In-Netherlands jirbħu l-Eurovison; Malta fis-16-il post

Ritratt: Thomas Hanses

01:10 Jasal fi tmiemu l-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest. In-Netherlands rebbieħa permezz ta’ Duncan Lawrence bil-kanzunetta Arcade; Malta fis-16-il post.

Ir-rebbieħ tal-Eurovision . Ritratt: Thomas Hanses

Għan-Netherlands din kienet il-ħames darba li rebħu l-Eurovision Song Contest. L-ewwel darba kien fl-1957, imbagħad fl-1959, l-1969 u l-1975. Huma ħadu sehem 60 darba fil-Eurovision, u din kienet il-51 darba tagħhom li waslu sal-finali.

Il-klassifika finali tal-Eurovision Song Contest

00:55 20 punt għall-Malta mill-vot tal-pubbliku. Malta s’issa fis-16-il post.

00:53 Jibdew jinqalbu l-voti hekk kif issa bil-vot tal-pubbliku, in-Norveġja titla fil-quċċata,

00:47 Jitlestew il-voti tal-ġurija. L-Iżvezja issa fil-quċċata b’239 punt, it-Tramuntana tal-Maċedonja u l-Olanda b’231 punt. F’dan l-istadju Malta fl-10 post. Issa ġejjin il-voti tal-pubbliku.

00:33 Il-klassifika s’issa tindika l-Maċedonja tat-Tramuntana fil-quċċata b’146 punt, l-Iżvezja b’125 punt u l-Ażerbajġan b’117 punt.

00:13 Ben Camille jagħti l-voti għal Malta. It-12-il punt tagħna jmorru għall-Italja.

00:11 Jibda l-voti u l-ewwel pajjiż li ta l-punti kien il-Portugall. L-ewwel 12-il punt marru għall-Olanda.

00:06 Jagħlaq it-televoting u issa lkoll wara Michela, nistennew li jibda l-andament tal-voti.

Ritratt: Facebook

24:00 Tgħaddi għall-kanzunetta Future, li se kun fl-album il-ġdid tagħha Madame X, li hi se tniedi fl-14 ta’ Ġunju. Magħha għal din il-kanzunetta, ir-rapper Quavo.

23:55 Il-mument li ħafna ilhom jistennew. Ir-reġina tal-mużika Pop, Madonna bl-ewwel kanzunetta Like A Prayer, li di is-sena għalqet 30 sena minn mindu ħarġitha.

23:45 Imiss issa lil Netta Barzilai biex twassal il-kanzunetta ġdida tagħha Nana Banana. Hija rebħet il-Eurovision tas-sena l-oħra bil-kanzunetta Toy.

L-artisti mill-edizzjonijiet imgħoddija tal-Eurovision, mistiedna fil-Eurovision 2019. Ritratt: Thomas Hanses

23:15 Jibda l-ispettaklu li jdum għaddej tul l-intervall. Conchita Wurst tinterpreta Heroes ta’ Mans Zermerlow, li issa qed ikanta wkoll Fuego, li s-sena l-oħra  ġiet interpreta minn Eleni Foureira għal Ċipru.

Din is-sena tkanta s-silta Dancing Lasha Tumbai li nafuha minn Verka Serducka fl-2007. Verka issa twassal l-interpretazzjoni tagħha ta’ Toy li s-sena l-oħra smajniha minn Netta Barizlai li biha l-Iżrael rebħet il-Eurovision Song Contest.

U fl-1979 kienet rebħet il-Eurovision il-kanzunetta Hallelujah u fuq il-palk il-kantanta Gali Atar, akkumpanjata minn Mans Zelmerlow.

Madonna għamlet l-ewwel intervent u ndirizzat l-udjenza, fejn qalet li kull parteċipant huwa rebbieħ.

Waqt l-intervall, l-artisti fil-Greenroom igawdu mill-ispettaklu tal-mistednin. Ritratt: Thomas Hanses

23:08 Il-kanzunetti kollha ġew ippreżentati u wara li ġie spjegat il-proċess tal-votazzjoni, infetħet il-votazzjoni għall-pubbliku. Il-ġurija ta’ kull pajjiż diġa ivvuttat il-50% tal-voti tagħha l-bieraħ filgħaxija.

L-atmosfera fl-Expo Tel Aviv. Ritratt: Andres Putting

23:04 L-aħħar kanzunetta tas-serata. Spanja kwalifikaw dirett fin-finali u qed jirnexxielhom iqajmuha sew lill-udjenza b’La Venda li ġiet interpretata minn Miki.

Spanja: Miki – La Venda. Ritratt: Andres Putting

22:59 Tassew irid ikollok il-kontroll assolut tal-vuċi waqt li takanta u titbandal bħal ma’ għamlet Kate Miller-Heidke għall-Awstralja bil-kanzunetta Zero Gravity. Jekk jirbħu l-Eurovision, qalu li jridu jgħadduh lill-Ġermanja biex torganizzah.

Awstralja: Kate Miller-Heidke – Zero Gravity. Ritratt: Andres Putting

22:56 Luca Hänni għall-Iżvizzera bil-kanzunetta She Got Me, oħra favorita mal-udjenza preżenti u madwar il-pajjiżi parteċipanti.

Żvizzera: Luca Hänni – She Got Me. Ritratt: Thomas Hanses

22:51 Nevena Božović  għas-Serbja bil-kanzunetta Kruna, li tfisser kuruna. Dawk li forsi huma dilettanti sew tal-Eurovision forsi qed jirrealizzaw li wiċċha huwa familjari. Fil-fatt din hija t-tielet darba fil-Eurovision, iżda l-ewwel darba bħala solista.

Serbja: Nevena Božović – Kruna. Ritratti: Thomas Hanses

22:47 L-ewwel darba wkoll għall-Italja, kwalifikata direttament fil-finali. Mahmood, rebbieħ tal-aħħar edizzjoni ta’ Sanremo bil-kanzunetta Soldi, li fiha juża wkoll xi kliem Għarbi, l-ewel darba fl-istorja tal-Eurovision

Italja: Mahmood – Soldi. Ritratt: Andres Putting

22:43 L-ewwel darba li qed  naraw il-wirja ta’ Franza peress lii kkwalifikaw dirett fil-finali. Bilan Hassani huwa l-kantanta u l-kanzunetta Roi. Milqugħ sew mill-udjenza!

Franza: Bilal Hassani – Roi. Ritratt: Thomas Hanses

22:39 L-Ażerbajġan qed jikkompetu bil-kanzunetta Truth interpretata minn Chingiz. Kanzunetta li ġegħlek ukoll tiċċaqlaq magħha.

Ażerbajġan: Chingiz – Truth. Ritratt: Thomas Hanses

22:35 Zena għall-Belarussja bil-kanzunetta Like It, pajjiż li wkoll jieħu l-festival bis-serjeta. DIn hija s-16-il parteċipazzjoni ta’ danil-pajjiż u l-għola pożizzjoni li qatt kisbu kienet dik tas-sitt post fl-2007.

Belarusja: ZENA – Like It.. Ritratt: Andres Putting

22:31 Victor Crone għall-Estonja. Il-kanzunetta Storm tidher li hija favorita oħra mal-udjenza preżenti.

Estonja: Victor Crone – Storm. Ritratt: Andres Putting

22:27 Hatred will Prevail. Hekk tfisser Hatrið mun sigra, l-isem tal-kanzunetta li Hatari qed iwasslu għall-Islanda

Iżlanda: Hatari – Hatrið mun sigra. Ritratt: Andres Putting

22:20 Ir-Renju Unit ukoll kwalifika direttament fil-finali. Il-kantant Michael Rice bil-kanzunetta Bigger Than Us.

Renju Unit: Michael Rice – Bigger Than Us. Ritratt: Andres Putting

22:16 Spirit in the Sky huwa l-isem tal-kanzunetta tan-Norveġja interpretata minn KEiiNO. L-udjenza qed tkompli magħhom sew.

Norveġja: KEiiNO – Spirit In The Sky. Ritratt: Andres Putting

22:12 Il-pajjiżi ospitanti, l-Iżrael, jippreżenta għall-ewwel darba il-kanzunetta tiegħu, peress li wara r-rebħa tas-sena l-oħra kkwalifikaw direttament fil-finali tal-lejla. Kobi Marimi huwa l-kantant… u l-kanzunetta Home! L-udjenza preżenti donnha laqgħet ferm l-interpretazzjoni tiegħu hekk kif il-kantant deher ukoll emozzjonat meta sema’ ċ-ċapċip u l-għajjat.

