Filmat: Il-wage supplement tal-gvern estiż għal Mejju u Ġunju – Schembri

Read in English.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ħabbar li l-wage supplement scheme li qed tingħata sabiex jiġu salvati kemm jista’ jkun impjiegi, se tibqa’ tingħata f’Mejju u f’Ġunju.

Schembri kien qed jindirizza din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia. Flimkien taw l-aħħar dettalji dwar il-miżuri ta’ sapport ekonomiku li qed joffri l-Gvern minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Schembri qal li l-ammont ta’ telefonati, minkejja li baqgħu jiżdiedu, l-ammont ta’ telefonati ġodda u mistoqsijiet ġodda qed jonqos. Qal li din il-ġimgħa, l-Malta Enterprise wieġbed aktar minn 50,000 mistoqsija permezz tac-channels differenti tagħhom.

Schembri tkellem dwar l-iskema tal-kumpaniji li investew fit-teleworking. Qal li s’issa waslu total ta’ 428 applikazzjoni, minnhom għad hemm 274 pendenti li qed jistennew li jiġu pproċessati.

Dwar il-leave tal-kwarantina, il-Gvern irċieva total ta’ 1,553 applikazzjoni b’kollox, minnhom għad hemm biss 363 pendenti.

Schembri qal li fejn jidħol il-wage supplement scheme, minn din il-ġimgħa kien hemm żieda ta’ 5,000 impjegat ieħor li se jibdew jibbenefikaw minn din l-iskema. Hu semma li fejn jidħlu kumpaniji li jaqgħu taħt Annex A, żdiedu 600 applikazzjoni oħra. Qal li s’issa hemm madwar 10,000 applikazzjoni li ġew approvati taħt Annex A. Annex A jfisser li l-kumpanija kellha kompletament tagħlaq l-operat tagħha. Dan ifisser li ħaddiema full-time li jaqgħu taħt din il-lista ta’ industriji, jistgħu jirċievu €800 fix-xahar. Dawk part-time jirċievu €500 fix-xahar.

Fejn jidħol Annex B, Schembri qal li kien hemm żieda ta’ €15-il miljun f’pagamenti. Qal li issa aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar se tiżdied l-ispiża.

Schembri qal li lbieraħ kien hemm laqgħa mal-MCESD fejn tkellmu dwar il-problemi li wkoll jaf ifeġġu wara li l-pandemija tgħaddi. Qal li l-Ministeru jinsab f’diskussjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa u dalwaqt se jibdew iħabbru liema industriji jistgħu jiftħu. Qal li l-industriji se jinfetħu waħda waħda, skont kif jirrakkomandaw l-awtoritajiet tas-saħħa.

Schembri sostna li ma jfissirx li għax wieħed jiftaħ negozju, ma jfissirx li d-dħul se jkun l-istess kif kien qabel. Qal li għalhekk, l-għajnuna se tibqa’ tingħata. Qal li l-wage supplement se jiġi estiż għal xahrejn oħra, jiġifieri Mejju u Ġunju. Qal li dawk li applikaw diġà mhux se jkollhom bżonn jerġgħu japplikaw.

Intant, Schembri qal li hawn fabbriki li qed ifittxu li jkabbru l-operat tagħhom u li qed ifittxu l-impjegati. Qal li l-għan tal-Gvern huwa li jaħdem sabiex fejn hemm negozji li ġew impattati b’mod negattiv, oħrajn jintlaqtu b’mod pożittiv biex ipattu għall-oħrajn.

Min-naħa tiegħu, Farrugia qal li dawk li se jkunu applikaw sal-lum għall-iskema tal-wage supplement, jiġifieri madwar 19,000 se jibbenefikaw minn ta’ Marzu u April. Dawk li japplikaw minn għada, se jibdew jibbenefikaw għall-wage supplement minn Mejju u Ġunju.

Farrugia qal li hemm kważi 9,000 negozju f’Malta li qed jirċievu l-ħlasijiet mill-Malta Enterprise. Qal li hemm mal-2,000 kumpanija oħra li għandhom e-mail fl-inbox tagħhom biex jivverifikaw xi informazzjoni sabiex l-applikazzjoni tagħhom tiġi proċessata.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsi dwar il-push-back, il-Ministru Schembri qal li huma qatt ma ddeċidew fuq dik il-linja, iżda fuq fejn għandhom jiġu investiti r-riżorsi tal-pajjiż. Qal li l-ġlieda tal-pandemija s’issa kienet suċċess għax kulħadd ġibed ħabel wieħed. Qal li minkejja li dejjem imxew mal-obbligi internazzjonali, f’dan il-mument partikolari hemm bżonn li r-riżorsi tal-pajjiż tkun iddedikata biex tiġġieled il-pandemija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn