat il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika.

Fil-15 ta’ Novembru kien tħabbar li ntlaħaq ftehim mal-familja dwar il-membri u t-termini ta’ referenza tal-Inkjesta Pubblika Indipendenti fl-assassinju tagħha.

Fi stqarrija il-Gvern spjega li l-Imħallef Emeritu Michael Mallia se jibqa’ jokkupa r-rwol ta’ chairperson. Intant intlaħaq ftehim dwar il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro bħala l-membri ġodda. Il-Professur Ian Refalo u Dr Anthony Abela Medici, li kienu ġew nominati bħala membri fuq il-Bord, irtiraw l-aċċettazzjoni tagħhom biex iservu fuq il-Bord fid-dawl ta’ dan il-ftehim.