Ma nistax nixhed li Schembri ħallas għall-qtil ta’ Daphne – Theuma

Rapport dwar x'ġara fil-Qorti fil-bidu tal-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech

Read in English.

Illum bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black li jinsab akkużat li kien kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

X’qal Melvin fix-xhieda tiegħu?

  • Li ma jistax jgħid taħt ġurament li Keith Schembri xi darba tah xi flus jew kellmu fuq l-assassinju
  • Yorgen qallu li Schembri ma seta’ jagħmel xejn biex iġib il-ħelsien mill-arrest għall-aħwa Degiorgio
  • Kien jaf li Schembri u Yorgen kienu ħbieb kbar u beża’ li jitfgħuh il-ħabs jew joqtluh.
  • Kien qed jikkunsidra suwiċidju imma dawwar il-ħsieb għax ħass li jkun qed jagħmel pjaċir lil Yorgen.
  • Johann Cremona u Kenneth Camilleri mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru marru għandu biex jiddiskutu l-assassinju ta’ Daphne.
  • Jumejn wara li Yorgen qallu biex isib lil xi ħadd biex joqtol lil Daphne, Yorgen reġa’ ċempillu u qallu li kien se jċempillu Sandro Craus. Craus minn Kastilja ċempillu u tah appuntament ma’ Keith Schembri.  
  • Qal li staħa jistaqsihom għaliex kienu se jagħtuh xogħol.
  • Ir-ritratt ta’ Melvin ma’ Keith Schembri ħadu Sandro Craus

X’qal Keith Arnaud f’isem il-Prosekuzzjoni?

  • Li Melvin qal lill-Pulizija li meta ġie ordnat l-assassinju, Yorgen bagħtu Kastilja biex jiltaqa’ ma’ Keith Schembri.
  • Li George Degiorgio jċempel spiss lil ħuh Mario, mill-ħabs u jistaqsih “Iltqajt ma’ dak?” (b’referenza għal Melvin Theuma
  • Li fir-rikordings issemmew l-ismijiet ta’ Keith Schembri u ċertu Kenneth (Camilleri).
  • Li meta ġie arrestat Melvin Theuma kien emozzjonat ħafna u nfaqa’ jibki, u qal li jrid jitkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne.
  • Li meta marru biex jarrestawh kellu kaxxa tal-plastik li ried jiftaħha quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija. Kien fiha: 3 mobiles, voice recorder, karti u ritratt ta’ Melvin ma’ Keith Schembri f’Kastilja u ritratt ta’ mowbajl mixgħul bin-numru ta’ ċertu “Yorgen” fuqu.
  • Li Melvin kien iffisat li jġib il-ħelsien mill-arrest lit-tliet allegati qattiela. Yorgen assigurah li se jkellem lil Keith Schembri.
  • Li f’konverżazzjoni ma’ Melvin, Yorgen qallu li mar għand Schembri biex jaġġornah. “Kif għedtlu kesaħ”, qal Yorgen lil Melvin.
  • Li fl-2018, Schembri attenda laqgħa mal-Prim Ministru u ma’ “Owen” f’Kastilja dwar l-assassinju, u Yorgen qal lil Melvin dwar x’ġara matul din il-laqgħa. Ir-rikordings oriġinali qegħdin f’idejn il-Europol. L-esperti qed jaħdmu biex jidentifikaw meta saru l-konverżazzjonijiet.

X’qed nistennew fis-seduta li jmiss?

  • Jiġu esebiti r-ritratti u l-ittra ta’ Melvin Theuma
  • Keith Arnaud ikompli jixhed u jsirlu l-kontro-eżami

Ara xi ntqal fil-Qorti minuta b’minuta

16:55 Il-każ ġie aġġornat għad-19 ta’ Diċembru fl-10am u fit-23 ta’ Diċembru fl-10am.

16:45 Dr Camilleri jgħid li l-każ li aktarx se jgħaddi ġuri, jaf jispiċċa preġudikat peress li l-midja setgħet tirrapporta biss dwar dak li qalet il-prosekuzzjoni.

Dr Camilleri tgħid li d-difiża ma ngħatatx l-opportunità li tagħmel kontro-eżami tax-xhud.

Xi evidenza li ntalbet illum ma setgħetx tiġi ppreżentata peress li hija suġġetta għal inkjesta maġisterjali.

Philip Galea-Farrugia jgħid li hemm inkjesta dwar il-ħasil ta’ flus ta’ Theuma u oħrajn. Jispjega li r-recordings ġew esebiti fiha.

Il-Qorti tordna biex ir-ritratti u l-ittra jiġu esebiti fis-smigħ li jmiss.

Il-Qorti tordna lill-prosekuzzjoni biex tagħmel talba fl-atti tal-inkjesta maġisterjali biex dik l-evidenza li hija relevanti għal dawn il-proċeduri jsiru aċċessibbli malajr kemm jista’ jkun.

16:42 Sospiża x-xhieda ta’ Theuma. Jiġi skortat barra mill-awla.

L-Ispettur Arnaud jispejga li l-apparat jinsab għand il-Europol.

16:36 Arnaud jistaqsi lil Theuma dwar il-ġimgħa li fiha ġew arrestati t-tlett irġiel. Theuma qal li kiteb it-testment tiegħu dakinhar.

16:29 L-Ispettur Arnaud jistaqsi dwar id-deċiżjoni li jirrekordja l-konverżazzjoni. Theuma jgħid li kien qed jibża’ għal ħajtu u li beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet.

“Kont qed nibża’ li Keith Schembri jgħin lil Fenech joħroġ minnha,” qal Theuma, li żied jgħid li peress li kienu ħbieb sew żied lil Schembri fl-ittra tiegħu lil Fenech.

“Taħt ix-xhieda ma nistax ngħid li Schembri ħallas għall-qtil ta’ Caruana Galizia jew li hu kien il-mandant,” qal Theuma. Żied jgħid li ta sample tar-recordings u l-ittra lil Fenech.

“Għidtlu li kont qed nibża’ li joqtluni,” qal Theuma li qal li Fenech qallu li hu ma kienx vendikattiv.

“Iltqajna l-aħħar it-Tnejn ta’ qabel ma arrestawni fejn tani €20,000,” qal Theuma fil-Qorti.

16:25 Kien fuq bastiment tal-cruises meta Mario Degiorgio ċempillu u talbu għal €15,000 għall-ħelsien mill-arrest ta’ Anca Pop. Imbagħad ċempel lit-tifla ta’ sieħbu biex iwassal il-flus.

16:21 F’risposta għal mistoqsija tal-Maġistrat, Theuma jgħid li qatt ma staqsa lil Johann jew lil Kenneth min kien bagħathom.

Wara li ntalab għal €30,000, €30,000, u €60,000, Mario Degiorgio kien jistaqsi għal medja ta’ bejn €2,000 u €3,000 fil-ġimgħa. Il-flus kienu jintużaw għal esperti barranin u spejjeż tal-iskola, skont Theuma.

16:11 Barra d-dar tiegħu, Kennet staqa lil Theuma dwar x’ġara b’Yorgen Fenech. Melvin jiftakar li Kenneth tbiegħed minnu u ċempel lil xi ħadd.

“Imbagħad Kenneth qalli li dawn kienu se jingħataw il-ħelsien mill-arrest fit-22 u basket b’miljun ewro kull wieħed,” qal Melvin fil-Qorti.

Kenneth qallu jmur jejdilhom mill-ewwel.

L-aħwa Degiorgio ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.

Wara li Fenech irritorna lejn Malta infurmah dwar x’ġara. Fenech qal li ma kienx se jindaħal għax ma tax kelmtu dwar il-ħelsien mill-arrest.

Theuma jgħid li Fenech imbagħad kellu jiċċekkja jekk Schembri bagħatx lil Kenneth għandu.

Fenech imbagħad ikkonferma li Keith Schembri bagħat lil Kenneth, skont Theuma. Fenech allegatament qal lil Theuma li ndaħal minħabba fih.

Kenneth wera numri u għaraf wieħed minnhom u Kenneth akkuża lil Theuma li hu kien il-mandant.

Theuma qal li għadda minn sentejn inkredibbli u qal li qatt ma talab għal xejn.

16:08 Il-prosekuzzjoni u d-difiża qed targumenta dwar kumment li ntqal minn taħt l-ilsien. Il-Maġistrat issabbat idejha fuq il-mejda. Tgħid li dan huwa disprezz tal-Qorti. Toħroġ twissija.

16:01 Fenech qal lil Theuma li Vincent Muscat, il-Koħħu, beda jitkellem mal-Pulizija.

Theuma jispjega li xtara pizza u mar għand Mario Degiorgio u qallu dwar Muscat. Qal li qatta’ l-lejl jixrob.

Meta xegħel il-mobile sab messaġġ mingħand Fenech li kien jgħidlu biex imur isib lil tal-Maksar. Il-bomba inħadmet hemm.

Kellu argument ma’ Fenech.

Theuma qal li Johann Cremona ċempillu u qallu li kien se jmur għand id-dar tiegħu. Il-ġurnata ta’ wara, Johann Cremona u Kenneth (li kien jaħdem Kastilja) marru quddiem id-dar tiegħu.

Theuma jgħid li qal lil Kenneth li l-aħwa Degiorgio riedu l-ħelsien mill-arrest.

15:58 Arnaud jistaqsi lil Melvin Theuma għaliex kien beżgħan. “Kont qed nibża mill-aħwa Degiorgio u minn Fenech. Sakemm se jibqa’ jagħtihom il-flus? Jekk Fenech joqtolni, ikun iktar rilassat. Huma ma kinux jafu min kien il-moħħ. Saru jafu mill-aħbarijiet li jien kont se ningħata l-maħfra presidenzjali”, kompla jgħid Melvin Theuma.

15:54 George Degiorgio ried €60,000 biex iħallas għall-ħelsien mill-arrest ta’ Anca Pop. “Kellna ftehim li jekk l-aħwa Degiorgio jingħataw il-ħelsien mill-arrest, iħallas Fenech”, Theuma qal lill-Qorti.

15:44 Wara li saru l-arresti, hu kien jibgħatilhom €100 kull wieħed mal-Lolly, għax kien jaf lil ulied Muscat u lil Mario Degiorgio. Theuma jgħid li kien qed jistenna li Fenech joħroġ il-flus. “Darba kont il-Ħamrun, u kien hemm raġel jgħidulu il-Gandhi, li kien għadu kif irċieva telefonata mingħand Fredu Degiorgio. Melvin qal li kieku kien jaf kien ikellmu. Dan ir-raġel imbagħad introduċa lil Theuma ma’ Mario Degiorgio. Dakinhar kienu għadhom ma jafux lil xulxin. Theuma beda jżur lil Mario Degiorgio fid-dar tiegħu u jixtrilu l-laħam tal-fenek. Mario Degiorgio talab lil Melvin biex jagħtih €30,000 għall-avukati. Theuma stqarr li hu mar għand Fenech għall-flus. Wara ftit żmien Mario Degiorgio talbu €30,000 oħra u Fenech tah envelopp b’€25,000. Żied jgħid li hu ma staqsiex għaliex tah €5,000 inqas u ħariġhom hu. “Jekk dawn it-tlieta jiddeċiedu li jitkellmu, kienu jsemmu ismi, għax huma biss kienu jafu ismi, ma kinux jafu b’Fenech”, kompla jispjega Theuma filwaqt li qal għaliex hu kien jipprova jżomm relazzjoni f’saħħitha mal-aħwa Degiorgio.

15:36 Theuma qal li hu ħa l-€120,000 li kien fadal xi ġimgħa wara l-assassinju u taħhom lil Degiorgio. Spjega li hu ħareġ €5,000 li talab Degiorgio. Il-Maġistrat staqsiet lil Theuma, jekk kienx staqsa lil Fenech minn fejn kien qed iġib l-informazzjoni fost l-oħrajn dwar ir-rejd. Theuma wieġeb le u li hu ltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio u qallu li kien se jkun hemm rejd.

15:19 Arnaud jistaqsi lil Theuma, “każijiet li ġraw fl-2017…x’taf dwarhom?”

Theuma jibda jlaqlaq.

L-avukat Caruana Curran jistaqsih jekk issa hux qed jiftakar x’kellu jgħid.

Theuma jgħid li Fenech qallu biex ikun ċert li tinqatel u biex il-każ ma jispiċċax bħal ta’ Romeo Bone.

L-avukati tad-difiża Caruana Curran u Camilleri jissuġġerixxu li l-prosekuzzjoni qed tiggwida lil Theuma dwar x’għandu jgħid.

Jumejn wara li Fenech informa lil Theuma biex isib lil xi ħadd biex joqtol lil Caruana Galizia, Fenech ċempillu biex jgħidlu li kien se jċempillu Sandro Craus. Craus ċempillu u tah appuntament.

Il-maġistrat tistaqsih għalfejn ma staqsiex lil Craus jew lil Schembri għalfejn kien se jingħata appuntament u xogħol. Hu qal li ma staqsiex għax staħa.

Sandro Craus ħa r-ritratt ta’ Melvin Theuma u ta’ Keith Schembri f’Kastilja.

15:07 “Tajtu [lil Alfred Degiorgio] €30,000 li kienu fi tliet pakketti mal-ġenb tat-triq ħdejn il-Busy Bee,” spjega Theuma. Żied jgħid li dan sar xi 15-il jum wara l-elezzjoni.

Theuma jgħid li Fenech beda jippressah biex joqtlu lil Caruana Galizia peress li kienet se tippubblika xi informazzjoni.

“Imma mietu daqs dawn bullijiet, ma tmutx hi?” staqsa George Degiorgio lil Theuma fil-kamra tal-patata fil-Marsa. Theuma qal li Caruana Galizia ta’ spiss tkun imsiefra.

Theuma jixhed dwar id-darba li l-aħwa Degiorgio ħaduh sal-Bidnija fejn urewh il-pjan.

Alfred Degiorgio kien staqsa lil Theuma liema ħwienet tal-kafe u restoranti kienet tmur għandhom Caruana Galizia. Theuma ċempel lil Fenech biex isaqsieh. Fenech irreferieh għand ħanut tal-kafe fin-Naxxar u ristorant fir-Rabat.

Theuma qal li kien jaf li Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat kienu se jwettqu l-qtil. Dan peress li Degiorgio darba qallu biex ma jgħid xejn lil Darren Debono (it-Topo) peress li ma kienx se jkun involut.

15:03 Melvin jgħid li mar għand Fenech u qallu li talbuh €150,000. Fenech jgħid li kien se jkellmu lura. Però ssejħet l-elezzjoni tal-2017 u Fenech qal lil Theuma biex jieqaf mill-qtil.

Theuma qal lill-Qorti li qal lil Fenech li ma kienx ta s-sinjal lill-qattiela sa dak il-ħin. Qal li qal lil Alfred Degiorgio li għalissa kienu se jistennew. Theuma tah €1,500 peress li ma riedx jidher ikrah.

Fenech lagħab €150,000 li kien se jkun il-Partit Laburista li jirbaħ l-elezzjoni.

Meta tħabbar ir-riżultat, Fenech ċempel lil Theuma biex jgħidlu li għandu jkompli bil-qtil. Però, Theuma qal lill-Qorti li Fenech instema’ fis-sakra u għalhekk injorah. Meta tah il-premju ta’ €300,000 għall-imħatra li jirbaħ il-PL, Fenech ma qallu xejn dwar il-flus għall-qattiela.

Wara, Fenech ta envelope lil Theuma li fih kellu €150,000 f’karti tal-€50.

Saru telefonati permezz tal-apps Signal u WhatsApp biex jevitaw it-tapping skont Theuma.

14:58 Arnaud jistaqsi lil Theuma jispjega kif ġie involut fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

“Darba spiċċajt mix-xogħol u rċevejt telefonata mingħand Fenech. Talabni niltaqa’ miegħu ħdejn il-Blue Elephant. Mort niltaqa’ miegħu u qalli li jrid joqtol lil Daphne Caruana Galizia peress li kellha informazzjoni dwar zijuh,” spjega Melvin.

Dan ġara xi żewġ jew tliet ġimgħat qabel ma’ tħabbret l-elezzjoni tal-2017. Fenech semma lil George Degiorgio, però Theuma ma kellux id-dettalji tiegħu. Fenech ċempel lil Darren Debono (it-Topo) jistaqsih għan-numru ta’ Alfred Degiorgio. Kien jaf li kellu n-numru tiegħu għax darba kien kera appartament lil Debono u lil Degiorgio.

Meta ltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio, Degiorgio allegatament staqsa, “imma dan iħallas?” meta Theuma qallu li ntbagħat biex jordna l-qtil ta’ Caruana Galizia.

14:57 Theuma jispjega li kienu jsiefru flimkien. Fenech kien iħallas.

14:52 Theuma kellu żewġ taxis. Waħda minnhom kienet għal kiri. Kien ilu madwar sitt jew seba’ snin jaħdem bħala xufier ta’ taxi. Jispjega li Yorgen Fenech kien ħallih jaħdem minn Portomaso, hekk kif ipponta lejn Fenech fl-awla meta qal li jgħarfu.

Theuma jgħid li kien jaf liz-ziju tiegħu l-ewwel. Dan kien jilgħab il-flus fuq iż-żwiemel. Imbagħad sar jaf lil Yorgen Fenech u bdiet tiżviluppa ħbiberija.

14:51 Theuma jidħol fl-awla. Iqajmu lil Fenech u jgħidulu jimxi ‘l bogħod waqt li Theuma jgħaddi wara s-siġġu li fih kien hemm Fenech.

14:50 Arnaud jixhed u jikkonferma li Theuma ngħata maħfra presidenzjali, u li sakemm iżomm mal-kundizzjonijiet, Theuma mhux se jittella’ l-Qorti.

14:45 Il-Maġistrat Montebello tistaqsi jekk hux se jkun hemm esebizzjoni ta’ dokument li juri li Theuma ngħata maħfra presidenzjali. Galea-Farrugia jgħid li Arnaud jista’ jixhed li Theuma mhux se jittella’ l-Qorti sakemm iżomm ma’ għadd ta’ kundizzjonijiet.

14:39 L-avukat tad-difiża Gianluca Caruana Curran jgħid li t-tapes għandhom jiġu esebiti. L-avukat Marion Camilleri tgħid li mhix proċedura korretta li wieħed jixhed fuq dokumenti u recordings li għadhom ma ġewx esebiti fil-Qorti.

Il-Qorti tgħid li Theuma mhux se jitħalla jixhed dwar ir-recordings, fuq talba ta’ Dr Camilleri. Lanqas tista’ ssir referenza għar-recordings.

14:32 Dr Camilleri tistaqsi għalfejn Arnaud qed jissospendi x-xhieda tiegħu. Il-Maġistrat tistaqsi lil Arnaud u dan jgħid li Melvin Theuma se jkun qed jixhed illum.

Galea-Farrugia jgħid li x-xhieda ta’ Arnaud kienet biex jingħata sfond u li kien hemm xhud ċivili li kien important għall-każ li se jkun qed jixhed illum.

L-avukati tad-difiża joġġezzjonaw għas-sospensjoni tax-xhieda ta’ Arnaud.

Il-Qorti laqgħet is-sospensjoni tax-xhieda ta’ Arnaud u ċaħdet it-talba biex jiġu esebiti r-recordings.

14:24 Arnaud jgħid li qed jissospendi x-xhieda tiegħu għas-smigħ li ġej. L-avukat Gianluca Caruana Curran jgħid li se jkun hemm kontro-eżami tax-xhieda tiegħu llum.

L-avukat Marion Camilleri tgħid li saret referenza estensiva għar-recordings waqt ix-xhieda ta’ Arnaud. Tinnota li esprima l-opinjoni tiegħu billi qal li din hija l-konklużjoni li waslu għaliha. Talbet biex dawn ir-recordings jiġu esebiti u biex jinstemgħu fil-Qorti f’dan l-istadju.

L-Assistent Avukat Ġenerali Philip Galea-Farrugia oġġezzjona għal din it-talba. Qal li dawn se jiġu esebiti aktar ‘il quddiem.

14:19 L-Ispettur Zahra jistaqsi lil Arnaud dwar it-talba ta’ Fenech għal maħfra presidenzjali.

L-avukati tad-difiża semgħu r-recordings qabel ma’ tkellmu ma’ Fenech. Wara infurmaw lill-Pulizija li xtaqu jitolbu għal maħfra presidenzjali. Intwerewlhom ukoll xi “screenshots”.

L-allegazzjonijiet li saru qed jiġu investigati skont Arnaud. Arnaud jispjega li l-Pulizija ċemplet diversi nies biex tistaqsihom xi mistoqsijiet.

Arnaud jirreferi wkoll għall-mandat ta’ inibizzjoni kontrih biex ma jkunx involut fl-investigazzjoni li ġie miċħud. Arnaud jgħid li l-interrogazzjoni saret minn Zahra għax ħa pass lura.

14:13 ‘Tkellimna darbtejn ma’ Fenech, qabel Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali’, qal Arnaud, filwaqt li spjega li dan kien kunfidenzjali, għax dan kien attentat biex tinkiseb il-maħfra presidenzjali għal Fenech. Arnaud qal li ħarġu xi dettalji dwar il-konverżazzjoni informali. Żied jgħid li l-avukati tad-difiża Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran intervjenew u qalu li kien hemm ftehim, li Arnaud ma jixhidx dwar dawn il-konverżazzjonijiet għax kienu informali. Il-Maġistrat Montebello intervjeniet u qalet li hi mhux se tisma’ xejn mill-konverżazzjonijiet informali.

14:16 Abbażi ta’ dak li Fenech qal lill-Pulizija dwar l-ittra u r-recordings u l-irwol ta’ Keith Schembri, il-Pulizija kkonkludiet li l-evidenza ta’ Theuma kienet korraborata u kitbet rapport għall-maħfra presidenzjali flimkien mal-Avukat Ġenerali. Theuma ngħata l-maħfra fil-25 ta’ Novembru.

14:08 Arnaud issa qed jitkellem dwar l-arrest ta’ Fenech u t-tfittxija li saret. Instabet ittra miktuba bl-idejn.

Skont Arnaud, Theuma qal lill-Pulizija li beda jibża’ li Fenech u Schembri kienu se joqtluh jew iweġġgħuh.

Arnaud jgħid li l-ittra u partijiet mill-konverżazzjonijiet ingħataw lil Fenech bħala twissija, f’każ li tiġrilu xi ħaġa.

14:05 Arnaud għadu qed jixhed. Jgħid li Theuma qal lill-Pulizija li meta ġie ordnat il-qtil ta’ Caruana Galizia, Fenech bagħat lil Theuma Kastilja biex jiltaqa’ ma’ Schembri. Hemm introduċewh ma’ Craus u aktar tard tawh xogħol. Theuma qal lill-Pulizija li dan ix-xogħol ma kellux bżonnu peress li kien xufier ta’ taxi.

Il-Maġistrat tistaqsi lil Arnaud, “Għalfejn ingħata xogħol dakinhar?”

Arnaud jgħid li s’issa għadu mhux magħrufa għalfejn kien ingħata xogħol fittizju fl-2017 qabel l-assassinju.

14:01 Skont Arnaud, l-inqas ammont li Theuma rċieva mingħand Fenech kien medja ta’ €2,000 fil-ġimgħa li kienu jispiċċaw għand l-aħwa Degiorgio.

Kenneth Camilleri ġie interrogat. Camilleri qal lill-Pulizija li Theuma kien dak li mar fuqu. Però dan jikkontrasta ma’ dak li Theuma qal diversi drabi lill-Pulizija.

13:53 Arnaud jgħid li f’konverżazzjoni bejn Fenech u Theuma, Fenech qal li mar għand Schembri u li qallu x’kien ġara.

“Kif għidtlu kesaħ,” qal Fenech lil Theuma.

Fenech qal lil Theuma li staqsa lil Schembri jekk għamilx xi ħaġa ħażina. Schembri allegatament qallu li darb’oħra messu qallu qabel.

Fenech qal li Schembri ġie involut għall-interessi personali tiegħu, skont dak li Fenech qal lil Theuma f’recording.

Fir-recordings jissemmew il-laptops ta’ Caruana Galizia. Jintqal li setgħu intużaw biex ifixklu l-opinjoni pubblika peress li kitbet dwar ħafna persuni u li “n-nies rieduha mejta”.

13:46 Mir-recordings joħroġ li Fenech qal lil Theuma li wara li tkellem ma’ Keith Schembri, Fenech qal lil Schembri biex id-darba li jmiss ma jwiegħedx ħelsien mill-arrest imma jgħid biss li kien se jagħmel ħiltu.

Kenneth Camilleri kien mar s’għand id-dar ta’ Theuma bil-wiegħda ta’ ħelsien mill-arrest.

Theuma kien jgħaddi flus lil Mario Degiorgio għal George u Alfred. Hemm recordings ta’ dawn il-konverżazzjonijiet.

“Ma rranġax il-każijiet tiegħu, ħa jirranġa tiegħek, ma nafx kif ġie jgħidlek hekk” – Yorgen Fenech lil Melvin Theuma.

Yorgen Fenech ma kienx jaf min hu Kenneth però ddeskrivieh bħala “raġel tal-affari tiegħu”. Ma kienx ċar mill-ewwel min kien dan Kenneth, però wara nstab li kien uffiċjal tas-sigurtà tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

13:35 Ir-recordings ġew f’idejn il-Pulizija. Dawn kienu konverżazzjonijiet ma’ Melvin Theuma. Arnaud jgħid li dan kien qed jinstema’ inkwetat.

Arnaud jgħid li f’recording minnhom tkellmu dwar il-ħelsien mill-arrest għall-aħwa Degiorgio. Mill-konverżazzjoni ħareġ li Fenech ma kienx jaf bil-ħelsien mill-arrest tal-aħwa.

Fl-ewwel parti tal-konverżazzjoni jissemma Keith Schembri u jintqal li Kenneth Camilleri ta l-impressjoni li l-ħelsien kien se jingħata fit-22. Arnaud jispjega li l-prosekuzzjoni kellha smigħ fit-22 ta’ Mejju.

Fir-recordings, Theuma nstema’ inkwetat li qal lil Mario Degiorgio li l-aħwa tiegħu kienu se jinħelsu. Arnaud jgħid li Fenech instema’ sorpriż jgħid: “Ħażin jekk qallek hekk, lanqas irranġa għal tiegħu,” b’referenza għal Keith Schembri. Qal li kien se jkellmu direttament.

Melvin Theuma kien qed jinkwieta li l-aħwa ma jingħatawx ħelsien mill-arrest peress li kien maqbud bejn Fenech u l-aħwa Degiorgio.

Arnaud jgħid li Theuma kien qed jinsisti ma’ Fenech biex l-aħwa jinħelsu. F’konverżazzjoni minnhom Theuma jgħid lil Fenech li jekk ikun hemm bżonn ikellem lill-Imħallef Mizzi jew anke lill-Prim Ministru. Fenech irrifjuta u qal li ma kienx jaf lill-Imħallef Mizzi u li ma ridux involut u li ma riedx jinvolvi nies oħra.

13:29 Arnaud jispega li fis-16 ta’ Novembru fl-uffiċċju tal-Kummissarju, Theuma ffirma karta li kienet tgħid li se jiżvela dak kollu li jaf dwar il-każ. Intant ir-recordings ħaduhom il-pulizija. Kopji tar-recordings instabu wkoll fil-kaxxa tal-plastik ta’ Theuma. Arnaud jgħid li fir-recordings jissemmew l-ismijiet ta’ Keith Schembri u ta’ ċertu Kenneth.

Il-Pulizija qed tanalizza tliet recordings. Wieħed minnhom sar Portomaso.

13:27 L-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra staqsa dwar l-involviment tal-Europol. Arnaud jgħid li kien hemm aġġornamenti kontinwi magħhom. Arnaud stqarr li ‘Melvin Theuma kien emozzjonat u beda jibki, u jgħid li ried jitkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia’. Kompla jispjega li “kien biss wara li tkellem mal-avukati tiegħu, Kathleen Grima u Matthew Brincat (li jinsabu fl-awla), li l-avukati infurmawna li l-klijent tagħhom kien lest li jingħata l-informazzjoni, jekk jingħata maħfra presidenzjali.

13:18 Arnaud ikompli jispjega li l-Pulizija bdiet tissuspetta li r-recordings kellhom x’jaqsmu mal-assassinju ta’ Caruana Galizia. Waqt l-investigazzjoni nstab li Theuma kien involut fil-logħob tal-ażżard illegali u anke forsi ħasil tal-flus. It-taqsima tar-reati ekonomiċi ġiet mgħarfa b’dan u bdiet investigazzjoni oħra. Instab li kellhom każ ta’ ħasil tal-flus.

L-ECU u l-Europol identifikaw data, lejn l-aħħar ta’ Novembru meta kellha ssir l-operazzjoni. Arnaud ma ġiex imgħarraf biha. Theuma ġie arrestat fl-14 ta’ Novembru flimkien ma’ xi qraba oħra.

Theuma kellu kaxxa tal-plastik fiż-żmien tal-arrest. Saret tftixxija u ħadd ma mess il-kaxxa tal-plastik.

Melvin Theuma qal lill-pulizija biex ma jiftħux il-kaxxa. Qal li ried jiftaħha quddiem il-Kummissarju. Il-kaxxa infetħet filgħaxija meta Theuma ttieħed id-depot. Fil-kaxxa kien hemm tliet mobiles, voice recorder, tliet pakketti tal-karti, u ritratti ta’ mobile.

Ir-ritratti kienu juru mobile mixgħul bin-numru ta’ ċertu “Yorgen” fuqu. Kien hemm ritratt ieħor ta’ Melvin Theuma mal-eks Chief of Staff tal-PM Keith Schembri.

13:17 L-Ispettur Kurt Zahra jistaqsi dwar kif ġew il-flus għall-ħelsien mill-arrest. Arnaud jispjega li waqt l-investigazzjoni, ħareġ li Melvin Theuma beda jinteressa ruħu fl-aħwa Degiorgio. Hu mar iżur lil Mario Degiorgio fid-dar tiegħu.

13:14 Arnaud jgħid li ħbieb Melvin Theuma biddlu l-attitudni tiegħu u li dehru inkwetati. F’punt minnhom il-Pulizija indunat li Theuma kellu argument ma’ persuna. F’dak il-ħin ma kienux jafu li kien Yorgen Fenech.

Żdiedet is-sorveljanza fuq Theuma. Irrealizzaw li Theuma kien irrekordja l-argument, però dak iż-żmien ma kienux jafu bil-kontenut tar-recordings.

Melvin Theuma b’mod frekwenti kien jirreferi għall-aħwa Degiorgio u mhux għal Muscat.

Arnaud jgħid li komplew janalizzaw din id-data flimkien mal-Europol.

13:07 Il-Pulizija osservat li Melvin Theuma kien jieħu l-ikel għand Mario Degiorgio li mbagħad kien jieħdu l-ħabs. Theuma kienu isuq SUV bajda tat-tip Jaguar. Dak il-ħin isem Theuma ma kienx magħruf però wara ġie identifikat.

13:03 Jintqal li l-Pulizija kienu jsegwu t-telefonati tal-arrestati mill-ħabs. It-telefonati ta’ Muscat kienu limitati għall-familja tiegħu. Il-Pulizija osservat li George Degiorgio kien iċempel lil ħuh Mario Degiorgio u li frekwentament kien jistaqsih, “Iltqajt ma’ dak?”

Arnaud jgħid li darba Alfred Degiorgio ċempel lil Maria Degiorgio. Sabu li t-telefonata kienet saret barra u li l-mobile ġie mgħoddi għandu ċertu Melvin Theuma. F’dak il-punt, Arnaud jgħid li ma kienux jafu min hu Melvin.

Skont Arnaud, f’dik it-telefonata Melvin Theuma qal: “Hadt pjaċir nisma’ leħnek, kuraġġ, niltaqgħu”. Theuma qal dan lil Alfred Degiorgio.

L-investigaturi b’hekk indunaw li Mario Degiorgio kien qed jikkoordina l-affarijiet bejn Theuma u l-aħwa Degiorgio.

13:00 Alfred Degiorgio kien qed juża karozza tal-kiri li nstabet qrib it-Tarġa battery. Sabu l-garaxx minn fejn kien qed jikriha.

Ħadd mit-tliet irġiel suspettati li skattaw il-bomba ma ħallew stqarrija mal-pulizija. Il-Pulizija kompliet issegwi l-passi tagħhom meta kienu fil-ħabs.

Il-Europol baqgħet tassisti fl-investigazzjoni u baqgħet tassisti lill-Pulizija.

Twaqqaf taskforce biex jiġi investigat il-qtil. Il-Pulizija ssuspettat li l-qtil kien wieħed ordnat.

12:49 Arnaud jispjega li l-moviment tal-mobile ta’ George Degiorgio kien jaqbel ma’ dak ta’ wieħed mill-“ghost phones”. L-istess għall-mobile ta’ Alfred Degiorgio. Fl-aħħar ta’ Novembru ġie identifikat Vince Muscat.

Arnaud jikkonferma li l-messaġġ ntbagħat lill-apparat fil-karozza fit-2.58pm. Spjega li kien qed isir xi xogħol ta’ manteniment fuq is-cell tower tal-Bidnija dakinhar.

Arnaud jgħid ukoll li l-Pulizija kienet taf li l-aħwa Degiorgio kellhom dgħajsa kull wieħed. Spjega kif għamlu mappa tal-movimenti tal-mobiles u ta’ dak li ġara fis-16 ta’ Ottubru.

Dawn it-tip ta’ dettalji diġà kienu ssemmew fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Alfred Degiorgio, George Degiorgio, u Vince Muscat.

12:45 Jintqal li l-FBI sabet li wieħed minn dawn il-mobiles kien mexa mas-sim card li ntużat fl-isplużjoni. L-FBI sabet ukoll li żewġ mobiles kienu jkunu l-Bidnija b’mod frekwenti. L-apparat li ntuża fil-bomba ġie attivat għas-12.40am fis-16 ta’ Ottubru. L-apparat baqa’ wieqaf għal xi ħin qabel it-3pm.

12:44 Arnaud jispejga li kmieni fl-2017 kien hemm attivitá bejn żewġ numri tal-mobile. Sabu li messaġġ intbagħat fl-istess moment meta skattat il-bomba. Waqt l-investigazzjonijiet identifikaw tliet burner phones. Dawn kienu ġew attivati f’Awwissu tal-2017. Ġew deactivated wara l-isplużjoni.

12:41 Arnaud jgħid li immedjatament ipprova jsib tarf ta’ kif seħħet l-isplużjoni. Spjega li l-bomba tpoġġiet taħt is-siġġu tax-xufier. Qal li investigaw informazzjoni ċellolari minn dik iż-żona dak il-ħin. Waqt l-investigazzjoni skoprew li kien ntbagħat messaġġ lil sim card li kienet f’apparat li skatta l-bomba.

12:40 Keith Arnaud jispjega x’kien xogħlu dakinhar tal-assassinju fis-16 ta’ Ottubru 2017. Jgħid li wasal il-Bidnija ftit tal-ħin wara l-isplużjoni flimkien mal-Ispettur Kurt Zahra. Zahra kien qed jieħu ħsieb il-field investigation filwaqt li Arnaud kien qed jikkoordina mal-esperti barranin. Dawn kienu jinkludu lill-FBI u l-Europol.

12:37 Jibda jixhed l-Ispettur Keith Arnaud.

12:35: L-awla hija mimlija nies – ġurnalisti, uffiċjali tas-sigurtà, u membri tal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Il-Maġistrat Rachel Montebello tidħol fl-awla. Ir-raġel ta’ Caruana Galizia jitlob lill-qorti biex ikunu parti mill-kawża. It-talba tiġi milqugħa.

12:30 Yorgen Fenech qed jiġi skortat taħta sigurtà stretta. Poġġewh bilqiegħda fuq siġġu tal-plastik f’nofs l-awla. Hemm erba’ ufiċjali mdawra miegħu, inkluż id-direttur tal-ħabs.

12:29 Il-ġurnalisti qed jistennew barra mill-awla sakemm jingħataw il-permess jidħlu.

12:22 Minn hawn u ftit ieħor mistennija tibda s-seduta.

Il-Maġistrat li qed tippresjedi fuq il-każ hija Rachel Montebello.

L-ewwel smigħ kellu jiġi pospost wara li l-Maġistrat Nadine Lia ntalbet tirrekuża ruħha milli tisma’ l-każ. Lia qablet u ntgħażlet il-Maġistrat Montebello minfloha.

L-avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran qed jidhru għal Yorgen Fenech.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.

L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile.