Filmat: Il-Gvern se jħallas sa 2.5% tal-interessi fuq self tan-negozji

Aġġornat 11:19 AM

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo ħabbar li l-Gvern se jkun qed jissussidja sa massimu ta’ 2.5% tal-interessi fejn jidħol self li jkollhom jagħmlu kumpaniji lokali biex ilaħħqu mal-ispejjeż li ġabet magħha l-pandemija tal-coronavirus.

Hu u jindirizza konferenza tal-aħbarijiet mal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, Bartolo beda billi tkellem dwar il-moratorju fuq is-self biex dawk kollha li ġew affettwati se jibbenefikaw. Dan ifisser sospensjoni temporanja tal-pagamenti. Dan qed isir mingħajr ma jkun hemm penali żejda. Qal li dan il-moratorju mhux qed jingħata b’mod awtomatika immw eieħd irid japplika għalih mal-bank tiegħu. Kull min irid jibbenefika minn dan jista’ japplika sat-30 ta’ Ġunju. Persuni li qabel l-1 ta’ Marzu ma kellhomx il-pagamenti mħallsin kif suppost mhux se jkunu jistgħu japplikaw għal dan il-moratorju.

Bartolo semma wkoll l-iskema fil-forma ta’ garanzija li ħarġet mill-Malta Development Bank. Din l-iskema tara li jingħata self lin-negozji biex jiggarantixxu l-ħlasijiet tal-ħaddiema, ħlas għall-materjal u anke stock, u ħlas ma’ kuntratti li ġew sospiżi u kkanċellati minħabba l-pandemija, fost oħrajn. Din l-iskemi tapplika kemm għall-intrapriżi żgħar u medji u kemm għall-ntrapriżi l-kbar.

Qal li wara diversi diskussjonijiet, il-Gvern se jkun qed jissussidja sa massimu ta’ 2.5% tal-interessi fejn jidħol dan is-self. Dan ifisser li l-kumpaniji jħallsu inqas interessi. Hu spjega li jekk għandek klijent li mar għand il-bank tiegħu u jitolbu rata ta’ 2.5% ta’ interessi, mela l-Gvern iħallas ir-rata ta’ 2.4% u l-klijent ikollu jħallas interessi ta’ 0.1%. Dan jgħodd għall-ewwel 48 xahar minn meta jinħareġ is-self. Qal li sabiex wieħed jibbenefika jrid jgħaddi mill-kriterji tal-eliġġibiltà. Bartolo qal li ħadmu mal-banek biex il-klijenti jitkellmu mal-bank u l-banek jiggwidawhom dwar liema formoli u proċessi jridu jgħaddu minnhom.

Hu semma diversi banek li kkoperaw mal-Gvern u se jkunu qed joffru u jiggarantixxu dawn l-iskemi tal-Gvern.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Scicluna qal li dan il-pakkett huwa bżonnjuż u importanti. Qal li l-pajjiż irid joqgħod attent għall-qasam tas-saħħa u għall-ekonomija. Qal li d-daqqa li qala’ l-pajjiż hija ferm kbira, tant li qed tixxebbaħ mal-great depression. Sostna li mhux faċli li l-Gvern jagħti l-għajnuna lis-settur privat għax dan jidher bħala State Aid.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar kemm hemm persuni li tkeċċew mix-xogħol u li jridu jfittxu xogħol ġdid, Scicluna qal li l-istatistika dwar dan qed tinħadem u mistennija toħroġ dalwaqt. Sostna li l-kumpaniji li qed jaqgħu taħt l-iskemi tal-Gvern, mhux mistenni li jtellfu impjiegi.

Il-Ministru Scicluna qal li persunli kellhom jipposponu ċ-ċerimonji tat-tiġijiet u l-funerali se jkunu qed jibqgħu jirċievu r-refużjoni tal-VAT. Semma wkoll li kumpaniji li qed jipproduċu l-alkoħol hemm ħsieb li jibdew jipproduċu l-hand sanitizers bħala mod kif dawn jiġu eżentati mill-ħlas tas-sisa. Qal li aktar dettalji dwar dan se joħorġu fiż-żmien qarib.

Mistoqsi dwar is-settur tat-Turiżmu, il-Ministru Scicluna qal li Malta għandha l-benefiċċju li tara l-mod kif il-pandemija infirxet f’pajjiżi oħrajn. Qal li l-ħajja rridu ngħixuha. Qal li wara li ċertu stabbilimenti jibdew jiftħu u jkun hemm ftit aktar social distancing, kif qed jiġri fiċ-Ċina. Hu qal li ħadd ma jista’ jgħid eżatt meta se nerġgħu lura għan-normal, pero għandna nkunu ottimisti. Intant, qal li se jkunu qed jiddiskutu l-mod kif il-lockdown tibda tonqos u kif ikun hemm tisħiħ mill-ġdid tal-ekonomija.

Is-Segretarju Parlamentari Bartolo kkjarifika mal-ġurnalisti li l-għajnuna tal-Gvern ma tapplikax għal persuni li jagħmlu self biex jagħmlu akkwist ta’ negozju għal dan iż-żmien. Qal li l-iskemi tal-Gvern qiegħdin hemm biex jgħinu lil dawk li jinsabu fi problemi finanzjarji kawża tal-pandemija tal-coronavirus.

Jirreaġixxu l-entitajiet

Il-Kamra tal-Intrapriżi ż-Żgħar u Medji (SMEs) laqgħet l-inizjattiva tal-Gvern, u qalet li din se tirriżulta f’faċilità tajba li ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-intervent tal-Gvern. Is-sussidju fuq ir-rata tal-interessi għandu jagħmel l-Iskema ta’ Garanzija tal-Bank Malti għall-Iżvilupp aċċessibbli u affordabbli għall-intrapriżi ż-żgħar u medji. Il-Kamra appellat lill-banek sabiex jagħmlu użu mir-rata sussidjata tal-interessi. Żiedet tgħid li għandu jkun hemm il-flessibbiltà.

Il-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex u l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu semmew fir-reazzjoni tagħhom kif fil-bidu t’April ħarġu stqarrija konġunta li fiha qalu li l-iskema ta’ garanzija maħruġa mill-Gvern ma kinitx biżżejjed għal-likwidità meħtieġa min-negozji.

Illum huma nnutaw kif il-Gvern iggarantixxa 90% tas-self lin-negozji, u li jkopri 2.5% tal-interessi tal-banek kummerċjali għall-ewwel sentejn. Dawn sejħulhom passi pożittivi li jiżguraw li l-ekonomija Maltija tibqa’ taffaċċja l-maltemp. Il-GBC u l-GTA qalu li jinsabu ċerti li issa l-banek se jerfgħu r-responsabbiltà għad-dover tagħhom li jagħmlu l-fondi aċċessibbli għan-negozji b’rati baxxi. Issuġġerew ukoll li l-ispejjeż tal-arranġamenti jinħafru.

Il-Kamra tal-Kummerċ f’Malta wkoll laqgħet is-sussidju tal-Gvern fuq ll-interessi. Stqarret li din il-miżura, flimkien ma’ oħrajn suġġeriti mill-Kamra stess, hija pass fid-direzzjoni t-tajba. L-istess bħall-Kamra tal-SMEs, il-Kamra tal-Kummerċ appellat lill-banek biex ikollhom flessibbiltà.

Hija offriet lilha nfisha għal kull għajnuna meħtieġa bejn il-membri tagħha u s-settur bankarju. Il-Kamra se tibqa’ tissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib u se tibqa’ f’kuntatt mal-membri ewlenin f’din is-sitwazzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn