“Rajt lil Pandolfino jieħu l-aħħar nifs tiegħu” – wieħed mit-3 akkużati

Ritratt fl-isfond: Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Propju llum bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tieni akkużat bil-qtil doppju f’Tas-Sliema. Lura fit-28 ta’ Awwissu, Viktor Dragomanski ta’ 36 sena mill-Maċedonja wieġeb mhux ħati tal-akkużi li nġiebu kontrih, iżda baqa’ jinżamm arrestat.

Xi spikka mix-xhieda tal-Ispettur Grech?

  • Pandolfino kien jilbes tmien ġiżirajjen madwar għonqu.
  • Fl-10.10pm Christian Pandolfino deher jirritorna d-dar minn ikla tal-familja li spiċċat għall-ħabta tal-10pm.
  • “Stajt ngħaraf lil Daniel Muka minn still image mill-filmat,” qal Grech.
  • Dragomanski kien ħareġ dawra bil-kelb tiegħu meta Muka u s-suspettat l-ieħor qalulu li kellhom xogħol għalih u stednuh magħhom.
  • Dragomanski ma kienx jaf jekk dan kellux x’jaqsam ma’ droga, ġlied jew serq.
  • Jesper Kristiansen huwa t-tielet suspettat.
14:02 Grazzi talli segwejtuna.
Nicole Borg
13:58 Is-smigħ li jmiss se jsir fil-25 ta' Settembru fl-10am.
Nicole Borg
13:58 M'hemmx aktar xhieda għal-lum.
Nicole Borg
13:57 L-investigazzjoni uriet li l-akkużat kien jgħix fi Triq Karmel, fejn intemm il-vjaġġ tat-taxi wara l-qtil doppju.
Nicole Borg
13:55 Qal li l-pulizija kienu infurmati dwar fejn kien Dragomanski.

L-uffiċjal qal li l-akkużat kien fil-kamra 5507. Dragomanski pprova jaħrab billi jaqbeż minn fuq il-bjut imma aktar tard kien arrestat fit-triq.
Nicole Borg
13:55 Muka kien identifikat minn filmati tas-CCTV u d-DNA.
Nicole Borg
13:55 Jesper Kristiansen ibbukkja taxi mill-Imsida għal Triq Karmel f'Tas-Sliema.
Nicole Borg
13:54 Wieħed mis-suspettati deher barra Dolve Sicilia mingħajr maskra.
Nicole Borg
13:53 L-uffiċjal xehed dwar l-oġġetti li nstabu fil-karozza. Qal li f'basket tan-nisa kannella nstabu business cards ta' Paula Pandolfino.
Nicole Borg
13:52 Instabu cable ties maqtugħin li kienu qed iżommu l-pjanċi.
Nicole Borg
13:52 Il-Pulizija ngħataw l-istruzzjoni biex iduru maż-żona fejn dehru l-karozzi l-aħħar.
Nicole Borg
13:50 L-uffiċjal jixhed dwar ir-rotta li ttieħdet wara li seħħ il-qtil u minn fejn inġabru l-filmati tas-CCTV.
Nicole Borg
13:48 L-Uffiċjal tal-Pulizija Josef Gerada jibda jixhed.
Nicole Borg
13:47 Grech qal li l-ingwanti ma kinux analizzati. Qal li ma setax jeskludi jekk l-ingwanti kinux tiegħu jew tal-mara li magħha kien jaqsam il-kamra.
Nicole Borg
13:46 Dr Brincat jibda jistaqsi.
Nicole Borg
13:45 Dr Giglio: "Fimt sew li Dragomanski għen lil Muka jibdel il-pjanċi?"

Grech: "Iva. Hu ammetta li kien dak li twihom u poġġihom fil-bagoll."
Nicole Borg
13:44 Dr Giglio: "L-ingwanti ppreżentati llum, irriżulta li ntużaw fis-serqa?"

Grech: "Iva, wieħed mis-suspettati kien liebes ingwanti suwed u l-oħrajn kienu lebsin ingwanti blu."

Dr Giglio: "Dragomanski qal li l-ingwanti kienu tiegħu?"

Grech: "Le, onestament sirt naf dwar l-ingwanti wara."
Nicole Borg
13:42 Dr Giglio: "Dragomanski indika li ddeċieda li jitlaq u jabbanduna x-xogħol? Qallek għaliex mar fid-dar?"

Grech: "Le. Kien evidenti, li għax ried jagħmel il-flus, skont ma qal hu."
Nicole Borg
13:41 Qal li Dragomanski baqa' bilqiegħda fil-karozza. Skont ma qal l-akkużat, hu baqa' hemm għax kollox kien diżorganizzat u beda jibża' meta ra lil Muka b'arma tan-nar f'idejh.

Dragomanski wissa lil Mika biex ma jużax l-arma għall-ebda raġuni.
Nicole Borg
13:40 Giglio: "Taf min kien bilqiegħda fejn fil-karozza?"

Grech: "Dragomanski kien bilqiegħda wara s-seat tal-passiġġiera fejn kien hemm Kristiansen. Muka kien qed isuq.
Nicole Borg
13:39 Grech qal fil-Qorti li Dragomanski kien kuntent jaqla' xi flus.
Nicole Borg
13:38 Dr Giglio staqsa dwar ir-relazzjoni bejn it-tliet persuni.

Grech qal li Dragomanski, li kien jaħdem bħala security kien jaf lil Kristiansen aktar minn Muka. Kristiansen kien jiffrekwenta l-bard fejn kien jaħdem Dragomanski. Lil Muka kien jafu minn Paceville.
Nicole Borg
13:38 Maġistrat Mifsud: "Għandek isem għar-raġel l-ieħor?"

Grech:"Jesper Kristiansen."
Nicole Borg
13:35 L-Ispettur tal-Pulizija rrefera għall-istatement ta' Muka. Qal li Muka u r-raġel l-ieħor daqqew il-qanpiena u fetaħ Pandolfino.

Ir-raġel l-ieħor mar ifittex lil Dragomanski u l-bieb ingħalaq. L-Ispettur tal-Pulizija Grech qal li hemm ċans li l-bieb ingħalaq u huma sfurzawh biex jinfetaħ.

Grech qal li ma kkjarifikawx jekk intużatx il-forza mill-ewwel biex jinfetaħ il-bieb jew aktar tard.
Nicole Borg
13:35 Dr Giglio jibda bil-kontro eżami tax-xhud.

Hu talab jekk Grech jistax jikkjarifika d-daħla fid-dar.
Nicole Borg
13:34 Wara li tressaq il-Qorti bl-akkużi, il-pulizija għamlu rejd tar-residenza tiegħu f'Tas-Sliema fil-preżenza tal-housemate. Il-pulizija sabu l-flokk bla kmiem u l-beritta li kien liebes l-akkużat.
Nicole Borg
13:33 Kienu eżebiti tliet intervisti awdjoviżivi ma' Dragomanski fil-Qorti.
Nicole Borg
13:32 L-Ispettur tal-Pulizija Grech qal li l-akkużat daħal fid-dar wara li nstemgħu l-isparaturi.
Nicole Borg
13:30 Hu u jitkellem dwar dak li qal l-akkużat, Grech semma kif Dragomanski ħa lill-kelb tiegħu d-dar u mar magħhom. Meta waslu Tas-Sliema qalulu li kienet serqa. Hu stenna fil-karozza. Meta ra lil Muka b'arma tan-nar f'idejh qallu biex joqgħod attent kif jużaha. Issemma kif kien it-tielet suspettat li mar għalih fil-karozza.

Dragomanski qal lill-pulizija li ra lil Pandolfino jieħu l-aħħar nifs tiegħu. Hu tela' fuq u ra lit-tieni vittma.

Qal li Muka ħareġ mill-kamra tas-sodda u qallu: "tlaqna. Lesti minn hawn."

Dragomanski qal lill-pulizija li kien f'xokk qawwi u kellhom joħorġuh huma.
Nicole Borg
13:29 Spjega kif dakinhar tal-qtil, Dragomanski kien ħareġ dawra bil-kelb tiegħu meta Muka u s-suspettat l-ieħor qalulu li kellhom xogħol għalih u stednuh magħhom. Qal lill-pulizija li ma kienx hemm pjan u li kollox kien diżorganizzat.

Dragomanski ma kienx jaf jekk dan kellux x'jaqsam ma' droga, ġlied jew serq.
Nicole Borg
13:27 Sostna li Viktor Dragomanski kien lest li jitkellem. Hu qal lill-pulizija li kien vera rrabbjat u qal li Daniel Muka rvinalu ħajtu fi żmien erba' minuti.

Hu kien infurmat bid-drittijiet tiegħu iżda insista li jibqa' jitkellem. Hu temm l-istatement tiegħu fit-3am.
Nicole Borg
13:26 Qal li l-pulizija rċeviet informazzjoni li Viktor Dragomanski kien qed joqgħod f'kamra fil-Bluebay Hotel fi Triq Ponsby fil-Gżira.

Il-Pulizija ġabru l-propjetà tiegħu. Instabu par ingwanti. L-ispettur tal-Pulizija eżebixxa l-ingawanti.
Nicole Borg
13:24 Il-kameras ta' Dolce Sicilia kemm ġewwa u kemm bara juru li wieħed mis-suspettati jidħol fil-ħanut fil-10.53pm. Qal li ħaddiem li kien interrogat b'rabta mal-każ qal lill-pulizija li r-raġel staqsa għall-password tal-WiFi tal-ħanut.

Daniel Muka kien arrestat fil-25 ta' Awwissu għall-ħabta tas-1pm. Il-Pulizija kkonfiskaw pistola u pendent li kien ta' pandolfino.
Nicole Borg
13:23 "Stajt naraf lil Daniel Muka minn still image mill-filmat, qal Grech.
Nicole Borg
13:20 Spjega li l-karozza (Tijuan) kienet ittowjata għal aktar eżamijiet forensiċi. Kien osservat li l-ebda karozza ma ħarġet mill-parkeġġ.

Il-filmati tas-CCTV juru tliet irġiel mexjin fi Triq Ursolini fl-10.44pm. Huma dehru jieqfu fuq il-bus stop tal-Imsida fi Triq il-Marina fl-10.47pm.

Il-filmati tal-Browns Pharmacy juru raġel twil miexi quddiem it-tnejn l-oħra. Ir-raġel it-twil (Daniel Muka) kien qed jixrob u kien liebes sapport għall-minkbejh.

Qal li uffiċjal tal-pulizija mill-Għassa tal-Belt Valletta kkonferma li Muka kien liebes sapport għal minkbejh meta mar jiffirma l-bail book xi jiem qabel.

Il-filmati ta' xarabank juru lit-tliet irġiel jistennew fuq il-bus stop flimken.
Nicole Borg
13:19 Spjega li fil-karozza nstab basket iswed tan-nisa. Qal li nstabu wkoll maskri, ingwanti, arma finta AK-47, xkubetta finta, u l-pjanċi misruqa li ntużaw biex jitwettaq ir-reat. Dawn instabu fil-bagoll tal-karozza.
Nicole Borg
13:17 Spjega kif wara l-każ, il-karozza għaddiet minn Tigne għal Triq Rudolp, għal Triq Reggie Miller u baqgħet sejra lejn il-Kappara. Din imbagħad għaddiet minn Triq Reġjonali u baqgħet sejra lejn Santa Venera għall-Imsida. Il-karozza waqfet fi Triq Ursolini f'Tal-Pietà fl-10.33pm.

Uffiċjal tal-pulizija sab il-karozza f'parkeġġ fil-pjanċi differenti. Dawn ukoll kienu misruqin.
Nicole Borg
13:16 Qal li l-investigaturi ssottemettew talba lil Transport Malta biex tara jekk il-pjanċi misruqa dehrux fil-filmati tagħha. Qal li l-pjanċi ntużaw fuq Peugeot 107.
Nicole Borg
13:14 It-tim ta' investigazzjoni ġabar filmati wara l-movimenti tal-karozzi. Semma kif il-pjanċi nsterqu minn Paceville.

Qal li l-karozza kienet irrapurtata misruqa fl-24 ta' Settembru tal-2018.
Nicole Borg
13:14 Semma kif ir-raġel l-imbaċċaċ deher joħroġ mid-dar u jmur lejn il-karozza. Imbagħad żewġ irġiel dehru jirritornaw lejn id-dar.
Nicole Borg
13:12 Grech qal li hu tkellem ma' Bajada dwar il-filmati:

– Fl-10.10pm Christian Pandolfino deher jirritorna d-dar minn ikla tal-familja li spiċċat għall-ħabta tal-10pm.
– Fl-10.13pm il-karozza tidher iddur fiż-żona tad-dar.
– Fl-10.19pm raġel twil u raġel qasir u mbaċċaċ liebes qalziet iswed bi strixxa bajda, beritta u maskra dehru jidħlu fid-dar.
Nicole Borg
13:11 Il-Maġistrat Ian Farrugia mar fil-post fejn ġara l-każ. Intant l-esperti tal-Qorti, inkluż Martin Bajada li ntalab jiġbor filmati tas-CCTV, wkoll marru fuq il-post.
Nicole Borg
13:11 Spjega li kienu sparati ħames tiri fid-direzzjoni ta' Pandolfino. Intant Maciejowski nqatel permezz ta' tir mill-bokka tat-taraġ għal fuq. Qal li dan jidher li niżel isfel meta sema' t-tiri.
Nicole Borg
13:09 Semma kif Pandolfino nstab mejjet ftit metri 'l bogħod mill-bieb fil-ħwejjeġ ta' taħt. It-taqlib fid-dar kien minimu.

Semma kif iż-żewġ vittma nsterqulhom xi ġojjelli. Qal li kien evidenti li wara li qatluhom, dawn l-irġiel serqu l-ġiżirajjen tad-deheb minn fuq ġisem il-vittmi.

Kien spjegat li Pandolfino kien jilbes tmien ġiżirajjen madwar għonqu. Kien hemm diversi pendenti mal-arti li jindikaw li l-ġiżirajjen insterqu.

Spjega li ntuża lever biex jinfetaħ il-bieb.
Nicole Borg
13:07 Grech qal li hu kien infurmat mill-control room dwar l-inċident fit-18 ta' Awwissu fi Triq Locker f'Tas-Sliema. Tliet irġiel dehru deħlin f'residenza f'Tas-Sliema u dehru jitilqu minn fuq il-post permezz ta' karozza tal-għamla Volkswagen.

Qal li xhud li ra kollox kien qed ipejjep sigarett fil-gallerija meta ra lit-tliet suspettati deħlin u ħerġin fir-residenza. Xhud ieħor ra lit-tliet irġiel jaħarbu wara li sema t-tiri.
Nicole Borg
13:06 L-Ispettur tal-Pulizija James Grech jitla' jixhed.
Nicole Borg
13:05 L-akkużat kien eskortat ġewwa l-awla. Hu liebes boiler suit oranġjo.
Nicole Borg
13:04 Il-proċedimenti se jkunu bl-Ingliż. Il-Qorti infurmat li l-akkużat jifhem bl-Ingliż.
Nicole Borg
13:02 "Fejn hu l-akkużat?" staqsa l-Maġistrat.

"Qed itellgħuh," qal l-ispettur James Grech.
Nicole Borg
13:02 Il-Maġistrat Joe Mifsud jidħol fl-awla.
Nicole Borg
13:01 Ninsabu fl-awla. Preżenti hawn l-għajnuna legali Joe Brincat, il-prosekuturi u l-avukati tal-parte civile.
Nicole Borg
12:51 Waranofsinhar it-tajjeb u merħba għal dan il-blogg. Ninsabu live minn awla 22.
Nicole Borg

It-tabib Christian Pandolfino ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ta’ 30 sena nqatlu kiesaħ u biered fid-dar fi Triq Locker fit-18 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-10.15pm. Is-suspettat ewlieni ġie arrestat nhar fil-25 ta’ Awwissu f’rejd drammatiku fil-Furjana.

Fil-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Victor Axiak, Dragomanski kien akkużat bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski, b’serq, estorsjoni, pussess ta’ arma waqt li kienet qed titwettaq offiża, li kien fil-pussess ta’ oġġetti misruqa, serq ta’ vettura u tibdil ta’ pjanċi misruqa.

L-Ispettur James Grech qal li l-pulizija arrestat lis-suspettat wara li kien identifikat minn filmati tas-CCTV. Ħareġ li f’dawn il-filmati, jidhru tliet persuni li wettqu d-delitt. Sostna li minn informazzjoni li waslitilha l-Pulizija, wieħed mill-irġiel kien identifikat li kien l-akkużat.