Filmati u ritratti: Robert Abela jsir Prim Ministru

Aġġornat 07:14 AM
Miguela Xuereb

Dr Robert Abela t-Tnejn waranofsinhar ħa l-ġurament bħala l-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta.

Huwa wasal fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta ftit wara t-3pm flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela u binthom Georgia Mae. Huma ntlaqgħu minn folla nies, li għadd minnhom ħadu l-opportunità li jeħdulu b’idejh u jieħdu ritratti miegħu. F’kumment lil TVM, Dr Abela stqarr li kien jinsab emozzjonat ħafna.

Daħlu mbagħad fil-Palazz tal-President u bdew triqithom għas-Sala tal-Ambaxxaturi fejn se ssir il-propja ċerimonja tal-ħatra ta’ Prim Ministru. Nicole Borg LIVE mill-Belt Valletta:

LIVE: Robert Abela jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala l-PM il-ġdid ta' MaltaSegwi hawn: http://bit.ly/35NBJDa

Posted by Newsbook.com.mt on Monday, January 13, 2020

Preżenti hemm il-ġenituri ta’ Robert Abela, il-President Emeritu George Abela u s-Sinjura Abela u diversi Membri Parlamentari fost l-oħrajn Silvio Schembri, Julia Farrugia Portelli, Joe Mizzi, Ian Borg, Chris Cardona, Byron Camilleri, Evarist Bartolo, Deo Debattista, Prof. Edward Scicluna, Michael Farrugia, Carmelo Abela, Roderick Galdes u Clifton Grima.

Il-midja ma titħalliex tidħol

Għall-ewwel darba fl-istorja riċenti tal-pajjiż, ħadd mill-midja ħlief ix-xandir pubbliku, ma tħallew jidħlu fis-Sala tal-Ambaxxaturi biex isegwu l-ġurament tal-ħatra tal-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta. B’hekk il-midja kollha qed issegwi ċ-ċerimonja minn skrin. Skont it-Times of Malta, dan qed isir minħabba x-xogħlijiet ta’ restawr tal-Palazz tal-President.

Jintlaqa’ mill-President tal-PL Daniel Micallef

Dr Robert Abela ntlaqa’ mill-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef. Hemm preżenti wkoll Nigel Vella, li kien fl-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru.

Preżenti għaċ-ċerimonja hemm l-Avukat tal-Istat li nħatret fl-aħħar ġimgħat, Dr Victoria Buttigieg. Mal-wasla tagħhom, Joseph Muscat u Michelle Muscat intlaqgħu minn ċapċip minn dawk preżenti.

Robert Abela ħa żewġ ġuramenti, dak ta’ Prim Ministru ta’ Malta u ieħor għal-lealtà lejn il-Kostituzzjoni.

Filmati: Nicole Borg

Ftit tal-minuti wara, Robert Abela ħareġ fil-gallarija tal-Palazz isellem lill-folla miġbura fi Pjazza San Ġorġ.

Filmat: Nicole Borg

Xi jwieġeb Robert Abela dwar Chris Fearne?

Hu u ħiereġ mill-Palazz tal-President, il-Prim Ministru l-ġdid qal li jinsab emozzjonat u preparat biex jaħdem. Mistoqsi dwar il-prijoritajiet u l-kabinett tiegħu, huwa wieġeb li dawn huma deċiżjonijiet li se jħabbar aktar ‘il quddiem.

Dwar jekk hux qed jistenna r-riżenja ta’ Chris Fearne minn Deputat Prim Ministru, Dr Robert Abela wieġeb “assolutament le”. Żied jgħid li tkellem ma’ Fearne ftit tal-ħin ilu u se jerġgħu jitkellmu aktar tard illum. Dwar in-nuqqas ta’ preżenza ta’ Chris Fearne waqt iċ-ċerimonja tal-ħatra, Robert Abela wieġeb “tistaqsihiex lili”.

Il-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta mbagħad mexa lejn il-Berġa ta’ Kastilja.

Robert Abela se jkun it-8 Prim Ministru ta’ Malta Indipendenti.