“Rajtha 40 siegħa qabel ma nqatlet” – Omm Daphne

Son of Daphne Caruana Galizia, Andrew Caruana Galizia and her parents Rose Vella and Michael Vella, leave the Courts of Justice after a hearing of Melvin Theuma, who allegedly acted as a middle man in a plot to murder the journalist, in Valletta, Malta, December 4, 2019. REUTERS/Vincent Kessler

Il-ġenituri u qraba oħra tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia xehdu fl-inkjesta pubblika dwar l-istess assassinju li qed kompliet tinstema’ llum.

Ix-xhieda tal-qraba ta’ Daphne:

  • Rose Vella, omm Daphne, qalet li rat lil bintha għall-aħħar darba 40 siegħa qabel inqatlet brutalment.
  • Michael Vella, missier Daphne, jgħid li kieku l-awtoritajiet għamlu xogħolhom kieku Daphne għadha ħajja.
  • “Kienu jgħiduli biex inħaffer ħofra ħdejn il-qabar tagħha u mmut ħdejha” – Megan Mallia, waħda min-neputijiet ta’ Daphne.
  • Xehed ukoll persuna fil-midja. L-isem ma ġiex imxandar peress li x-xhieda nstemgħet fil-magħluq.

Segwi x-xhieda fil-Qorti minuta b’minuta:

4:42pm Il-każ ikompli l-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru fid-9am.

4:37pm Mallia semmiet inċidenti oħrajn li l-familja kellha tgħaddi minnhom fosthom abbuż verbali u fiżiku.

Każ partikolari huwa meta Helene u Mandy kienu fejn il-monument ta’ protesta quddiem il-Qorti u raġel mar fuqhom u rema l-fjuri u ritratti fl-art. L-inċident kien inqabad mill-filmati ta’ ġurnalisti Franċiżi.

Mallia temmet tgħid li l-aħjar protezzjoni li l-ġurnalisti jistgħu jingħataw hija meta l-Pulizija tinvestiga l-istejjer tagħhom.

4:34pm Mandy Mallia tkellmet ukoll dwar l-abbuż li Caruana Galizia kienet tirċievi permezz ta’ azzjonijiet SLAPP u każijiet ta’ libell kontriha. Semmiet kummenti ta’ “Boo.. boo…boom u Joseph il-King” li kienu jintqalu quddiem Mandy u l-familja tagħha.

4:31pm Semmiet ritratt tal-ewwel ta’ Mejju li kien ittella mis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri bit-titlu “Fit-3 ta’ Ġunju koalizzjoni sħiħa kontra Daphne Caruana Galizia”.

Semmiet ritratt ieħor ta’ Schembri fejn kien xerred filmat u fih qal li fil-jum tal-votazzjoni, persuni bħal Matthew Caruana Galizia u ommu jiġu eliminati. Mallia qalet li mix-xhieda tal-middleman Melvin Theuma ħareġ li l-assassinju kien diġà kkuntrattat.

4:28pm Neville Gafa tella’ ritratti ta’ Daphne Caruana Galizia u r-raġel tagħha man-neputija Amy meta din kienet għadha minuri. Spjegat li wara li l-Partit Laburista uża ritratt ta’ Daphne fuq billboard, l-abbuż żdied.

Mandy Mallia semmiet il-ħanut tal-kafè li kienet tiffrekwenta Daphne li kien imfittex mill-Pulizija. Mallia semmiet ukoll l-inċident tal-kelb f’Tas-Sliema meta kienu mġiegħla jgħidu isem Daphne Caruana Galizia.

4:26pm Mallia qalet fil-Qorti li Membri Parlamentari staqsew mistoqsijiet parlamentari dwar jekk ġurnalista kellhix protezzjoni tal-Pulizija jew jekk kienx hemm ‘fixed point’ fil-Bidnija. Mandy stqarret li Daphne kienet tiġi mżebilħa minn ministri tal-Gvern u uffiċjali.

4:24pm Mallia fakkret kif meta bintha Megan iddaħħlet l-isptar, hi kienet beżgħet ħafna li Daphne żżurha. “Staff mediku tal-isptar iċċelebra l-qtil ta’ oħti”.

4:22pm Mallia bdiet titkellem dwar il-blogg ta’ Glen Bedingfield li kien qed jiġi aġġornat waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju. “Sibt ruħi nispjega lil uliedi li l-Partit Laburista kien iqisha bħala l-għadu tagħhom”, spjegat lill-Bord meta kienet qed tirreferi għall-użu ta’ wiċċ Daphne fuq il-billboard tal-PL.

4:19pm Mandy Mallia ssemmi wkoll ‘Taste your own medicine’ u qalet li kienet tintuża biex Daphne u l-familja tagħha kienu jiġu attakkati. Irrakkuntat dwar il-vjaġġ f’Taormina ma’ missierha u bintha meta ritratt tagħhom deher fuq dan is-sit u ntqal li missier Daphne kellu familja oħra fi Sqallija. L-istess allegazzjonijiet kienu jiġu ripetuti minn Norman Hamilton.

4:18pm Spjegat li meta semgħet li nqatlet oħtha kienet ixxukjata iżda mhux sorpriża. Irrakkuntat kif meta kienet tisma splużjoni kienet tmur fuq il-blogg ta; Daphne biex tara kellhix x’taqsam.

4:13pm Oħtha qalet lill-Bord tal-Inkjesta li l-familja ilha tgħaddi minn torturi meta tpoġġi l-fjuri u x-xemgħat fuq il-mafkar. “Daphne qatt ma setgħet tinxtara, qatt ma setgħet tiġi msikkta, u għalhekk qatluha. Ma nista’ qatt inġib lil oħti lura, imma li nistgħu nagħmlu hu li nappellaw għall-verità u l-ġustizzja. Il-ġustizzja trid issir”, saħqet Helene.

4:15pm Oħta Daphne, Mandy Mallia, bdiet tixhed. Hija tkellmet dwar l-aħħar darba li ħadet lit-tfal tagħha għand Daphne.

Irrakkuntat kif qaltilha biex tieqaf tikteb għaliex ma kienx “worth it”. Hija qalet li huwa diffiċli li tgħid meta l-ħajja tkun fil-periklu iżda stqarret li probabli dak kien periklu.

4:11pm Asciak semmiet diversi artikli ta’ Caruana Galizia. Semmiet li r-rappreżentant ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa rrefera għas-sit ta’ Daphne Caruana Galizia bħala ‘hate blog’ f’risposta għal rapport dwar il-protezzjoni u sigurtà tal-ġurnalisti.

4:08pm B’vuċi miksura, Asciak kompliet tispjega minn xiex għaddiet oħtha, wara li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern. Saħqet li “huwa x-xogħol tal-ġurnalisti li jiskrutinizzaw lill-politiċi u mhux ix-xogħol tal-politiċi li jiskrutinizzaw lill-ġurnalisti”. Fakkret fiż-żmien meta l-Ministru Chris Cardona fetaħ il-libelli kontra Daphne. “Dak iż-żmien il-mowbajl tagħha ma kienx jieqaf idoqq”, żiedet tgħid.

4:06pm Asciak irreferiet għal Tste your own medicine, sit li kien tmexxa mis-Segretarju Ġenerali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti Alex Agius Saliba, u li issa huwa Membru Parlamentari Ewropew. Hija nnutat kif dan is-sit tneħħa u floku beda l-blogg ta’ Glenn Bedingfield. Bedingfield dak iż-żmien kien uffiċjal tal-komunikazzjoni fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

4:04pm Oħt Daphne, Helene Asciak, tibda tixhed. Asciak ikkwotat dak li għal ħafna huwa l-aħħar kliem ta’ Daphne Caruana Galizia: “There are crooks everywhere you look. The situation is desperate”. Żied tgħid li “għalija, l-aħħar kliem ta’ oħti kienu dawk li qalet hekk kif ħriġt mill-karozza tagħha, quddiem id-dar tiegħi, meta wasslitni fl-14 ta’ Ottubru 2017 filgħaxija. L-istess karozza li nqatlet fiha, inqas minn 48 siegħa wara”, stqarret Helene Asciak. Żiedet tgħid li minn dakinhar bdiet il-battalja biex issir ġustizzja ma’ Daphne.

4.02pm In-neputija ta’ Daphne qalet li darba meta kienet l-ajruport, raw lil Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru. Megan żiedet tgħid li l-assassinju ta’ zitha kien xokkanti imma mhux sorpriża. “Kuljum irridu naffaċċjaw il-propogranda tal-Gvern b’armati ta’ trolls” stqarret in-neputija tal-ġurnalista assassinata. “Kien hemm min qalli biex inħaffer ħofra ħdejn il-qabar tagħha u mmut ħdejha”, kompliet tgħid.

4.00pm Megan Mallia semmiet kif il-familja kienet fastidjata quddiem il-mafkar quddiem il-Qorti. Qalet li raġel kien ħadilhom ritratti u tellagħhom fuq Facebook bil-hashtags ‘name and shame’. Spjegat li r-raġel imbagħad qabad u tefa’ l-bukkett ta’ fjuri mal-art, hekk kif beda jeħodha ma’ missier Daphne, biex ineħħi r-ritratt ta’ bintu.

3.57pm Mallia kompliet tgħid li fil-kampanja elettorali kienet tiġi provokata ħafna fl-iskola. Darba minnhom, ftit jiem qabel l-assassinju, wieħed qal lil Megan: “Agħmilli pjaċir, mur staqsi lil zitek għala vvintat dawk l-istejjer kollha dwar il-Panama Papers.”. Megan qalet ukoll li hi weġbitu li zitha ma vvintatx stejjer.

3:53pm Megan Mallia, oħt Amy telgħet tixhed. Hija rrakkuntat kif fl-2011, meta kienet qed tipparteċipa fi protesta kontra r-reġim dittatorjali ta’ Ghaddafi, grupp ta’ attivisti segwewha.

Megan qalet lill-Bord ta’ Inkjesta li meta ttieħdet l-isptar, iz-zija tagħha ma żarithiex. Hija qalet li ma tiftakarx ir-raġuni għalfejn iżda qalet li kellha x’taqsam ma’ pazjenta oħra li kienet tinsab maġenbha.

Uffiċjali tal-Animal Welfare kienu waqqfu lil Megan u l-familja tagħha waqt li ħadu lill-kelb tagħhom għal mixja f’Tas-Sliema. L-uffiċjali staqsehom jekk il-kelb kienx iċċipjat. Hija qalet kif kellha diffilkultà issemmi isem Daphne u ma riditx twieġeb qabel ma kienet ċerta ma’ Daphne li l-kelb kien iċċipjat.

3.51pm Mallia qalet lill-Bord kif waħda fil-klassi tagħha kienet qaltilha li jkun aħjar kieku poġġewlha bomba taħt is-seat ukoll. Kompliet tgħid lill-Bord li rċeviet meme dwar zitha.

3.49pm In-neputija ta’ Daphne semmiet kif f’tieġ ta’ wieħed minn ulied Daphne, daħlu l-Pulizija. Amy Mallia qalet li aktar tard saret taf li marru biex ibaxxu l-mużika. Imma l-ewwel biża’ tagħha kienet li marru biex jarrestaw lil zitha. Kompliet tgħid li “Daphne kienet kontinwament attakkatha f’ħajjitha, kif ukoll wara l-assassinju”.

3.47pm Mallia tgħid li fil-kampanja elettorali tal-elezzjoni bikrija, il-Partit Laburista kien juża r-ritratti ta’ Daphne fuq il-billboards. Semmiet kif ġieli kienet tkun miexja l-belt u n-nies kienu jfesfsu f’widnejn xulxin, jgħidu li hi kienet it-tifla illeġittima ta’ Daphne. Qalet ukoll lill-Bord tal-Kummissjoni li Neville Gafà kien tella’ ritratti tagħha (meta kienet għadha minuri) ma’ Daphne fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook.

3.45pm Il-ġurnalisti jitħallew jidħlu lura fl-awla fejn kompliet tinstema x-xhieda fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Imiss tixhed Amy Mallia, in-neputija ta’ Daphne. Irrakkuntat kif kien hemm xnigħat foloz u kummenti ta’ mibegħda fil-konfront tal-familja tagħha. Żiedet tgħid li darba kienet fuq btala mal-familja u kien hemm għajdut li nannuha għandu familja klandestina fi Sqallija.

2.50pm Din l-inkjesta pubblika kienet twaqqfet mill-Prim Ministru Joseph Muscat fl-20 ta’ Settembru, lejlet Jum l-Indipendenza. Dakinhar il-persuni magħżula biex imexxu l-Bord ta’ Inkjesta kienu l-Imħallef Emeritu Michael Mallia bħala President tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika u bħala membri kienu ġew maħtura l-Professur Ian Refalo u Dr Anthony Abela Medici.

Fil-15 ta’ Novembru, kważi xahrejn wara, il-Gvern qal li kien laħaq qbil mal-familja Caruana Galizia biex jibdel iż-żewġ membri u flokhom ġew maħtura l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro bħala l-membri ġodda.

2:29pm Il-ġurnalisti ntalbu joħorġu mill-awla.

2:28pm “Fis-16 ta’ Ottubru 2017… binti nqatlet… b’karozza bomba” stqarr is-Sinjur Vella qabel ma nfaqa’ jibki.

2:25pm Missier Daphne qal li bintu kellha appoġġ f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Stqarr li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni wkoll kien wera appoġġ qabel l-elezzjoni bikrija. Żied jgħid li meta ħareġ ir-riżultat elettorali, ħafna bdew jiktbu fuq il-mezzi soċjali, li t-telfa hi tort ta’ bintu. Irrefera għall-Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista li fi kliemu kkritikaha b’mod inġust. Saħaq li l-awtoritajiet naqsu milli jassigurawlha s-sigurtà. Żied jgħid li fallew ukoll milli jieħdu azzjoni dwar l-istejjer li kienet toħroġ.

2:21pm Michael Vella, missier Daphne, jibda jixhed. Huwa ddeskriva lil bintu li kellha sens qawwi ta’ dover u dik li tfittex li tagmel dak li huwa tajjeb. Vella qal li r-reazzjonijiet għal dak li kienet tikteb bintu kienu sors ta’ inkwiet għalih u għal martu.

Is-Sinjur Vella tkellem dwar it-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo. Huwa rrakkonta kif il-livell ta’ theddid eskala wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers.

Huwa rrefera wkoll għal artiklu ieħor ippubblikat minn Daphne Caruana Galizia fejn dehru l-emails dwar SLAPP minn Henley and Partners kontra binthom.

2:19pm Viżibilment imbikkna, is-Sinjura Vella qalet li dik kienet l-aħħar darba li tara lil binta Daphne għaliex kważi 40 siegħa wara hija ġiet assassinata brutalment b’karozza bomba fil-BIdnija.

“Li kieku l-Gvern in vestiga l-korruzzjoni, Daphne għadha ħajja”, qalet is-SInjura Vella waqt li skużat ruħha li kienet kommossa.

2:16pm Meta omm Daphne sofriet attakk tal-qalb, uffiċjal mediku fl-isptar kien qal li probabbilment marbuta ma’ Daphne. “Kont dejjem ninkwieta meta kienet diġà tarana u titlaq waħedha tard bil-lejl”, żiedet tgħid Vella. Qalet li kienet tinkwieta li jattakkawha. Tiftakar kif darba minnhom Daphne kienet tidher imħassba ħafna aktar mis-soltu, u qaltilha li se tmur lura bir-rigal ta’ għeluq sninha.

2:14pm Omm Daphne Caruana Galizia, Rose Vella, tibda tagħti x-xhieda tagħha.

“Meta kont l-isptar Mater Dei, Daphne ġiet iżżurni tard filgħaxija”, qalet is-Sinjura Vella. Hija rrakkuntat li karozza kienet ibblokjat it-triq biex Daphne ddur kontra. Ir-raġel kompla billi għamel rapport mal-Pulizija billi qal li hu u l-mara tiegħu li kienet tqila kienu attakkati minn Daphne Caruana Galizia.

Darb’oħra, Daphne kienet f’ħanut tal-kafè fin-Naxxar. Ir-ritratt tagħha deher fuq blogg ta’ Glenn Bedingfield. Wara dakinhar, s-sidien qalu lil Daphne Caruana Galizia li l-ħanut ġie mfittex mill-Pulizija.

2:09pm Il-Bord ta’ Inkjesta aċċetta din it-talba tal-avukati u ordnaw li x-xhieda tingħata fil-magħluq filwaqt li żiedu jgħidu li l-isem tax-xhud m’għandux jiġi ppubblikat jew b’xi mod identifikat.

2.02pm L-Avukata Therese Comodini Cachia qalet li persuna fil-midja kellmet lill-avukati biex tixhed fl-inkjesta pubblika. Comodini Cachia staqsiet biex ix-xhieda tiegħu tinstema fil-magħluq. L-avukata qalet li l-informazzjoni li se tingħata għadha ma pietx fid-dominju pubbliku filwaqt li żiedet tgħid li din l-informazzjoni tista’ tagħti direzzjoni lill-Board ta’ Inkjesta.

Aktar kmieni

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar l-inkjesta pubblika f’Settembru li għadda wara xhur ta’ kritika. Dan minħabba li kien jgħid li ma kinitx bżonnjuża. Wara li kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-membri tal-Kummissjoni tal-Inkjesta Pubblika, f’Novembru ntlaħaq ftehim mal-familja tal-ġurnalista.

X’intqal fl-aħħar seduta?

X’qal Matthew Caruana Galizia?

  • Fl-aħħar sentejn, uffiċjali tal-Gvern qalu li jien ħdimt biex noqtol lil ommi
  • Ommi kienet tiġi ffastidjata anke mill-Pulizija
  • L-agħar theddida kienet meta Chris Cardona ffriżalha l-kontijiet tal-bank
  • Il-kelb tal-familja miet ftit wara l-assassinju ta’ ommi
  • Darba kienet qaltilhom: “Qed inħossni bħallikieku qed jixwuni ħajja”

X’qal Peter Caruana Galizia?

  • Iltqajt magħha fl-1984 meta kienet qed taffaċċja proċedimenti fil-Qorti
  • Daphne spiċċat lanqas tmur il-baħar għax kienu jispiċċaw jeħdulha r-ritratti u jinsulentawha
  • Bdiet tinnota li kien hemm pulizija li bdew jgħaddu informazzjoni dwarha lil Glen Bedingfield, li dak iż-żmien kellu blogg.
  • Darba tefgħulha manetti fil-kaxxa tal-ittri
  • Il-Gvern qatt ma ħareġ dikjarazzjonijiet pubbliċi biex iwaqqaf il-mibegħda fil-konfront tagħha