Filmat: Isiru 22,000 telefonata lil Malta Enterprise dwar il-miżuri ta’ sapport

COVID19 Economic Support Measures Update

COVID19 Economic Support Measures Update

Posted by MaltaGov on Friday, April 24, 2020

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri se ta dettalji dwar il-miżuri ta’ sapport ekonomiku b’rabta mal-coronavirus.

Qal li Malta Enterprise kellha ‘l fuq minn 22,000 telefonata u aktar minn 25,000 domandi permezz ta’ email u media soċjali. Qal li l-poplu inġenerali qed jifhem aktar il-miżuri li hemm fis-seħħ u qed tonqos id-domanda għall-informazzjoni.

Hu tkellem dwar l-iskema tat-teleworking fejn Malta Enterprise irċeviet 330 applikazzjoni. S’issa ma ġewx aċċettati 17-il applikazzjoni.

1,486 persuna applikaw għall-leave tal-kwarantina. Minnhom fadal pendenti 485 applikazzjoni biex jiġu pproċessati. Qal li s’issa diġà ġew koperti 1,098 impjegat jew ġew proċessati jew tħallsu.

Fejn jidħlu l-applikazzjonijiet tal-wage suppliment, Schembri qal li s’issa daħlu total ta’ 18,204 applikazzjoni.

Hu rrefera wkoll għall full wage supplement, jiġifieri ta’ €800 għal persuni li jaħdmu full time u €500 għal persuni li jaħdmu part time. Qal li s’issa, Malta Enterprise ħallset mal-€10,487,865 wara li pproċessat eluf ta’ applikazzjonijiet.

Hu tkellem ukoll dwar il-partial wage supplement li huwa l-ħlas li qed jingħata lill-ħaddiema li jaqgħu fl-industriji taħt Annex B. Qal li s’issa rċever total ta’ 2,627 applikazzjoni. Minnhom ġew proċessati 1,129. L-ispiża s’issa telgħet għal €480,296.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, qal li s’issa qed jidħlu medja ta’ 200 applikazzjoni kuljum.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Schembri sostna li kemm il-Gvern u kemm hu bħala persuna ma jistax li l-problemi jintefgħu taħt it-tapit. Sostna li jekk verament iħobbu l-Air Malta, il-linja nazzjonali tal-pajjiż, kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed biex wieħed jasal u din issalva.

Hu u jwieġeb lill-ġurnalisti, Schembri spjega li saret diskussjoni mal-unjins kollha rappreżentanti tal-ħaddiema tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Qal li kienu dawk tal-ekwipaġġ u tal-piloti, u kienu marru kontra dak li kienet talbet l-Air Malta, jiġifieri li l-ħaddiema jaqgħu fuq paga minima fil-perjodu fejn mhux qed jaħdmu għax m’hemmx xogħol. Schembri spjega li bħalissa, il-kumpanija qed tiddiskuti mal-unjins rappreżentanti tal-membri tal-ekwipaġġ u tal-bdoti dwar is-social wage, iżda wkoll ftehim dwar way forward għall-kumpanija. Schembri sostna li l-kumpanija ma tridx ftehim ta’ malajr, iżda wieħed li jħares il-futur kemm tal-ħaddiem kif ukoll tal-kumpanija.

Mistoqsi dwar il-proposta tal-Oppożizzjoni dwar vouchers ta’ €50 malli jerġgħu jiftħu r-restoranti. Qal li bħalissa hu jinsab iffukat fuq kif se jkun hemm restart għall-ekonomija. Qal li tkellmu mal-korpi kostitwiti u rappreżentanti tal-entitajiet fejn dawn qed jgħaddu proposti tagħhom dwar x’jista’ jsir meta wieħed jerġa’ jiftaħ il-ħwienet. Qal li l-Gvern mhux qed iħares fuq sitwazzjoni fejn l-għajnuna tieqaf malli l-ħwienet jiftħu. Qal li l-Gvern irid ikompli jgħin, imma jrid li kemm jista’ jkun jgħin lin-negozju jerġa’ jqum b’mod f’saħħtu.

Mistoqsi dwar is-survey tal-Kamra tal-SMEs 17% tan-negozji jaf ikollhom jagħlqu, Schembri qal li dan ifisser li l-għajnuna tal-Gvern kienet ta’ għajnuna għal aktar minn 80%. Qal li issa se jkunu qed iħarsu lejn strateġija ta’ ħruġ tas-sitwazzjoni. Qal li l-prijorità issa m’għandhiex biex il-Gvern jgħin lin-negozji jgħaddu mill-burraxka, imma issa qed jaħsbu dwar miżuri biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jgħinu lin-negozji jirpiljaw malli jerġgħu jiftħu. Qal li dawn jiġu mħabbra malli s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika tħabbar li n-negozji jerġgħu jibdew jiftħu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn