Ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest iż-żagħżugħ li saq fuq mutur tal-Pulizija fil-Ħamrun

16:33 Wara li l-Qorti semgħet is-sottomissjonijiet dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ċaħdet it-talba mill-ħelsien arrest dan għaliex iż-żagħżugħ kien irċieva sentenza fuq ħġieġ tinted fit-12 ta’ Marzu. Il-Maġistrat Monica Vella osservat li ż-żagħżugħ mhux talli ma tgħallem xejn, iżda kien l-istess ċirkustanzi li waslu għal dan il-każ. Kompliet tgħid li f’għajnejn il-Qorti, l-persuna mhux persuna affidabbli biżżejjed biex jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-każ ikompli fit-2 Mejju fl-10.30am.

16:10 Il-Qorti tgħid li fit-23 ta’ April iddaħħal rikors għall-ħelsien mill-arrest. Reġa’ ddaħħal rikors ieħor bl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jgħid li ma nbidel xejn minn qabel.

L-avukat Franco Debono jgħid li huma nstemgħu x-xhieda ta’ uffiċjali tal-Pulizija, kompla jispjega iżda li huwa inkwetanti meta jisma’ li l-Prosekuzzjoni għadha trid tirrintraċċa xhieda pajżana, u spjega li dan jista’ jkun sitt xhur. Debono fit-trattazzjoni nnotta li x-xhieda prinċipali nstemmgħu llum kif ukoll ħareġ id-dinamika tal-każ. Kompla jgħid li huwa jirrispetta x-xogħol tal-Pulizija u kien xi diskors li seta’ ma sarx. Debono qal li jekk kien hemm xi danni tal-mutur, dan jitħallas.

Fis-sottomissjoni tagħha l-Prosekuzzjoni tkelmet dwar il-messaġġ li qiegħed jingħata lill-pubbliku in ġenerali jekk iż-żagħżugħ jingħata l-ħelsien mill-arrest. Semma’ wkoll it-trawma psikoloġika li jsoffru meta jiġu attakkati u jkun tkissir waqt li wieħed qiegħed fuq xogħlu.

Il-Prosekuzzjoni kompliet titkellem dwar l-interess tal-pubbliku u argumentat li “attakk fuq il-pulizija huwa attakk fuq l-istat”.

L-avukat Franco Debono spjega li mingħajr ma wieħed jidħol fil-mertu tal-każ meta qed jintalab il-ħelsien mill-arrest. Huwa nnotta li għaddew 7’t ijiem minn meta ġara l-każ iżda wieħed ma għandux jibqa’ arrestat għax il-prosekuzzjoni għadha qed tiddentifika x-xhieda pajżana.

15:59 Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti li jinħatar espert mediku legali biex f’każ li ma twaqqafx l-akkużat xi ġrieħi ġarrbu l-Pulizija. Hawn l-avukat tad-difiża oġġezzjona bil-qawwa u argumenta li wieħed mhux espert għandu bżonn iżda fortune teller.

Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex taħtar espert biex ikejjel id-distanzi li kienu indikati mis-surġent li xehed illum. Id-difiża ma opponietx għat-talba iżda talbet biex l-imputat ikun preżenti waqt li l-espert ikun qed ikejjel id-distanzi. Il-Qorti ħatret perit għal dan.

14:40 Jibda jixhed il-kuntistabbli li mar fuq il-post wara li s-surġent talab għall-għajnuna. Jgħid li fuq il-post huwa pparkja quddiem il-vettura taż-żagħżugħ. Spjega li huwa niżżel bil-patt li jżomm iċ-ċavetta hu. Il-kuntistabbli qal li ż-żagħżugħ ħareġ mill-vettura jżomm iċ-ċavetta fis-suba’ tan-nofs ta’ idu l-leminija.

Il-kuntistabbli qal li sema’ lix-xufier jgħid lil xi ħadd ieħor ‘it-tifla ok?’ fuq il-mowbajl. Kompla jispjega li wara t-tħassib taż-żagħżugħ kienu dwar il-vettura.

Il-kuntistabbli qal li ż-żagħżugħ kien qed issuq vettura sewda faħma li ma tara xejn minnha. Huwa qal li dan uża kliem dispreġġativ fil-konfront tal-Pulizija.

Fil-kontro-eżami, il-kuntistabbli qal li huwa ma semax kollox mit-telefonata iżda dik il-parti fejn l-akkużat saqsa għat-tifla. Kompla jgħid li ma sema qatt lill-akkużat isemmi ċ-ċentru tas-saħħa.

Il-kuntistabbli ntalab ipinġi l-pożizzjoni tal-vettura, bankina u l-muturi fuq karta li se tiġi esebita. Wara li lesta, l-kuntistabbli ċċajta li mhix “to scale”. Il-kuntistabbli qal li kieku ried l-akkużat kieku ried seta joħroġ mingħajr ma jolqot il-mutur. Il-kuntistabbli saħaq “kieku ried vera joħroġ, seta, mingħajr ma jolqot il-vettura ta’ quddiem u l-mutur tiegħi”.

Il-Qorti semgħet il-kuntistabbli jispjega dwar id-distanzi bejn il-mutur u l-vetturi. Meta reġa’ mistoqsi l-kuntistabbli huwa spjega li dan dawwar 90 degrees u forsi seta kien diffiċli biex joħroġ.

Fil-kontro-eżami l-avukat Franco Debono saqsa dwar kontravenzjoni ta’ meta wieħed ikollu l-ħġieġ skuri, bil-kuntistabbli jwieġeb li din hi ġeneralment ċittazzjoni ta’ madwar €11.

Il-kuntistabbli qal li dak il-ħin irreaġixxa kif irreaġixxa x-xufier. L-avukat Debono staqsa lix-xhud jekk jafx fuq xiex inqalat din il-kwistjoni, bil-kuntistabbli jwieġeb li ma kienx fuq il-post mill-bidu.

L-avukat Debono rrefera għax-xhieda tas-Surġent fejn dawn issarraw maċ-ċavetta, bil-kuntistabbli jispjega dak li ra.

Meta mistoqsi ssemmewx ismijiet meta l-akkużat qal li “kuġinuh tajjar wieħed”, il-kuntistabbli wieġeb li ma ssemmew l-ebda ismijiet, iżda f’moħħu każ wieħed jiġih u qal li f’moħħu jiġi biss il-każ ta’ Simon Schembri. Il-kuntistabbli kompla jgħid li hu beża’.

Bħalissa fil-Qorti għaddejja diskussjoni sħiħa fuq il-manetti u kif jaħdmu l-manetti, liema manetti ġew provduti mill-prosekuzzjoni. Intant l-avukat Franco Debono preżenta ċavetti simili li wieħed jista’ jakkwista mis-sit www.ebay.com.

Jidher li ż-żagħżugħ spiċċa migruf meta pruvaw joħdulu ċavetta minn idu. Il-kuntistabbli qal li ċavetta mgħawġa għax l-akkużat “għamel reżistenza” filwaqt li Debono argumenta li forsi l-każ kien li l-Pulizija użaw il-forza biex joħdulu ċ-ċavetta.

13:16 Surġent tal-Pulizija Matthew Cachia stazzjonat fit-taqsima tat-traffiku. Huwa jgħid li kien qiegħed fit-Triq il-Kbira il-Ħamrun meta nnotta vettura ħirġa minn Triq San Tumas li kellha ħġieġ saħanistra l-windscreen bit-tinted glass. Sostna kif huwa beda jsegwi lill-vettura u kif waqqfu quddiem Daniel’s u iktar tard quddiem Baba Ganoush.

Jgħid li huwa ddaħħal idu fil-vettura u tefa’ l-karozza, wara li l-akkużat sfida lill-Pulizija. Kompla jispjega li ż-żagħżugħ qalu li ‘kuġinuh ma ddejjaqx itajjar wieħed u hu mhux se jiddejjaq itajjar tnejn’. Is-surġent qal lill-Qorti li kien hawn li ppanikja ftit. Fl-aħħar ikkonvinċew lill-akkużat joħroġ mill-karozza filwaqt li żamm f’idu ċ-ċavetta tal-vettura. Spjega li kien hemm bżonn l-assistenza tal-RIU u iktar pulizija biex iż-żagħżugħ ġie arrestat.

Is-Surġent qal lill-Qorti li l-passiġġieri ma kienux libsin puliti, iżda ħwejjeġ ta’ ġewwa.

Il-Prosekuzzjoni saqsiet jekk jiftakarx li qalu xi kliem x’ħin għamel il-U turn iżda mhux għal fuq it-triq prinċipali, s-Surġent wieġeb li l-akkużat qal li mhux se jmur warajhom.

Is-Surġent kien mistoqsi jekk l-akkużat saqx biex jiġbor xi nies, bis-Surġent jgħid li ma kienx il-każ.

Is-Surġent sostna li x-xufier ma bediex jikkopera u beża’ li s-sitwazzjoni tista’ teskala.

Il-Prosekuzzjoni saqsiet x’inhi l-proċedura meta jkollok persuna li mhux tikkopera u li tkun fil-vettura. Is-surġent wieġeb li f’każijiet bħal dawn jgħidu lill-persuna titfi l-vettura filwaqt li l-Pulizija quddiem il-vettura tersaq minn quddiem il-vettura.

Kompla jispjega li x’ħin saq għal fuq il-mutur, huwa kien b’idejh fil-vettura fuq iċ-ċavetta. Jgħid li l-vettura waqfet x’ħin laqgħtet mal-mutur iżda ma jafx ir-raġuni għala waqfet.

Is-Surġent jgħid li ma rrnexxillu joħroġ iċ-ċavetta mill-vettura, qal li wara sar jaf li dan għax il-vettura hi waħda awtomatika u għalhekk trid tkun qedgħda ‘park’. Kompla jispjega li ż-żagħżugħ qalu li ‘ċ-ċavetta mhux se joħodha’.

Is-surġent assistit minn kuntistabbli spjega li l-liċenzja ma kinitx tidher fuq il-vettura minħabba t-tinted, iżda huwa kien laħaq ċempel u kien infurmat li kellu kollox imħallas.

L-akkużat u l-passiġġieri kienu mingħajr safety belt skont is-Surġent. Jgħid li dan rah meta l-akkużat niżżel it-tieqa u mhux mill-windscreen.

Is-surġent qal li l-akkużat kien qed isuq normali sakemm waqfu, spjega li kien wara li qalu li mhux ġej warajh ma saqx normali u li jikkunsidra s-sewqan għal fuq il-mutur bħala wieħed negliġenti.

L-akkużat kien aggressiv skont is-surgent. Kompla jispjega li minħabba l-kommossjoni li nqalat ħarġu n-nies barra b’uħud minnhom jiffilmjaw l-inċident u poġġewhom fuq l-internet.

Is-surġent qal lill-Qorti li l-akkużat qalu li kellu jieħu lill-persuna minorenni ċ-Ċentru tas-Saħħa. Waqt li qed jagħmel U turn huwa kien qiegħed fuq il-mowbajl ma’ xi ħadd, l-akkużat qal lis-surġent li “int kiesaħ u tort tiegħek li ġara dan kollu”

Il-mutur kien wieqaf madwar 1.5m quddiem il-vettura bis-surġent jgħid li ż-żagħżugħ waqaf meta laqat il-mutur.

Is-surġent fit-tweġibiet tiegħu qal li fil-vettura kien hemm mara li jista’ jkun li kienet libsa l-piġama b’tifla ta’ mhux iktar minn tliet snin fuqha. Jgħid li huwa qal lill-akkużat biex  ”isuq warajja għal garaxx tal-pulizija minħabba t-tinted”. Debono saqsa jekk qalux li waqfu minħabba t-tinted, bis-surġent jgħid li iva “fuq xi ħaġa żgħira”.

Is-surġent wieġeb li f’każ ta’ tinted wieħed jittieħed il-garaxx jingħata ċittazzjoni u jneħħih u jibqa’ sejjer. Kompla jgħid li ma ħasibx li s-sitwazzjoni kienet se teskala hekk.

L-uffiċjal tat-traffiku jgħid li ċ-Ċentru tas-Saħħa ssemma’ wara li waqqaf lill-passiġġieri.

L-avukat Debono reġa’ saqsa jekk l-akkużat qalux fl-ewwel darba li twaqqaf li kellu bżonn imur iċ-ċentru tas-saħħa. Is-surġent jgħid li kien fit-tieni darba li waqqaf lill-akkużat li semma’ ċ-ċentru tas-saħħa. Meta mistoqsi dwar id-distanza bejn iż-żewġ punti fejn twaqqaf, is-surġent qal li ma jistax jgħid eżatt. Il-Maġistrat Monica Vella intervjeniet tgħid li l-Qorti għandha idea tad-distanza bejn id-distanzi minħabba li spiss tgħaddi mit-triq imsemmiha lejn il-Belt.

Is-surġent fil-kontro-eżami qal li sa ċertu punt obda l-ordinijiet sakemm niżżel il-persuni fil-kantuniera. Spjega li meta l-akkużat qalu li kien sejjer iċ-ċentru tas-saħħa ma kellu l-ħadd miegħu.

Is-surġent qal lill-Qorti li b’kollox damu xi 10 minuti sakemm l-akkużat ġie arrestat.

Jgħid li wara li kien arrestat l-akkużat ħax ħsieb il-mara u t-tifla, bis-surġent jtemm jgħid li assuma li dik kienet skuża.

Meta mistoqsi għala ma ttieħdux il-miżuri qabel biex il-mara u t-tifla jittieħdu ċ-ċentru tas-saħħa, is-surġent qal li kieku kien jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex dawn jittieħdu lejn iċ-ċentru tas-saħħa.

L-avukat Debono staqsa lis-surġent jekk wara li kien arrestat iż-żagħżugħ ħasibx fil-mara u t-tifla li iktar kmieni ssemmiet u li kellha bżonn l-attenzjoni medika. Bis-surġent iwieġeb li la hu u lanqas il-pulizija li assistew ma marrux jaraw x’ġara mill-mara u t-tifla.

L-avukat Debono saqsa jekk humiex l-istruzzjonijiet huma li wieħed jipparkja madwar 1.5m quddiem il-vettura kif għamel il-kollega tiegħu.

Is-surġent spjega li kien hemm żewġ parkeġġi vojta, u li l-imputat daħal fil-parking bay. Kompla jispjega li huwa pparkja l-mutur tiegħu wara filwaqt li l-kollega tiegħu madwar 1.5m quddiem il-vettura ‘l barra fuq it-triq. Is-surġent qal li huwa kien iffukat fuq iċ-ċavetta u ma rax. Jgħid li ma jafx xi ħsara saret fuq il-mutur wara li dan ntlaqat u waqa’ hekk kif iż-żagħżugħ prova joħroġ mill-parking bay iżda ż-żagħżugħ waqaf waqa’ l-mutur. Qal li filwaqt li fil-bidu qalu biex ikellmu, iktar tard huwa nsista li dan imur il-garaxx biex jinqala’ t-tinted glass.

Is-surġent spjega li fil-ħin li saq biex joħroġ ‘il barra, huwa kien fuq in-naħa tax-xufier, bil-kollega tiegħu fuq in-naħa ta’ wara fit-triq.

Fit-tweġiba li ta lill-prosekuzzjoni x-xhud qal li l-akkużat kien iktar moħħu fil-vettura, u kien ikkonċernat iktar biex jitfi l-vettura għax kien ikkonċernat li l-akkużat seta’ forsi jsuq għal fuq l-uffiċjali.

L-avukat Franco Debono staqsa lis-surġent ara jekk hux jgħid li sew li dak li qiegħed jgħid u qatt ma seta jiġri għax biex il-vettura awtomatika tisstartja trid tpoġġi b’id il-vettura fuq ‘neutral’ u l-id l-oħra fuq l-isteering wheel. Debono insista li dak li qal iktar kmieni li b’idejh it-tnejn kien qed iżomm id is-surġent u fl-istess ħin jisstartja din ma kinitx possibbli.

Is-surġent qal filwaqt li huwa prova jaqla’ ċ-ċavetta mill-ignition, l-imputat dawwar iċ-ċavetta b’id is-surġent fuq iċ-ċavetta.

13:00 Jibda jixhed l-Ispettur Pierre Guido Saliba. Huwa jispjega li kien fl-uffiċċju meta sema’ li surġent kien talab l-assistenza minħabba li persuna kellha tiġi arrestata għax saqet fid-direzzjoni tal-Pulizija.

Jgħid li dakinhar filgħaxija li kien arrestat iż-żagħżugħ prova jweġġa’ lilu nnifsu u għalhekk ttieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana. Spjega li l-imputat kien se jiġi rreferut għall-iktar stħarriġ mediku iżda ż-żagħżugħ kellem it-tabiba jgħidilha li mhux se jerġa’ jipprova jweġġa lilu nnifsu. L-Ispettur qal li ż-żagħżugħ ittieħed il-lock up iżda prova jerġa’ jagħmel l-istess u għalhekk reġa’ ttieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa u imbagħad kien irreferut għall-isptar Mater Dei.

L-Ispettur qal li breathalyser fuq iż-żagħżugħ kien irriżulta fin-negattiv.

Fil-kontro-eżami l-avukat Franco Debono reġa’ staqsa jekk kienx jaf li kellu persuna li kellha tmur il-klinika għax bid-deni.

L-Ispettur wieġeb li kien hemm persuna feminili u persuna minorenni, jgħid li dan irriżulta minn dak li qal s-Surġent li kien fuq il-post filwaqt li ż-żagħżugħ għażel li ma jagħtix iktar dettalji. Jgħid li ma jafx x’kienu libsin il-passiġġieri jew il-kundizzjoni tas-saħħa.

Debono staqsa jekk iż-żaġħżugħ qalx lill-Pulizija biex isiru l-arranġamenti meħtieġa biex ikun jista’ jieħu lill-persuna bid-deni lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Furjana.

L-Ispettur wieġeb li mill-investigazzjoni ż-żagħżugħ saq lejn il-Furjana, dar fejn il-Mile Land u waqaf fejn il-ħanut Baba Ganoush. Kompla jispjega li ż-żagħżugħ kellu tinted glass u għalhekk twaqqaf oriġinarjament, filwaqt li spjega l-proċedura tal-Pulizija f’każijiet ta’ vetturi bit-tinted glass.

L-Ispettur Saliba jgħid li ħadd ma weġġa’ fil-każ.

F’risposta għall-mistoqsija tal-Qorti, l-Ispettur saħaq li l-akkużat ma semma xejn dwar il-passiġġieri ħlief li kienet is-sieħba tiegħu u qalu li kien ippanikjat minħabba li “ma għoġbux l-atteġġjament tal-Pulizija”.

12:45 Jibda jixhed l-Ispettur Matthew Galea, jgħid li huwa kien infurmat fl-20 ta’ April li persuna hedded lill-pulizija tat-traffiku u saq għal fuq il-mutur tal-istess pulizija quddiem stabbilment tal-ikel fil-Ħamrun.

L-Ispettur qal li uffiċjal tal-Pulizija elleva filmati mill-kamera tas-sigurtà minn stabbilment viċin fil-ħin li seħħ il-każ.

L-Ispettur qal lill-Qorti li ż-żagħżugħ kien qed jaġixxi b’mod suspettuż u spjega li dan kien qed jistaħba wara ċ-ċint tat-tojlit u rawh ukoll issabbat rasu fil-lock up. Huwa ttieħed il-klinika tal-Furjana fejn it-tabiba qalet li r-raġel għandu jibqa’ taħt superviżjoni kontinwa. Huwa reġa’ ttieħed l-isptar Mater Dei wara li qala’ kommossjoni.

L-Ispettur Galea spjega li dakinhar li seħħ il-każ passiġġiera kien hemm miegħu mara u tifla li niżlu mill-vettura. Skont l-Ispettur iż-żagħżugħ qal li ma jafx kif spiċċa l-lock up mill-Ħamrun.

L-Ispettur Galea ppreżenta kopji tas-sentenzi preċendenti li nqattgħu fil-konfront tal-akkużat.

Fil-kontro-eżami l-avukat Franco Debono saqsa jekk mill-investigazzjonijiet li saret irriżulta li kien hemm persuna bid-deni li kienet sejra klinika. L-Ispettur iwieġeb li dan ma ħariġx fl-interrogatorju li sar. Debono kompla ssaqsi jekk irriżultax il-każ kollu nqala’ minħabba li kien hemm passiġġiera bil-piġama u li kellha d-deni.

L-Ispettur wieġeb li rriżulta kien li żewġ passiġġieri niżlu mill-vettura, il-vettura kienet stazzjonata quddiem stabbilment, u li imbagħad prova jitlaq minn fuq il-post u għamel U-turn.

L-Ispettur kompla jgħid li dan ma rriżultax fl-investigazzjoni.

12:40 Tidħol fl-Awla l-Maġistrat Monica Vella. Fl-awla hawn l-imputat. Il-Prosekuzzjoni mmexxiha mill-Ispettur Pierre Guido Saliba tgħid lill-Qorti min mistenni jixhed illum. L-Ispettur Saliba qal li l-prosekuzzjoni għadha qed tara lil min se ttella’ bħala xhieda pajżana.

Dan wassal biex l-avukat tad-difiża Franco Debono ġibed l-attenzjoni tal-Qorti li l-akkużat ilu arrestat u se jkun hemm talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żagħżugħ.

12:30 Ninsabu f’Awla numru 11 fejn mistenniha tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żagħżugħ ta’ 24 sena li allegatament prova jtajjar Pulizija. Fl-aħħar seduta l-Qorti semgħet kif iż-żagħżugħ allegatament qal li kuġinuh diġà tajjar uffiċjal tal-pulizija u li hu ma kienx se jiddejjaq itajjar tnejn meta numru ta’ uffiċjali tal-pulizija ppruvaw iwaqqfuh milli jkompli jsuq.

AQRA: Aġġornata (2): “Kuġinuwi tajjar 1, mhux se niddejjaq intajjar 2”

Illum tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żagħżugħ li prova jtajjar Pulizija fil-Ħamrun. Il-każ seħħ fl-20 ta’ April għall-ħabta ta’ 3.15pm.

AQRA: Ġuvni jsuq għal fuq mutur tal-pulizija fil-Ħamrun; jarrestawh

Il-Qorti hi preseduta mill-Maġistrat Monica Vella.

Għall-akkużat qed jidhru l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.

Il-Prosekuzzjoni hi mmexxiha mill-Ispettur Pierre Guido Saliba u l-Ispettur Matthew Galea.