Iżrael: Kobi Marimi – Home. Ritratt: Andres Putting

22:07 Il-Greċja hu magħruf kemm jieħu bis-serjeta’ l-Eurovision Song Contest u Katerine Duska offriet spettaklu għal din il-parteċipazzjoni tagħhom, l-40 waħda fl-istorja tal-Eurovision.

Greċja: Katerine Duska – Better Love. Ritratt: Andres Putting

22:04 Ħafna huwa dawk li qed jipprevedu r-rebħa għall-Olanda u fis-sala l-entużjazmu għal Duncan Laurence ma naqasx hekk kif kien imiss lilu, biex jinterpreta l-kanzunetta Arcade.

Olanda: Duncan Laurence – Arcade. Ritratt: Andres Putting

21:59 Cipru permezz tal-kantanta Tamta tkompli tqajjem l-atmosfera bil-kanzunetta Replay. Tidher li hija wkoll waħda mill-fvaoriti… għallinqas fl-arena.

Ċipru: Tamta – Replay.
Ritatt: Thomas Hanses

21:55 Imiss is-Slovenja permezz ta’ Zala Kralj & Gašper Šantl u l-kanzunetta Sebi, b’ħoss pjuttost kwiet, imqabbla mal-kanznetta ta’ qabel

Slovenja: Zala Kralj & Gašper Šantl – Sebi. Ritratt: Thomas Hanses

21:51 Wara l-waqfa għar-reklami li matulha ġiet intervistata Michela fil-Greenroom, tela’ fuq il-palk John Lundvik, wieħed mill-favoriti li jirbaħ din l-edizzjoni. Il-kanzunetta tiegħu għall-Iżvezja hija Too Late for Love. L-udjenza donnha kienet qed tistennih u ċ-ċapċip huwa enormi.

Żvezja: John Lundvik – Too Late For Love. Ritratt: Thomas Hanses

21:44 Din l-ewwel darba li l-Maċedonja qed tieħu sehem bħala l-Maċedonja tat-Tramuntana. Il-kantanta Tamara Todevska bil-kanzunetta Proud, li hi qed tiddedika liż-żewġt uliedha. Bla dubju ħarġet bil-qawwa kollha tagħha għal din il-parteċipazzjoni tagħha.

Tramuntana tal-Maċedonja: Tamara Todevska – Proud. Ritratt: Andres Putting

21:41 Il-kantant Tork Serhat fit-tieni parteċipazzjoni tiegħu għal San Marino. Kienet waħda mill-kanzunetti sorpriża li għaddew għall-finali mis-semi finali ta’ nhar it-Tlieta. Bla dubju għandu ħafna fans fix-xena tal-Eurovision. Imma dan biżżejjed biex iwasslu biex jerfa’ t-trofew tar-rebħa?

San Marino: Serhat – Say Na Na Na. Ritratt: Thomas Hanses

21:37 Leonara għad-Danimarka: Love is Forever! Diska sempliċi. Jew togħġbok… jew le!

Danimarka: Leonora – Love Is Forever. Ritratt; Andres Putting

21:35 Intervent qasir fis-sala ma’ Jean Paul Gaultier, li llejla qed ilibbes lil Dana Internation u lil Madonna.

Atmosfera fl-arena. Ritratt: Andres Putting

21:31 Tlett snin ilu kien il-favorit biex jirbaħ il-kanzunetta u jidher li din id-darba Sergey Lazarev qed jerġa’ jidħol bil-qawwa għal din il-kompetizzjoni. Jinstema’ sew l-akkumpanjament tal-Orkestra Simfonika ta’ Moska għall-kanzunetta Scream, għar-Russja.

Russja: Sergey Lazarev – Scream. Ritratt: Andres Putting

21:28 Il-Ġermanja, wieħed mis-sitt pajjiżi li qed naraw għall-ewwel darba f’din il-kompetizzjoni peress li jagħmlu parti mill-pajjiżi ‘l kbar. S!sters iwasslu l-kanzunetta Sister. Kurżita interessanti… m’humiex aħwa!

Ġermanja: S!sters – Sister
Ritratt: Thomas Hanses

21:24 Issa jmiss lil Laka Malawi għar-Repubblika. Friend of a Friend jisimha l-kanzunetta, li tallegra wkoll l-udjenza. Tassew il-kompetizzjoni hija ħarxa llejla!

Repubblika Ċeka: Lake Malawi – Friend of a Friend. Ritratt: Andres Putting

21:19 Jonida Maliqi għall-Albanija, it-tieni artistafuq il-palk għall-lejla. Waħda mill-kanzunetti li qed titwassal bil-lingwa tal-pajjiż, l-Albaniż. Ukoll wirja stupenda hekk kif din l-artista ċertament timpressjona bil-vuċi qawwija tagħha. Tintlaqa’ wkoll b’ċapċip enormi fis-sala.

Albanija: Jonida Maliqi – Ktheju tokës. Ritratt: Andres Putting

21:15 Tibda l-kompetizzjoni bil-wirja stupenda ta’ Michela Pace bil-kanzunetta Chameleon. Tassew prosit Michela ta’ din il-wirja li ntlaqgħet tajjeb mhux biss mill-Maltin u l-Għawdxin imma mill-arena ta’ Expo Tel Aviv fl-Iżrael

Malta: Michela – Chameleon. Ritratt: Andres Putting

21:00 Tibda l-finali tal-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest hekk kif l-artisti parteċipanti f’din l-edizzjoni jibdew ħerġin fuq il-palk tal-Eurovision f’atmosfera mill-aktar brijuża.

Il-ftuħ tal-64 edizzjoni tal-Eurovision. Ritratt: Andres Putting

Illejla fid-9 ta’ filgħaxija s-serata tant mistennija tal-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li se tittella’ fl-Expo Tel Aviv, fl-Iżrael.

Wieħed mill-bosta gruppi li ttelgħu Tel Aviv iħejju biex illejla jagħtu appoġġ lil Malta u lil Michela. Ritratt; Facebook

Malta, rappreżentata minn Michela se tkun qed tkanta fl-ewwel pożizzjoni l-kanzunetta Chameleon. Din hi l-ewwel darba fit-33 parteċipazzjoni ta’ pajjiżna li Malta se tkun qed tiftaħ il-kompetizzjoni. 26 pajjiż se jkun qed jieħu sehem fil-finali tal-lejla li għal Malta qed tfisser ir-ritorn fil-finali wara assenza ta’ sentejn. L-aħħar li Malta kienet fil-finali kien fl-2016 permezz ta’ Ira Losco bil-kanzunetta Walk on Water.

Fis-serata tal-lejla mhux se jonqos l-ispettaklu hekk kif il-kantanta Netta li rebħet l-edizzjoni tas-sena l-oħra, se tkun qed tniedi kanzunetta ġdida.

Fuq il-palk ukoll bosta kantanti rebbieħa fl-edizzjonijiet imgħoddija bħal Dana International, Mans Zermelow u Conchita Wurst se jkunu qed jagħtu wirjiet tagħhom flimkien ukoll ma’ ikona oħra mill-Eurovision, Verka Serduchka.

Iżda ċertament li ħafna qed jistennew ukoll il-wirja ta’ Madonna, l-ikbar artista mix-xena mużikali li se tkun rifset il-palk tal-Eurovision. Madonna mistenna tkanta s-silta Like A Prayer, li din is-sena mmarket it-30 sena anniversarju minn mindu ħarġet għall-ewwel darba, kif ukoll silta ġdida fjamanta, Future, li se tkun merfugħa mill-album il-ġdid tagħha Madame X li hija se tniedi fl-14 ta’ Ġunju.

Ritratt: Steven Klein

Fis-serata tal-lejla 26 pajjiż se jikkompetu għall-ewwel pożizzjoni. Il-ġurija ta’ kull pajjiż diġa vvuttat ilbieraħ flgħaxija il-50% tal-voti u wara li jiġu nterpretati s-26 kanzunetta jiftaħ it-televoting li għalih hemm il-kumplament tal-50% tal-voti. L-ebda pajjiż ma jista’ jivvota għalih innifsu.

Michela Pace llum wara nofsinhar għamlet l-aħħar prova ġenerali tagħha biex issa jonqos l-aħħar ftit qabel ma jibda l-entuzjażmu biex naraw f’liema pożizzjoni l-kanzunetta Maltija se tispiċċa f’din l-edizzjoni tal-Eurovision Song Contest. Awguri Michela! Awguri Malta!

Il-bieb tad-dressing room ta’ Michela Pace f’Tel Aviv. Ritratt: Andres Putting