Filmat: Mhux se nnissel il-biża’ u nsakkar nies id-dar – Abela

Aġġornat 01:39 PM
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela jwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela jwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies

Posted by Robert Abela on Sunday, October 11, 2020

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern m’għandux intenzjoni li jħabbar stat ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika biex ma jdaħħalx il-biża’ fil-pajjiż. Huwa qal li mhux se jsakkar in-nies id-dar u jaqta’ qalb in-negozji.

Meta kien qed jitkellem f’attività politika f’Ħal Balzan, Abela qal li l-poplu jrid jidra’ jgħix f’din il-normalità ġdida iżda fl-istess ħin se jimxi mad-direzzjoni li tingħata mis-Superintendenza tas-Saħħa Pubblika waqt li se jiżdied l-infurzar.

“X’inhi t-triq ’il quddiem? Li nagħlqu l-ajruport? Ir-risposta hija le, imma li jkollna vvjaġġar sikur. Dan nistgħu nagħmluh kif qed nagħmluh illum, b’sistema fejn naraw li kemm jista’ jkun ma jkollniex wasliet ta’ nies li jkun infettati. Id-direzzjoni fil-jiem li ġejjin hi li jkomplu jiżdiedu t-testijiet, ikollna sistema ta’ rapid testing, li naraw li dawk il-pajjiżi ta’ aktar sogru jkunu kif diġà huma obbligati bil-liġi llum li jkollhom test magħhom sa 72 siegħa qabel li juri li huma negattivi. Dan huwa l-mod li rridu nħarsu ’l quddiem,” spjega Abela.

Huwa qal li minkejja li l-previżjoni kienet li waqt il-pandemija, kien se jkun hemm 50,000 persuna li jitilfu xogħlhom, ġara bil-kontra li ġimgħa wara l-oħra, il-qagħad baqa’ nieżel.

Kull ġurnata li għaddiet minn Marzu ‘l hawn kienet ġurnata mitlufa

Abela qal kull ġurnata li għaddiet minn meta ngħalqu l-iskejjel minn Marzu ‘l hawn kienu ġranet mitlufa li qatt hu se jerġgħu jinkisbu lura. Għalhekk hu kruċjali li l-ġenituri li mhux qed jibgħatu t-tfal tagħhom l-iskola jegħlbu l-biża’ tagħhom għal kull ġurnata li tgħaddi hi waħda mitlufa.

Dan mhux Gvern mifni bil-korruzzjoni…qlibna l-governanza ta’ taħt fuq

Abela qal li fil-baġit li se jkun ippreżentat il-ġimgħa d-dieħla se toħroġ ir-ruħ soċjali tal-Partit Laburista u li fih iż-żgħir u l-batut se jkunu mwieżna.

“Din il-garanzija se tingħata fid-19 ta’ Ottubru, bħal għada ġimgħa, meta se nħabbru l-baġit li waħda mit-temi ewlenin tiegħu hija l-ħarsien ta’ min jista’ l-inqas fis-soċjetà tagħna. Dak huwa dak li jiddefinixxi l-politika ta’ dan il-Gvern. Fl-istess waqt naħdmu man-negozji, naraw li l-ġid jinħoloq fuq u jgawdu t’isfel ukoll. Dawn huma prinċipji li meta tibdilhom f’realtà, ikollok politika sana ta’ ħafna ġid għall-pajjiż,” stqarr Abela.

Huwa nsista li hu rreżista kull tip ta’ stqarrija li dan hu Gvern mifni bil-korruzjoni tant hu hekk li minn Jannar ‘l hawn inqalbet l-infrastrutta tal-Governanza u li din giet approvat mill-Kummissjoni Venezja.

Gvern Laburista maqtugħ mir-realtajiet tan-nies – PN

Il-Partit Nazzjonalista sosta li fid-diskors tiegħu tal-lum, Robert Abela reġa’ wera li jinsab maqtugħ mir-realtajiet tan-nies. Sostna li l-Gvern Laburista mhux jindirizza bis-serjetà t-tħassib tas-self employed, il-ħaddiema u l-familji tagħhom f’dan iż-żmien diffiċli. “Abela mhux jifhem li t-tbatijiet u d-diffikultajiet li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-familji ma jiġux solvuti bil-PR stunts,” insista l-PN.

Irrimarka li dan it-tħassib issa qed jiġi rifless f’diversi saffi tas-soċjeta, minħabba li dan it-tħassib mhux jiġi indirizzat speċjalment matul dawn l-aħħar ġranet fost l-anzjani, l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri tagħhom.