Filmat: Solidarjetà mal-immigranti fil-Belt

Numru ta’ attivisti lokali u barranin inġabru quddiem il-Qorti fis-siegħa ta’ wara nofsinhar bħala parti mill-manifestazzjonijiet b’solidarjetà mar-refuġjati li qed isiru madwar il-Ġermanja, Barċellona u anki fil-Greċja. Huma talbu lill-Gvern Malti biex iħalli d-dgħajjes tal-għaqdiet mhux governattivi jitħallew ikomplu jaħdmu fit-tfittxija u salvataġġ.

Qabel ma bdew id-diskorsi, l-attivisti poġġew mal-art ġkieket tas-salvataġġ u bihom kitbu 628, numru li jirrifletti l-ammont ta’ persuni li naf bihom u li tilfu ħajjithom fil-baħar kemm ilhom l-bastimenti tagħhom maqbudha f’Malta.

Kelliema u voluntiera ta’ Sea-Watch qalet li kemm ilhom bil-bastimenti maqbudha f’Malta, ammont sostanzjali ta’ nies tilfu ħajjithom b’konsegwenza li Ġunju kien l-iktar xahar li fih tilfu ħajjithom persuni.

Tkellem ukoll membru tal-ekwipaġġ tal-bastiment MV Lifeline, Richard Brenner, li sostna li l-organizazzjoni qed tintuża biex il-mentalità ta’ Fortress Europe tkompli tintesifika fl-istess ħin jitfgħu l-ħtija fuq l-għaqda. Huwa saħaq li s-salvataġġ qatt ma jista’ jkun reat kriminali. Huwa saħaq li meta l-inġustizzja ssir ġustizzja, id-dmir huwa li wieħed juri r-reżistenza.

Tkelmet ukoll Maria Drenk minn Sea-Watch, li apparti l-bastiment, l-ajruplan Moonbird li jintuża f’tfittxija twaqqaf milli jtir. 

Drenk qalet li huma qed jitlobu l-bastimenti tagħhom jkunu rilaxxati ħalli b’hekk jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom ta’ tfittxija u salvataġġ u jsalvaw in-nies mill-għarqa.

Chris Mizzi mill-Moviment Graffitti tkellem ukoll waqt il-manifestazzjoni. Huwa għamel sensilla ta’ mistoqsijiet retoriċi relatati mal-mwiet fil-baħar. Huwa saqsa għalfejn il-pajjiż jgħid li għandu bżonn iktar ħaddiema barranin minħabba l-ekonomija u nbiegħu l-passaporti imma fl-istess nifs Malta ma tridx tgħin l-immigranti. Huwa faħħar ix-xogħol tal-għaqdiet mhux governattivi u sostna li qed jagħmlu x-xogħol li suppost jagħmlu l-Gvernijiet tal-Membri Stati.

Tpoġġew ukoll kartonċin oranġjo mal-art fejn nies preżenti intalbu jiktbu l-messaġġ tagħhom.

Live Blog

Individwi jgħixu f’Malta llum qed itellgħu manifestazzjoni quddiem il-Qorti b’solidarjetà mar-refuġjati li tilfu ħajjithom waqt li qed jaqsmu kif ukoll dawk li rnexxilhom jaslu.

Din il-manifestazzjoni li qed issir fis-siegħa ta’ waranofsinhar qed issir fl-istess ħin ma’ numru ta’ manifestazzjonijiet oħra li qed jsiru madwar il-Ġermanja fosthom f’Berlin u Munich bħala solidarjetà mar-refuġjati.

Fost il-persuni li tkellmu s’issa hemm Maria Drenk minn Seawatch, Richard Brenner minn MV Lifeline u Chris Mizzi minn Moviment Graffiti.

Dawk li se jattendu kienu mitluba jilbsu xi ħaġa oranġjo bħala soliderjetà.

Voluntiera ta’ Sea-Watch irrakkontat ma’ Newsbook.com.mt kif salvat tifel ta’ sentejn li ra lill-missieru jmut. 

Tlett bastimenti ta’ għaqdiet mhux governattivi, is-Sea Watch 3 Vessel, MV Lifeline u Seefuchs jinsabu maqbduha f’Malta. Dawn it-tlett bastimenti jagħmlu tfittxija u salvataġġ fil-Mediterran.

Il-Kaptan tal-bastiment MV Lifeline tal-għaqda mhux governattiva Lifeline tressaq il-Qorti b’rabta mal-każ ta’ 234 persuni li ġew salvati mill-għarqa li fosthom kien hemm 70 minuri mhux akkumpanjati, tliet it-trabi u tifel.

Iktar qabel, kien seħħ il-każ tal-Aquarius li la itħallhiex jidħol Malta li kellhom abbord 629 persuna li ġew salvati mill-baħar.