L-akkużat kien ħadem f’żewġ stabbilimenti ta’ Hugo

Nicole Borg

Żewġ persuni li llum xehdu fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Bojan Cmelik li qed jiġi akkużat bil-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti, qalu kif l-akkużat ħadem f’żewġ stabbilmenti ta’ Chetcuti fiż-żminijiet differenti.

Fil-Qorti xehed Dylan Mallia li kien jaħdem f’wieħed minn negozji ta’ Chetcuti bejn 2013 u 2017 bħala Operations Manager ta’ Hugo’s Terrace. Mallia fix-xhieda tiegħu qal li l-akkużat kien tkeċċa għax ma marx għax-xogħol lejliet l-ewwel tas-sena tal-2016. Huwa meta kien mistoqsi qal li kien hu li kkomunika ma’ Cmelik li kien tkeċċa mix-xogħol. Wara reġa’ tela’ jixhed Noel Falzon li huwa miżżewweġ lil oħt Hugo, u jieħu ħsieb 5 stabbilmenti li kienu ta’ Hugo. Falzon spjega kif l-akkużat ħadem bejn Frar u Settembru 2017. Falzon spjega li waħda mir-raġunijiet għalfejn tkeċċa kienet propju l-attitudni tal-akkużat.

Xehdet ukoll Caroline Barbara li timmainġja l-lukanda ta’ Hugo. Hi saħqet li kienet rat lill-akkużat fil-lobby tal-lukanda dakinhar wara nofsinhar. Hi xehdet li kienet ordnat lill-ħaddiema jgħaddu l-filmat lill-Pulizija. Barbara kienet ma’ Hugo ftit qabel ma qala d-daqqa ta’ sikkina.

Xehed eks uffiċjal tal-Pulizija li kien mar fuq il-post flimkien ma’ uffiċjali oħra. Il-Pulizija spjega kif kien lemaħ lill-akkużat fil-bajja ta’ Tas-Sliema u kif kien ġera warajh flimkien mal-kollegi tiegħu. Iżda nqabad minn uffiċjali oħra.

Il-Qorti kienet preseduta minn Marseanne Farrugia. Il-Prosekuzzjoni ġiet assistita mill-avukat Joe Giglio li qed jidher ukoll għal parte civile. L-avukat Ishmael Psaila qed jidher għall-akkużat. L-awla kienet taħt sigurtà stretta bil-Qorti toħroġ digriet qabel ma bdew jinstemgħu x-xhieda li fiha qalet li żewġ familjari tal-akkużat u żewġ familjari tal-vitma se jitħallew jidħlu fis-seduti, filwaqt li dawk li jidħlu fl-awla għax jaqdu rwol pubbliku wkoll se jitħallew jidħlu iżda jridu jidentifikaw ruħhom.

16:04 Il-Prosekuzzjoni infurmat il-Qorti li ma baqgħilx xhieda għal-lum. Il-każ ġie aġġornat għat-12 ta’ Diċembru fit-3pm.

15:36 Jitla’ jixhed eks Uffiċjal tal-Pulizija Carl Dimech li kien duty fis-6 ta’ Lulju. Huwa jgħid li rċevew telefonata. Dimech jgħid li waslu fuq il-post b’Isaac Chetcuti jtihom id-deskrizzjoni tal-persuna li kienet tat daqqa ta’ sikkina lil Hugo Chetcuti. Dimech jgħid li Chetcuti qalu li r-raġel kellu kappell kbir u li kien bniedem ta’ statura kbira. L-eks uffiċjal kompla jispjega kif marru minn Paceville għal Tas-Sliema fuq il-promenade ta’ Tas-Sliema. Huwa jgħid li waslu ħdejn torri fejn bdew iduru bil-mixi fl-akwati. Huwa kien akkumpanjat minn żewġ uffiċjali tal-Pulizija oħra. Dimech jgħid li raw grupp ta’ studenti qed jagħmlu BBQ fuq il-bajja f’Tas-Sliema. Huwa jgħid li ra raġel li kien jixbah dak deskritt minn Isaac Chetcuti. Ir-raġel jinsisti li ma jiftakarx x’kien libes iżda issa waqt li qed jagħti x-xhieda ma jistax jiftakar x’kienet dik id-deskrizzjoni. Meta mistoqsi kemm kien il-bogħod Cmelik mill-grupp tal-istudenti, l-eks uffiċjal tal-Pulizija qal li Cmelik kien waħdu u kien jispikka mal-grupp tal-istudenti li kien fil-madwar. Jgħid ukoll li għarfu mill-ilbies tiegħu.

Kompla jispjega li kif kienu niżlin it-taraġ huwa qal lis-surġent li jaħseb li dak ir-raġel kien aktarx ir-raġel li qed ifittxu. Huwa qal li meta ppunta lejn Cmelik li kien bil-qegħda fuq il-blat, fuq ix-xellug tal-grupp, Cmelik qam u telaq jiġri. Dimech jgħid li qalu “Ieqaf! Pulizija!” Iżda Cmelik baqa’ jiġri minkejja li huwa bħala Pulizija bl-uniformi tah ordni tliet darbiet biex jieqaf.

Meta mistoqsi kif kien bil-qegħda Cmelik, Dimech jgħid li dahar ir-raġel kien lejn il-baħar.

Ix-xhud kompla jispjega li Cmelik ġera ħafna u għamlitha diffiċli biex huma jaqbduh. L-uffiċjali tilfu u nformaw lill-kollegi tagħhom. It-tfittxija kompliet fejn ic-Chalet. Huwa jgħid li waqqaf mara u uża l-mowbajl tagħha, bis-surġent tiegħu li kien fil-karozza tar-Rapid Intervention Unit jitlef ukoll lill-akkużat.

Dimech kompla jgħid li waqqaf karozza tal-Pulizija li kienet għaddejja bir-ronda. Jgħid li f’punt minnhom irċieva telefonata li nfurmatu li Cmelik kien ġie arrestat, u għaldaqstant telaq lura lejn l-għassa ta’ San Ġiljan.

Jgħid li l-Ispettur ta ordni biex jitneħħew il-ħwejjeġ ta’ Cmelik biex jiġu preservati bħala evidenza. Huma umbgħad marru flimkien mal-akkużat fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana fejn ġie ċċertifikat. Huwa jgħid li umbgħad irċievew telefonata fejn intalbu jmorru Mater Dei biex jiltaqgħu mal-espert tal-qorti.

L-avukat Joe Giglio li qed jidher għal parte civile saqsih jekk innuttax xi ħaġa mhux tas-soltu fuq ir-raġel. B’Dimech jgħid li le. Dimech esebixxa n-noti li kiteb huwa stess barra mill-awla qabel is-seduta tal-lum.

15:29 Jerġa’ jitla’ jixhed Noel Falzon. Falzon huwa miżżewweġ lil oħt Chetcuti u jieħu ħsieb 5 stabilmenti ta’ Chetcuti. Huwa jgħid li Cmelik kien impjegat minn Frar 2017 sa Settembru 2017 f’ Bacco by Hugo’s. Huwa jispjega li Cmelik kien beda bħala bar helper umbgħad beda jaħdem bħala bartender. Mistoqsi għala Cmelik ġie mkeċċi, Falzon jispjega li waħda mir-regoli li kellhom fuq il-post tax-xogħol kien li jitkellmu jew Ingliż jew Malti. Falzon jgħid li kien hemm darba fejn l-akkużat qalu li jekk irid jitkellem bis-Serb kien se jitkellem bis-Serb. Falzon jgħid li waħda mir-raġunijiet għalfejn tkeċċa kien propju minħabba l-attitudni li kellu Cmelik. Falzon qal li kien hu stess li qal lil Cmelik li ma għadux impjegat tal-istabbilment.

15:23 Jitla’ jixhed Dylan Mallia li kien jaħdem f’wieħed minn negozji ta’ Chetcuti bejn 2013 – 2017 bħala Operations Manager ta’ Hugo’s TerraceMallia jgħid li Cmelik kien jaħdem bħala bar helper meta hu kien Operations Manager, huwa jgħid li huwa kien ħa d-deċiżjoni biex jitkeċċa Cmelik meta dan ma marx għax-xogħol lejliet l-ewwel tas-sena ta’ 2016. Meta mistoqsi mill-Maġistrat min informa lil Cmelik li huwa kien tkeċċa mix-xogħol, Mallia wieġeb li kien hu stess li qalu.

15:15 Tibda tixhed Carolina Barbara li timmaniġja l-lukanda ta’ Chetcuti.

Barbara tirrakkonta kif dakinhar li ġara l-każ hi kienet qabel mal-imprenditur Hugo Chetcuti jaraw l-ikel. Hi kompliet tgħid li ħarġet ma’ Chetcuti barra biex ipejjpu. Qalet li f’ħin minnhom daħlet lura biex iġġib l-ilma. Barbara tgħid li meta kienet ħierġa rat li xi ħadd speċi ta’ jgħannaq lil Chetcuti. Hi ddeskriviet kif umbgħad rat lir-raġel jiġri b’Hugo jmur fuqha u jgħidilha li qala daqqa ta’ sikkina. Barbara tgħid li Hugo għola l-qmis u urieha d-daqqa.

Meta mistoqsija jekk kinitx ratu qabel. Hi tgħid li għall-ħabta ta’ 3pm dakinhar kienet rat raġel b’kappell tax-xemx kbir fil-lobby tal-lukanda ta’ Chetcuti. Hi tgħid li lil Bojan Cmelik kien dak ir-raġel. Hi stqarret li kien wara li ndunat li kienet iltaqgħat mal-akkużat. Barbara tgħid li hi tat instruzzjonijiet biex il-filmati mill-kameras tas-sigurtà fil-lobby jgħaddu għand il-Pulizija.

15:10 Jasal l-akkużat u tidħol il-Maġistrat. Il-Maġistrat tibda bid-digriet maħruġ mill-Qorti, dan wara l-inċident li nqala’ fl-aħħar seduta. Il-Maġistrat qalet li l-persuni awtorizzati li jidħlu fl-awla huma żewġ familjari tal-akkużat, żewġ familjari tal-vitma, u persuni tal-midja. Ħadd ma jista jħalli l-awla mingħajr il-permess tal-qorti.

15:00 Dalwaqt se tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ qtil ta’ Hugo Chetcuti quddiem il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia. L-awla tinsab taħt sigurtà massima b’seba’ uffiċjali armati ġewwa l-awla.