Filmat: “B’San Pietru u San Pawl, Alla ried jeħlisna mid-deni”

Knisja.org/ritratti

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-esperjenza profonda li qed tiġi ċċelebrata llum hija dik li l-Mulej jeħles lill-uliedu mid-deni u jħarishom.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Arċisqof waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl f’quddiesa fil-Katidral tal-Imdina dalgħodu.

L-Arċisqof silet numru ta’ esperjenzi kemm ta’ San Pietru, kif ukoll ta’ San Pawl li juru biċ-ċar dan it-twemmin nisrani li Alla huwa l-ħelsien mid-deni.

Spjega li San Pietru esperjenza hu stess din l-imħabba t’Alla meta inħeles mill-ħabs ta’ Erodi u qal hu stess li f’dak il-mument il-Mulej bagħat anġlu u ħelsu.

Knisja.org/ritratti

Irrimarka kif San Pietru esperjenza l-ħniena ta’ Ġesù diversi drabi f’ħajtu, bil-mument l-aktar komwoventi jkun meta tradixxa lil Ġesù u propju ftit tal-minuti wara ġie wiċċ imb’wiċċ mal-ħarsa ta’ Ġesù nnifsu. Kien hawn li nduna kemm kien kbir it-tradiment tiegħu, hekk kif Ġesù baqa’ jfittex f’qalb Pietru l-imħabba profonda li kien irrefera għaliha qabel bil-kliem: “Xmun bin Ġona, tħobbni int?”

Min-naħa l-oħra, spjega l-Arċisqof, San Pawl, li hu stess kien prosekutur tal-Insara, nidem u minn prosekutur inbidel f’difensur wara li ġie wiċċ imb’wiċċ mal-ħniena ta’ Kristu. Irrealizza li l-Mulej huwa verament imħallef ġust, għax huwa imħallef ħanin.

Temm l-omelija billi ngħaqad mal-Knisja ta’ Ruma, “glorjuża biċ-ċarċir tad-demm ta’ San Pietru u ta’ San Pawl” filwaqt li talab “sabiex inkunu Insara kattoliċi b’ħarsa universali, li tħeġġeġ lill-Insara sabiex ikunu aktar fidili u ulied denji ta’ missier kbir”.

Filmat: Arċidjoċesi ta’ Malta