Filmati: Tkompli tidwi l-għajta għal ġustizzja u riżenji wara l-qtil ta’ Daphne

Eluf ta' persuni nġabru f'Tas-Sliema għad-dimostrazzjoni organizzata min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili, b'rispons għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u bħala talba sabiex jitneħħew il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.

Din hi t-tieni dimostrazzjoni tax-xorta tagħha, wara dik ta' bħal-lum ġimgħa li saret il-Belt. 
Bdiet minn Għar id-Dud jew kif inhu magħruf aħjar ix-Chalet. 
Oriġinarjament in-nies kienet se timxi lejn Triq Amery, fejn trabbiet Daphne Caruana Galizia, iżda fl-aħħar mumenti ġie deċiż li dan ma jsirx sabiex ma jdejqux lill-qraba tagħha.
Spikkat qabel xejn il-mużika ta' John Lennon, "Imagine", liema lirika tal-kanzunetta titkellem waħidha.

Sadanittant, in-nies titkellem bejnietha, u wħud jagħmlu ħsejjes bi sfafar u affarijiet oħra.
Fost l-oħrajn, l-istrixxun kbir bil-kelma Ġustizzja jimxi fuq quddiem, miżmum minn dawk li qed jorganizzaw id-dimostrazzjoni, fost iċ-ċapċip sporadiku.
Mal-istrixxun li jitlob għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, fit-toroq ta' Tas-Sliema llum rajna strixxun ieħor, dak li jsejjaħ għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Peter Grech.

Fi tmiem id-dimostrazzjoni indirizzaw il-folla Jacques Rene Zammit, Jurgen Balzan, Andrew Borg Cardona, Claudia Taylor East u  Josef Vella.
“Mhux qed nakkużaw lill-PL, imma lil min qed ifalli fil-Gvern” – Borg Cardona
L-avukat Andrew Borg Cardona enfasizza li hu jinsab hemmhekk minħabba dawk li sejħilhom “oqbra mbajda”, filwaqt li tul id-diskors tiegħu irrimarka li dawn mhumiex protesti kontra xi partit, iżda kontra l-mod kif qed jiġi mmexxi l-istat, ikun min ikun fil-Gvern.
Madankollu, Borg Cardona inkluda lil kulħadd miegħu meta qal li l-messaġġ hu wieħed politiku, u li ma jiddejjaqx isejjaħlu hekk, “Intom li suppost tieħdu ħsieb il-pajjiż fallejtu, u fallejtu bil-kbir. M’għamiltux dmirkom ma’ Daphne, ma nafdawkomx li tagħmluh magħna”.
Borg Cardona qal li hi ħasra li d-diżonestà politika daħlet fl-għeruq, u semma dawn in-nies:

  • Min għajjarha “biċċa blogger”
  • Kull min tkellem ħażin fuqha u attakkaha, anki fiżikament
  • Kull min ra x’qed jiġri u m’għamel xejn
  • Kull min ħarġilha s-sekwestri u faqqgħalha l-libelli
  • Kull min ħassu superjuri għaliha, u 
  • Kull min issa qed jitkellem b’mod pożittiv dwarha, meta sa ftit qabel mewtha kien iħoss mod ieħor

Temm jgħid li hu għalhekk, li jekk min ħaqqu jitkeċċa ma jitkeċċiex, Daphne Caruana Galizia tibqa’ tmut kull darba.

“Ma nistgħux nibqgħu niġu użati bħalma kienet tintuża Daphne għall-eżiġenzi tal-partiti” – Balzan
Meta tkellem il-ġurnalist Jurgen Balzan, iffoka fuq dak li sejjaħlu “surplus ta’ partiġġjaniżmu” fejn kollox huwa ppreżentat skont il-loġika ta’ aħmar kontra blu.
Balzan wissa lill-pubbliku miġbur quddiemu biex ma jħalli lil ħadd jikkontrollalu x’jaħseb u xi jħoss, għandux iħossu rrabjat jew le.
Enfasizza li soċjetà ċivili li titkellem u tkun voċifera hija skumdità kbira għaż-żewġ partiti li skontu ħatfu lill-pajjiż.
Hawnhekk qal li l-poplu ma jistax jibqa’ jiġi użat bħalma kienet tiġi użata Daphne Caruana Galizia għall-fini ta’ partiġġjaniżmu tal-partiti.
Żied jgħid li mhuwiex jesaġera meta jgħid li mhux kulhadd huwa indaqs quddiem il-liġi, jew li l-fiduċja fil-qrati dejjem tonqos għax il-partiti l-kbar dawru l-qorti f'każin maqsum bejn żewġ tribujiet.
Lanqas meta jgħid li m’hawnx fiduċja fil-Korp tal-Pulizija, għax minflok jiddefendu l-interess tal-poplu, kważi jaħdmu biex il-ġustizzja tkun għamja, u jiddefendu l-interess ta’ min fi kliemu “ħakem l-istat.”
“L-għaqda nazzjonali sseħħ biss jekk ikollna riforma kostituzzjonali li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet indipendenti u tneħħi s-saħħa sproporzjonata taż-żewg partiti”, żied il-ġurnalist, meta tkellem dwar dik li sejħilha “illużjoni demokratika”, jekk dan ma jsirx.
Filwaqt li tenna t-talba tas-soċjetà ċivili, dik li jitneħħew il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, u jiġu appuntati oħrajn b’żewġ terzi tal-parlament, Balzan temm jgħid li din mhix biss kwistjoni ta’ onestà tal-establishment, iżda waħda morali li trid tiddefendi l-istituzzjonijiet mill-partitokrazija li ħakmithom.
“Qed ngħixu f’surplus ekonomiku, u f’ieħor ta’ defiċit ċiviku u soċjali” – Jacques Renè Zammit
L-avukat Jacques Renè Zammit indirizza lin-nies billi qalihom li f’daż-żminijiet veru li hawn surplus ekonomiku, iżda hawn ukoll defiċit ċiviku u soċjali.
Madankollu l-avukat qal li s-soċjetà ċivili qamet mir-raqda li kienet fiha, wara snin ma tridx tisma’ li l-qafas tal-pajjiż kien sejjer lura.
Staqsa lin-nies x’inhuma jagħmlu hemmhekk, u wkoll x’ħolqa hemm bejn il-qtil ta’ ġurnalista u s-saltna tad-dritt.
Fil-fatt ikkonkluda li n-nies qiegħda hemm għax għarfet li l-istat naqasha.
“L-istat fis-sens wiesgħa tal-kelma m’għadux iservi lil pajjiż iżda kull ma jmur qiegħed iservi biss liċ-ċrieki ta’ poter”, żied Zammit.
Sostna li l-istat falla għax ħalla jsir wieħed li jaqdi biss il-bżonnijiet tribalistiċi ta’ dawk li jifirdu lin-nies.
Temm jgħid li jħossu kburi li hu wieħed minn dawk li DCG influwenzatu biex juża l-pinna bħala arma politika.
“L-istituzzjonijiet qegħdin hemm biex iservu lilna, u aħna jisthoqqilna ahjar” – Taylor East 
Claudia Taylor East saħqet fuq l-importanza li l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-pajjiż jagħtu s-servizz u l-protezzjoni li wieħed jistenna li jkollu aċċess għalihom f’pajjiż demokratiku żviluppat.
Hija kienet qed titkellem f’isem is-soċjetà ċivil meta qalet li hija tistenna kull persuna jkollha dritt tistenna servizz tal-ogħla kwalità mill-istituzzjonijiet, u mhux tkompli tara l-istandards tagħhom niżlin.
Taylor East ikkritikat lill-politiċi u liċ-ċittadini kollha li qed jiżirgħu l-mibegħda u d-diżrispett fil-pajjiż, filwaqt li faħħret lin-nisa kollha li marru jipprotestaw fuq Kastilja b’mod ċivili u demokratiku, minkejja l-kummenti u kliem ta’ disprezz li ġew attakkati bih.  
Hija ħeġġet liż-żgħażagħ biex joħorġu mid-dinja magħluqa tal-midja soċjali u jsiru ċittadini iktar attivi billi jgħinu lill-oħrajn u jkunu l-imħuħ wara l-progress tal-pajjiż.
Hija appellat ukoll lill-ġurnalisti biex jieħdu eżempju minn Daphne, u jkomplu jagħmlu pressjoni fuq il-mexxejja fit-tfixxija kontinwa tagħhom għall-verità.
Taylor East temmet tgħid li l-assassinju ta’ ġimagħtejn ilu ma jistax jiġi aċċettat bħala avveniment tipiku f’pajjiżna, u esprimiet it-tama tagħha li l-investigazzjonijiet iwasslu għall-verità.  
“L-attakk fuq Daphne kien attakk fuq kull wieħed u waħda minna” – Josef Vella
Josef Vella ddeskriva l-attakk fuq Daphne bħala attakk fuq il-poplu Malti, li kull ma jmur qed ikompli jitlef il-fiduċja tiegħu fl-istituzzjonijiet li tilfu l-awtorità tagħhom u r-rieda li jiddefendu d-demokrazjija.
Vella kkummenta wkoll li l-assassinju tal-ġurnalista ma sarx f’iżolament, iżda wara sensiela ta’ avvenimenti fejn ġiet attakkata kemm minn politiċi kif ukoll minn nies pubbliċi, li daħħlu kultura ġdida f’pajjiżna fejn ħadd mhu kapaċi jerfa’ responsabbiltà għall-azzjonijiet tiegħu stess.
Huwa kkritika lil kull min insinwa li l-assassinju ma kienx qtil politiku minħabba li ma kien hemm l-ebda politikant involut, ladarba skontu l-motiv tal-qtil qed jiġi mfittex fil-kitba tal-vittma stess.
Vella saħaq li kull persuna għandha twarrab il-partiġġjaniżmu u l-apatija tagħha, għax inkella l-impatt politiku u ekonomiku ta’ dan il-qtil fuq il-pajjiż se jkompli jikber.  
Huwa spjega li ekonomija b’saħħitha tinbena biss f’soċjetà trasparenti, li tfittex l-integrità tal-istituzzjonijiet indipendenti tagħha, li għandhom jitmexxew biss mis-saltna tad-dritt, u mhux mill-apatija jew il-biżà.
Vella appella lill-Gvern biex jagħti widen lis-soċjetà ċivili li qed titlob li jinħoloq pjan t’azzjoni li jġedded is-separazzjoni tal-poteri u jbiddel il-mekkaniżmu li bih jittieħdu l-għażliet, billi kandidati għal karigi għoljin jiġu maħtura b’żewġ terzi tal-Parlament u jgawdu r-rispett tal-partijiet kollha.
Vella temm jisħaq li l-ġlieda għall-integrità u d-demokrazija għandha tkompli tiġi miġġielda, sakemm jiġi assigurat dak li mietet għalih Daphne, jiġifieri li tirrenja s-salta tad-dritt li tipproteġi l-libertà tal-espressjoni.   

Ritratti: Ryan Bonello/Fr Joe Borg