Filmat: Jitilgħu għal 10 l-arrestati dwar l-assassinju ta’ Daphne

S'issa ġew arrestati b'kollox 10 persuni b'rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fis-16 ta' Ottubru li għadda fil-Bidnija.
F'konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet b'urġenza f'Kastilja dalgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat żvela li kienu ġew arrestati tmien persuni "suspettati b'mod raġonevoli bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.  Qal li l-arrestati huma kollha Maltin, bi wħud minnhom magħrufa mal-Pulizija jew li kellhom każi quddiem il-Qorti. 
Il-Prim Ministru spjega kif dalgħodu saret operazzjoni ta' sigurtà, li kienet tinkludi membri tal-Korp tal-Pulizija, tal-Forzi Armati ta' Malta u tas-Servizzi tas-Sigurtà, li fi kliemu kienet frott ta' ġimgħat ta' investigazzjonijiet.
Sadanittant fi tweet ftit qabel il-11am, il-Prim Ministru ħabbar li ġew arrestati żewġ persuni oħra. 

Qal li l-ħidma għaddejja fil-Marsa, f'Ħaż-Żebbuġ, f'Buġibba u għad hemm postijiet li qed jiġu spezzjonati. Qal li l-awtoritajiet għandhom il-postijiet kollha ta' interess f'idejhom sa minn dalgħodu.
Fisser li skont il-liġijiet tal-pajjiż, il-Pulizija issa għandha 48 siegħa biex tinterroga lis-suspettati u tara tressaqx persuni l-Qorti.
Ma setax iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti jekk uħud mill-arrestati għandhomx rabtiet dwar il-każ tal-kuntrabandu tal-fuel. 

Dwar jekk il-familja tal-ġurnalista ġietx infurmata, il-Prim Ministru qal li hu m'għandux kuntatt dirett mal-familja u li jinsab infurmat li l-Maġistrat inkwerenti ġie mgħarraf b'dan kollu, u jifhem li l-familja għandhom fiduċja fih. 
Dr Muscat qal ukoll li kkonsulta mal-Avukat Ġenerali, biex ikun ċert li dak li jgħid jilħaq il-bilanċ bejn id-dritt u l-interess pubbliku għall-informazzjoni, u l-bżonn li tiġi rispettata l-preżunzjoni tal-innoċenza, li ma jwassalx li min possibilment ikun ħati, jiġi illiberat minħabba punt tekniku.

Il-Prim Ministru qal ukoll li mgħarraf li f'każ ta' prosekuzzjoni, il-forzi tas-sigurtà se jagħtu briefing adekwat. 
Sostna li matul proċess ta' kumpilazzjoni – li jistenna li fil-każ isir b'mod effiċjenti li jixraq lill-gravità tal-każ – għandha toħroġ l-informazzjoni kollha, inkluż l-input tal-FBI, Europol, in-National Bureau of Investigations tal-Fillandja u investigaturi Maltin. 
Fost dawk li tweetjaw dalgħodu dwar dawn l-investigazzjonijiet, kien hemm il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia, li dan l-aħħar il-familja tal-ġurnalista oġġezzjonat għall-aġir tiegħu, għax ippubblilka li bagħtitlu bħala ċittadini privati.

"L-Oppożizzjoni se teżerċita kawtela qabel tikkummenta" – PN 
Sadanittant il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li qed isegwi mill-qrib l-aħħar żviluppi dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.
Sellem lil kull min qiegħed jagħti sehem fl-interess tal-ġustizzja biex jinqabad minn wettaq l-assassinju. 
Il-PN qal li jħoss li fl-aqwa interess nazzjonali, l-Oppożizzjoni għandha teżerċita kawtela qabel tikkummenta, partikolarment fit-48 siegħa kruċjali għall-investigazzjoni. 
Ritratt: DOI – Omar Camilleri
Filmat Marsa: Ian Noel Pace