Schulz u Tusk: Politika fit-tul dwar l-immigrazzjoni mis-Summit ta’ Malta

Is-Summit ta’ Malta għandu jwassal għall-politika fit-tul u azzjoni konkreta bejn Pajjiżi Ewropej u dawk Afrikani dwar l-immigrazzjoni
Hekk qalu l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz hekk kif iktar kmieni huma ndirizzaw lill-Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Malta. Dan hekk kif huma jinsabu Malta fl-okkażjoni tas-Summit li fil-jiem li ġejjin se jlaqqa’ lill-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u ta’ diversi pajjiżi Afrikani dwar l-Immigrazzjoni.
Iż-żewġ mexxejja Ewropej tennew l-apprezzament tagħhom għall-opportunità biex jindirizzaw lill-Parlament Malti – Schulz għall-fatt li hu l-ewwel politiku Ewropew li qed jindirizza lill-assemblea u Tusk għaliex dan hu l-ewwel Parlament ta’ Stat Membru li huwa ndirizza bħala President tal-Kunsill Ewropew.
Tusk qal li s-Summit ta’ Malta se jkompli jibni fuq l-isforzi li saru sa llum fosthom tul is-summits bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana. Huwa awgura li s-summit ikun jirrappreżenta pass il-quddiem fil-ħidma flimkien bejn Pajjiżi Ewropej u dawk Afrikani u saħaq li dan għandu jkun summit ta’ azzjoni. Awspika ħidma flimkien li tista’ twassal per eżempju biex uffiċjali Afrikani jgħinu lill-pajjiżi Ewropej jidentifikaw lil dawk li jarmu l-passaporti biex ma jiġux identifikati. Saħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ iktar ħidma fuq ir-ripatriazzjoni ta’ immigranti li mhumiex eliġibbli għal status ta’ refuġjati jew umanitarju. Awspika li l-pajjiżi Afrikani jieħdu ħsieb il-fruntieri tagħhom waqt li l-pajjiżi Ewropej, flimkien, jiddefendu il-fruntieri Ewropej. Huwa spjega li l-UE trid tgħin iżjed lill-pajjiżi Afrikani biex jibnu l-kapaċitajiet tagħhom u fisser li l-UE se tkun qed toffri €1.8 biljun f’assistenza kemm biex jikkumbattu l-immigrazzjoni kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku.
Schulz sejjaħ biex is-Summit ta’ Malta jwassal għall-politika fit-tul biex tkun indirizzata l-kwistjoni tal-Immigrazzjoni. Huwa qal li l-istrateġija Ewropea qatt ma tista’ tkun msejsa biss fuq il-ġlieda mat-traffikanti iżda fuq sforzi fil-pajjiżi tat-tluq biex jintemmu l-gwerer, il-persekuzzjoni u l-kawżi l-oħra li qed iwasslu biex l-immigranti jitilqu minn pajjiżhom. Fost l-oħrajn huwa sejjaħ għal iktar investiment fil-pajjiżi tat-tluq.
"Ma nistgħux nibqgħu nraqqu b’miżuri temporanji iżda neħtieġu politika komprensiva flimkien mas-sieħba Afrikani", huwa qal.
Huwa fakkar li minkejja li fl-aħħar xhur iktar ingħatat attenzjoni lir-rotta migratorja li tgħaddi mill-Balkani, ir-rotta tal-Mediterran għandha l-iktar waħda li wasslet għall-imwiet. Waqt li ddeskriva lil Malta bħala eżempju tad-dmir morali li tgħin lill-immigranti huwa fisser li baqa’ impressjonat bil-ġenerożità murija mill-poplu Malti lejn l-immigranti.
Huwa sostna li l-problema tal-immigrazzjoni mhix problema tal-Ġermanja, l-Greċja jew l-Ungerija iżda problema Ewropea. Għalhekk l-UE ma tistax tippermetti li tinqasam fil-mod kif tindirizza din il-kwistjoni. Huwa qal li ma għandiex tkun problema li miljun immigrant jinqasmu f’kontinent ta’ 570 miljun u sejjaħ biex il-pajjiżi Ewropej tassew jaħdmu flimkien biex isalvaw il-ħajjiet waqt li jtennu l-valuri Ewropej.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-Summit ta’ Malta mhux se joffri l-aħħar kelma għall-problema tal-immigrazzjoni iżda għandu jservi ta’ pass importanti biex iż-żewġ kontinenti jitkellmu bejniethom dwar din il-problema komuni u jaħdmu flimkien biex jindirizzawha. Huwa ddeskriva it-tnedija f’Malta tal-EU Emergency Trust Fund għall-immigrazzjoni bħala pass sinifikanti l-quddiem f’dan ir-rigward.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li jkun żball jekk l-UE tinjora t-tħassib taċ-ċittadini Ewropej dwar l-immigrazzjoni għaliex dan jwassal biex iktar nies iduru lejn l-ilħna razzisti u xenofobiċi. Huwa fakkar li Malta għal snin twal kienet injorata fl-appelli tagħha dwar in-numru kbir ta' immigranti li kienu qed jaslu fuq xtutha. dan hekk kif pajjiżi Ewropej qiesu l-problema tal-immigrazzjoni fil-Mediterran bħala waħda li mhix problema tagħhom. Huwa ddeksriva l-kwistjoni tal-kjuwijiet kbar ta’ immigrant mis-Sirja bħala opportunità biex l-Ewropa tgħeleb din il-kwistjoni flimkien u mhux tħalli lill-pajjiżi differenti jiffaċċjawha waħidhom kif għamlet għal snin twal.