Filmat: “L-abbuż mhux esklussivament tal-Knisja imma tas-soċjetà”

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=NnXU0uD0Nk8]

Għadhom kif tħabbru l-ħames membri tal-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Konferenza Episkopali Maltija.
Dawn huma: Andrew Azzopardi bħala Kap tal-Kummissjoni, Dr Roberta Attard, Dr Kevin Borg, Fr Antoine Farrugia S.D.B u Clarissa Sammut Scerri. Żewġ persuni oħra, Dr Joseph Sammut u Mariella Fenech Pace se jaqdu r-rwol ta’ konsulent legali u ta’ amministratur rispettivament.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, l-Isqof Charles Scicluna u l-Kap tal-Kummissjoni spjegaw il-ħidma li se ssir mill-Kummissjoni fid-dawl tal-proċeduri l-ġodda li ġew ippubblikati fid-29 ta’ Novembru 2014. 
"Mhux il-mument li l-Knisja taħbi jew tibża' titkellem"
L-Isqof Charles Scicluna qal li l-enfasi tal-Kummissjoni se tkun li jinħoloq ambjent ta’ ħarsien. Saħaq li mhux il-mument li l-Knisja taħbi, tibża’ titkellem jew ma taffaċċjax ir-realtà. Żied jgħid li jiġi indirizzat b’mod differenti abbuż li jsir minn persuni bħal saċerdoti u abbuż li jsir f’ambjenti tal-Knisja fosthom minn voluntiera, sagristani u għalliema.
Semma kif ċertu każijiet li jkunu jikkonċernaw saċerdot jew reliġjuż ikollhom jitressqu l-Vatikan għad-deċiżjoni tas-Santa Sede.
Qal li l-Kummissjoni mhux se jkollha awtorità fuq l-awtoritajiet Ekkleżjastiċi.
Dwar rappurtaġġ mandatorju, l-Isqof Scicluna qal li d-dover tal-Kummissjoni hu li tirrapporta każi lill-pulizija, fejn possibbli b’immedjatezza.
"Il-missjoni tal-Knisja mhix biss li tħares il-komunità ta' min jemmen imma li tkun ta' servizz għal kulħadd"
L-Isqof żied jgħid li jekk istituzzjonijiet oħra jitolbu l-għajnuna tal-Kummissjoni, din se tingħata. Spjega li parti mill-missjoni tal-Knisja mhix biss li tħares il-komunità ta’ min jemmen imma li tkun ta’ servizz għal min jixtieq jaqsam l-esperjenza tiegħu magħha.
"Il-problema tal-abbuż mhix esklussivament tal-Knisja imma tas-soċjetà"

Il-Kap tal-Kummissjoni Andrew Azzopardi qal li l-Kummissjoni mhux se tkun qed tinvestiga każijiet biss imma se tkun qed tiffoka fuq xogħol ta’ prevenzjoni. Spjega li dan billi tinħoloq kultura fejn it-tfal u adulti vulnerabbli jħossuhom komdi li jkunu protetti u li jħossu li dak li jsir ikun għall-interess tagħhom.
Spjega li m’hemmx żmien stipulat ta’ meta jingħalaq każ ta’ abbuż. Madanakollu wiegħed li meta l-Kummissjoni tirċievi rapport ta’ abbuż, f’temp ta’ ġimgħa jkollha pjan ta’ investigazzjoni.
Il-Kummissjoni se tiret ħames każijiet ta' abbuż mir-Response Team
Azzopardi ħabbar li l-Kummissjoni se tibda tiffunzjona fi Frar.  Spjega li bħalissa għaddejja l-fażi ta’ tranżizzjoni bejn ir-Response Team u l-Kummissjoni.
Żied jgħid li l-Kummissjoni se tiret ħames każijiet bi tlieta minnhom jinvolvu vittma minuri.
Qal li l-Kummissjoni se tkun kemm jista’ jkun trasparenti u 100% kunfidenzjali. Sostna li mhux se tkun qed tagħmel xogħol il-pulizija imma tara jekk persuna tkunx ta’ riskju li taħdem mat-tfal.  Azzopardi qal li dan ma jirrigwardjax biss il-qassisin jew reliġjużi imma l-lajċi kollha li jaħdmu f’istituzzjonijiet tal-Knisja.
Andrew Azzopardi qal li l-problema tal-abbuż mhix esklussivament tal-Knisja imma tas-soċjetà għax abbużi jiġru f’istituzzjonijiet oħra wkoll.
Azzopardi, li sal-aħħar ta’ Jannar se jibqa’ jagħmel xogħol simili fl-Assoċjazzjoni tal-Futbol Ingliża qal li meta persuna tiġi sospiża ma jfissirx li tkun pedofla. Spjega li dan isir jekk jiġi konkluż li r-riskju ma jkunx jista’ jiġi mmaniġġjat.
Dwar il-prevenzjoni, Andrew qal li trid tingħata attenzjoni fl-għażla ta’ saċerdoti u oħrajn li jaħdmu f’istituzzjonijiet tal-Knisja. Saħaq li għandu jingħata taħriġ anke lil dawk li diġa’ jaħdmu fi ħdan il-Knisja.
Inkoraġġixxa lil kull min għandu xi dettalji dwar abbuż jikkuntattja lill-Kummissjoni.
Indirizza wkoll lill-midja l-Provinċjal Fr Martin Micallef li qal li l-Kummissjoni se tara li tingħata protezzjoni u li tinforza policies dwar l-abbużi.
Aktar informazzjoni dwar il-membri hawn taħt. 
Ritratt: Photocity, Valletta