Qtil Ħal Far: ‘Kienu jinżlu Ħal Far jaqbdu mal-immigranti’

Read in English.

Il-Ġimgħa filgħodu bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Lorin Scicluna (22) u Francesco Fenech (21) li qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Lassana Cisse, raġel ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Ivorju. Il-każ seħħ nhar is-6 ta’ April fi Triq il-Ġebel Birżebbuġa. Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia ħareġ:

  • Iż-żewġ suspettati ma kellhomx ‘grazzja mal-immigranti’
  • Dakinhar li seħħ id-delitt Fenech staqsa lil Scicluna biex imorru jisparaw fuq il-qtates
  • Fenech hedded lil Scicluna li jisparalu wara li dan spara fuq Cisse hekk kif dawn ma sabux qattusa biex jisparaw fuqha.
  • Il-Pulizija investigaw diversi filmati miġbuda mill-kameras tas-sigurtà li wassalhom għall-karozza viċin ħafna ta’ fejn joqgħod Scicluna.
  • Meta l-Ispettur Keith Arnaud wasal fuq ix-xena tad-delitt, mill-headphones ta’ Cisse kien għadha tinstema’ l-mużika.
  • Is-suspettati pruvaw jimmodifikaw il-karozza wara li sar magħruf li l-Pulizija qed tfittex Toyota Starlet.
  • Ħareġ ukoll li kienu jmorru Ħal Far jaqbdu mal-immigranti fejn kienu joffenduhom bl-għan li l-immigranti jirrispondu għall-abbuż verbali u dawn jinżlu għalihom. Kien hemm każ ieħor fejn immigrant li kien qed isuq rota tefalhom il-ġebel u nieżel mir-rota u ħarab jiġri. Biż-żewġ suspettati jinżlu mill-karozza u jkissrulu r-rota.

Live blogg:

10:48 Kawża deferita għal nhar it-Tlieta 28 ta’ Mejju għad-9am.

10:35 Arnaud qal lill-Qorti li Scicluna ġieli mar Ħal Far ma’ Fenech biex jaqbdu mal-immigranti. Scicluna flimkien ma’ Fenech kienu jmorru Ħal Far fejn joqgħodu joffendu lill-immigranti u f’każ li dawn jagħmlu eye contact magħhom, kienu jinżlu għalihom. Ġie deskritt ukoll il-hit and run, fejn Scicluna qal lill-Pulizija li Fenech kien tajjar lill-immigrant u faqa l-windscreen tal-vettura bih.

Inċident ieħor kien meta kien hemm immigrant għaddej bir-rota u dawn qabdu miegħu, bl-immigrant jitfa’ l-ġebel lejn il-karozza u jaħrab jiġri. Scicluna qal li r-raġel ħarab jiġri u huma niżlu u kissrulhu r-rotta.

10:33 Iż-żewġ akkużati saru jafu lil xulxin meta dawn daħlu fl-Armata. L-Ispettur Arnaud qal li dawn ġieli marru flimkien jisparaw fuq il-qtates. Dakinhar li seħħ il-każ Fenech staqsa lil Scicluna biex imorru jisparaw fuq il-qtates. Meta marru l-barracks ma sabux qtates fuq xiex jisparaw. B’Fenech ikollu l-arma f’idu lesta biex jispara. Huma raw lil Cisse għaddej fit-triq b’Fenech jixxabbat mit-tieqa u jispara żewġ tiri fuq ir-raġel. Iż-żewġ akkużati ma kienux jafu lil Cisse. Cisse ma mietx bl-ewwel tir, iżda mat-tieni tir deher jpoġġi idu fuq ngħasu u waqa’ mal-art.

Scicluna rrabja ma’ Fenech u tah daqqtejn ta’ minkeb f’dahru b’Fenech idur u jgħidlu ‘aqtaha għax anki lilek nispara’. Scicluna qal lill-Pulizija li ma kienx jemmen li se joqtol bniedem. Qal ukoll li Fenech spara fuq tnejn oħra li rahom jaqgħu mal-art.

L-għada saru jafu li bniedem inqatel f’Ħal Far, b’Scicluna jgħid lill-Pulizija li ma kienx jemmen li Fenech kien kapaċi jispara fuq bniedem.

Scicluna qal li l-Pulizija li l-għada kellhu xi jgħid ma’ Fenech ħabba din ‘il-bużulotta’. Jgħid li wara li semgħu bit-tfittxija u ftehmu biex jimmodifikaw il-vettura.

Scicluna qal li l-inċidenti tal-qtates bdew f’Marzu 2018 fejn kienu jmorru b’air rifle jisparaw fuq il-qtates ‘just for fun’.

10:15 L-Ispettur Arnaud jgħid li qabel ma kellmu lil Scicluna kellmu lit-tfajla tiegħu filwaqt li sar magħruf li jaħdem f’pastizzeria bħala part-time. It-tfajla ta’ Scicluna qalet lill-Pulizija li Francesco Fenech kien ħabib kbir ta’ Scicluna.

It-tfajla ta’ Scicluna kkonfermat li t-Toyota Starlet jużaha hu filwaqt li l-mera twaħħlet riċenti. Hi kkonfermat li fil-ħin tad-delitt ma kinitx ma’ Scicluna għax hi kienet is-cinema ma’ oħtha. Kompliet tispjega li kien wara l-11.30pm meta Scicluna mar id-dar tagħha.

Hi spjegat li beda jibgħatilha jsaqsiha fejn qegħda waqt li hi kienet is-cinema filwaqt li meta twieġbu jerġa’ jibgħatilha l-istess. It-tfajla qalet lil Arnaud li bgħattet lil Lorin Scicluna issaqsih ‘int orrajt jew?’.

Meta Arnaud staqsa li t-tfajla dwar x’jaħseb Scicluna dwar l-immigranti, hi qaltlu li kien jgħid li ‘ma tantx iħobbhom wisq għax skont hu, dawn jiġu hawn Malta u jippretendu li jikkmandaw  huma’. Kompliet tgħid lill-Pulizija li jekk jara xi immigrant iħarsilhom darba darbtejn jmur jsaqsihom għala. Skont Arnaud, it-tfajla kienet tgħidlu biex ma jibqax jagħmilha ma’ Francesco Fenech u biex jibdel l-attitudni. Qal ukoll li t-tfajla ta’ Scicluna qaltlu li Francesco Fenech għandu attitudni simili għall-immigranti.

Arnaud qal li Lorin għażel jagħmel l-istqarrija mal-Pulizija fil-preżenza tal-avukat. Scicluna ilu fl-armata minn Marzu 2018 fejn kien mechanic fil-barracks ta’ Ħal Safi u mhux mal-immigranti. Scicluna jaħdem ukoll f’pastizzeria f’Ħ’Attard. Arnaud jgħid li fl-ewwel stqarrija beda jagħżel li ma jwieġibx u jiddistanzja ruħu mill-każ.

Arnaud qal li Scicluna fl-istqarrija li ta lill-Pulizija qal li ‘ma għandux grazzja mas-suwed’.

Fi stqarrija tiegħu huwa kien qal li qatt ma ta l-karozza tiegħu lill-ħadd. Iżda umbgħad Scicluna qal li kien sellef il-vettura li xi persuna barranija aktarx Sirjan li offrielu €1000 biex jużaha. Scicluna qal lill-Pulizija li sellifilu wkoll it-tieni darba meta dakinhar kien hemm l-arma għax kien mar is-shooting range.

Scicluna qal lill-Pulizija li huwa rranġa l-mera, irranġa daqqa, kif ukoll għamel it-tape biex jimmodifika l-vettura. L-Ispettur Arnaud jgħid li l-Pulizija qalu li dak li kien qed jgħid ma tantx jagħmel sens. Lorin Scicluna qal lill-Pulizija biex joħodhom fuq il-post fejn allegatament iltaqa’ mal-persuna terza li ”selliefila” il-karozza. Scicluna qal ukoll li huwa rema l-munizzjoni fil-baħar f’każ ta’ search.

Meta marru fuq il-post fejn suppost iltaqa’ mat-terza persuna, Scicluna qallilhom li qed jigdeb u qallilhom li kien fil-karozza meta ġara l-każ.

Francesco Fenech ġie arrestat fit-18 ta’ Mejju fil-11.30am.

Fenech kien riekeb bħala passiġġier fil-karozza filwaqt li Scicluna saq il-karozza.

10:03 L-Ispettur Arnaud jgħid li mill-investigazzjonijiet li saru ħareġ li Lorin Scicluna jagħmel użu minn garaxx viċin ta’ Ġnien Duminku Mintoff. Ħareġ ukoll li Scicluna kellu 4 armi tan-nar irreġistrati f’ismu waħda minnhom kienet arma li tieħu bullets ta’ 9mm bħal dik li ntużat fid-delitt.

Huwa qal lill-Qorti li kien hu stess flimkien ma’ uffiċjal ieħor tal-Pulizija li arresta lil Lorin Scicluna fis-17 ta’ Mejju fl-11.40am. Spjega li Lorin Scicluna urihom l-armi li kien iżżomm taħt is-sodda li huma f’ismu. Jgħid li l-Pulizija elevat diversi rounds ta’ 9mm tad-ditta differenti minn dik li sabu fuq ix-xena tad-delitt.

10:00 L-Ispettur Arnaud jippreżenta 16-il ritratt quddiem il-Qorti. Kull ritratt għandu d-data u l-ħin meta ttieħed mis-sistema ta’ Transport Malta. Scicluna kien irrapporta l-pjanċi tal-karozza bħala misruqa iktar kmieni.

09:48 L-Ispettur Arnaud qal lill-Qorti li l-karozza kellha marki distintivi, jgħid li l-mera tal-passiġġier kienet nieqsa filwaqt li l-fanali kienu pjuttost ‘bright’. Kompla jgħid li l-bozza tan-naħa tal-lemin kienet iktar ‘bright’ minn naħa tax-xellug. Qal ukoll li ma kellhomx il-pjanċi tar-reġistrazzjoni mwaħla. Għaldaqstant, Arnaud spjega talbu l-informazzjoni kollha dwar dawn it-tip ta’ karozzi f’Malta anki dawk maħsuba skrepjati. Iktar minn 300 karozza ta’ din l-għamla huma rreġistrati f’Malta.

Matul l-investigazzjoni nġabru madwar 55 CCTV biex segwew ir-rotta tal-karozza bil-marki distintivi.

Jgħid li dawn marru minn Triq il-Ġebel għal Triq iż-Żurrieq, Triq Birżebbuġia, Triq Għar Dalam. Kompla għid li kien ikkonfermat li ma kellhomx number plates hekk kif inqabad ċar fuq il-kameras tas-sigurtà. Huma saqqu għal Triq il-Barrani, lejn il-junction ta’ Ħal Tarxien għal Ħal Tarxien, Triq il-Kbira, Triq Raħal Ġdid għal Triq is-Sorrijiet fejn l-aħħar li raw il-karozza. Spjega li umbgħad ma kienx hemm fejn tmur iktar.

L-Ispettur Arnaud jgħid li reġgħu lura għas-sorting li sar tal-karozzi. Jgħid li huma marru għand Transport Malta għandhom sistema ta’ automatic number plate recognition. Spjega li huma marru Transport Malta biex jaraw x’qabad mas-sistema biex isibu l-karozza bil-marki distintivi.

L-Ispettur Arnaud jgħid li fuq is-sistema ta’ Transport Malta l-vettura inqabdet diversi drabi kemm billejl u bin-nhar tinstaq lejn in-Nofsinhar ta’ Malta. Instab ukoll li l-vettura kienet irreġistrata fuq Lorin Scicluna li joqgħod viċin ħafna fejn waqfet il-karozza.

Il-Prosekuzzjoni tgħid li fuq is-sistema ta’ Transport Malta, il-vettura inqabdet għaddejja minn Triq Aldo Moro dakinhar tad-delitt għall-ħabta tal-10.26pm fejn in-number plates kienu għadhom hemm.

L-Ispettur Arnaud jgħid li d-dehra tal-vettura inbidlet bil-mera titwaħħal u tiżdied faxxa sewda bit-tape tad-dawl. Jgħid ukoll li dan kompla żied is-suspett biex issir modifikazzjoni ta’ malajr fuq il-vettur, iktar u iktar meta jumejn wara ħareġ fil-mezzi tax-xandir li qed iffitxu Toyota Starlet.

09:38 Jgħid li waqt l-investigazzjonijiet, il-Pulizija ċċekkjaw dwar il-vittmi jekk kellhomx kondotta nadifa, u nstab li qatt ma kellhom problemi mal-awtoritajiet jew persuni oħra li setgħet waslet għall-isparatura.

Cisse kien libes jeans u hoodie dakinhar tal-qtil. Huwa kien jaħdem ma’ Schembri brothers u kien aktarx sejjer id-dar bil-pass dakinhar.

L-Ispettur Arnaud jgħid li fl-awtopsja nstab li kellu tir wieħed f’ngħasu fuq in-naħa tax-xellug u nstab li l-bullet cap kien baqa’ f’rasu. Qal ukoll li kienet ta’ kalibru żgħir.

Dwar ic-CCTV qal li ma tantx sabu kameras tas-sigurtà imma hemm fil-bidu tat-triq.

Arnaud jesebixxi ritratti mill-kameras tas-sigurtà fejn Cisse jidher nieżel minn Ħal Far lejn Birżebbuġa għall-10.52pm. Spjega li l-unika karozza li tgħaddi mill-istess direzzjoni madwar żewġ minuti wara kienet Toyota Starlet filwaqt li karozza oħra ma għaddewx. Huwa jgħid li mill-kalkoli li għamlu qabel, dan ikkorrisponda max-xena tad-delitt.

Kompla jispjega li ftit minuti wara tnejn minn nies li jidhru immigranti jitilgħu bil-pass lejn Ħal Far. Jgħid li kif waslu taħt din il-kamera tas-sigurtà huma t-tnejn daru f’daqqa bħal li kieku xi ħadd għajjitilhom u spjega li probabilment kienet ir-reazzjoni għal ħsejjes tat-tir fil-ħemda tal-lejl.

09:35 Lassana Cisse (42) aktarx kien fi triqtu lejn id-dar hekk kif kien mixi f’dik id-direzzjoni. Il-Pulizija ddentifikat lil Cisse mid-dokumenti li kellu fuqu.

09:30 Xufier tal-eCabs li nzerta kien għaddej minn dawk in-naħat talab għall-għajnuna tal-Pulizija wara li lemaħ il-katavru mal-art.

Iż-żewġ vittmi, Ibrahim Bah (22) mill-Guinea kien ilu tliet xhur f’Malta filwaqt li Muhammed Diallo (29) mill-Gambia kien ilu disa’ xhur f’Malta. Iż-żewġ vittmi kienu ġew Malta mill-Italja biex jaħdmu u kienu jgħixu flimkien. Dakinhar li seħħ il-każ huma kienu qed jirritornaw id-dar wara li marru jaraw il-logħba f’Birżebbuġa bejn Barcelona u Atletico Madrid. Iż-żewġ vittmi qalu lill-Pulizija li kienu ġew Malta għax qalulhom li hi ‘safe’ u li ‘m’hemmx problema ta’ razziżmu’. L-Ispettur Arnaud jgħid li filwaqt li ż-żewġ vittmi li baqgħu ħajjin kienu jgħixu flimkien, huma ma kienux jafu lil Cisse u kienu sejrin lejn id-dar bil-pass wara li spiċċat il-logħba.

Arnaud jgħid il-Qorti li waqt li kienu mexjin lejn id-dar, f’ħin għaddiet karozza li naqqset fil-veloċità. Spjega li huma semgħu żewġ tiri ta’ arma ta’ nar iżda ma għaddilhomx minn moħħhom li dawk kienu setgħu kienu tiri għal fuqhom. L-Ispettur Arnaud qal li wieħed minnhom qalilhom li l-karozza kienet bajda u li t-tiri ġew minn naħa tax-xufier. Wieħed mill-vittmi ddeskriva lill-persuni fil-karozza bħala żewġt irġiel ta’ karnaġjon bajda, filwaqt li x-xufier kien samrani u kellu mustaċċi jew goatee.

Arnaud qal lill-Qorti li dawn pruvaw jistaħbew b’Bah jaħrab jiġri u ċempel lill-ħabib tiegħu biex iċempel għall-għajnuna.

Arnaud spjega li wieħed mill-vittmi sofra tir mill-warrani tiegħu fejn il-balla baqgħet ħierġa minn naħa l-oħra filwaqt li l-vittma l-oħra sofra tir fil-pelvi bil-balla teħel fuq in-naħa tal-lemin tal-pelvi. Il-vittma kellu jiġi operat.

09:25 L-Ispettur Arnaud iddeskriva żewġ xeni. Qal li fuq il-post fejn kien hemm il-katavru ta’ Cisse mal-art mogħti b’liżar abjad kienet qed tinstema’ xi mużika li kienet ħierġa mill-headphones tal-vittma u deher dawl aħmar tal-istess headphones. Arnaud qal lill-Qorti li viċin il-katavru instabu żewġ skrataċ ta’ tip STV luger 9mm filwaqt li madwar 50m il-bogħod kien hemm 4 skrataċ sparati fejn xulxin qrib il-post minn fejn it-tobba ħadu liż-żewġ vittmi l-oħra. L-Ispettur qal lill-Qorti li kien hemm bieb ta’ garaxx bit-tiri ġo fih.

L-Ispettur Arnaud qal lill-Qorti li huwa ma damx wisq fuq ix-xena hekk kif mar dritt l-isptar biex ikellem lill-vittmi li baqgħu ħajjin hekk kif wieħed minnhom kien fil-periklu tal-mewt. Spjega liż-żewġ vittmi kellhom tir kull wieħed fil-parti t’isfel ta’ ġisimhom b’wieħed minnhom milqut maħsub gravi.

Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello inħatret għall-inkjesta maġisterjali li qabdet diversi esperti biex jgħinuha.

09:20 Jibda jixhed l-uffiċjal Prosekutur l-Ispettur Keith Arnaud li kien infurmat għall-ħabta tal-11.10pm li kienet seħħet sparatura fi Triq il-Ġebel f’Birżebbuġa li kien hemm tal-inqas persuna maqtulha u oħrajn feruti. Huwa spjega li kien fuq il-post sa massimu l-11.30pm. Kien infurmat li l-vittmi kienu mmigranti u ta’ karanaġjon skura.

L-Ispettur Arnaud ddeskriva li x-xena tad-delitt kienet iktar minn nofs ta’ triq direzzjoni Birżebbuġa. Huwa qal li x’ħin wasal il-midruba kienu diġà ttieħdu l-isptar.

09:18 Jidħol il-Maġistrat Ian Farrugia li se jkun qed jippresidi fuq din il-Qorti.

09:17 Jidħlu fl-Awla l-akkużati filwaqt li qraba taż-żewġ akkużati jinsabu fl-awla.

09:00 Ninsabu f’Awla numru 8 fejn se tibda tinstema’ x-xhieda fil-konfront ta’ Lorin Scicluna u Francesco Fenech, iż-żewġt irġiel suspettati bil-qtil ta’ Lassana Cisse.

AQRA: Aġġornata (2): Iwieġbu mhux ħatja s-suldati akkużati bil-qtil f’Ħal Far

Tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żewġ suldati akkużati bil-qtil kiesaħ u biered ta’ Lassana Cisse Souleymane li seħħ fis-6 ta’ April f’Ħal Far. Il-Ħadd li għadda huma tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli fejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Għal Lorin Scicluna qed jidhru l-avukati Franco Debono, Julian Farrugia u Marion Camilleri, filwaqt li għal Francesco Fenech qed tidher l-avukat Gianella DeMarco.

L-avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għal parte civile.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud.

AQRA: Aġġornata (6): Żewġ suldati għall-Qorti dwar il-każ tal-qtil f’Ħal Far