Filmat: Abela b’tama li l-vaċċin ikun f’Malta f’Diċembru jew Jannar

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tkellem dwar il-pandemija f’Malta fejn wera t-tama tiegħu li bejn Jannar u Diċembru l-vaċċin jasal fil-pajjiż. Sostna li fi żmien qasir, il-pajjiż se jkun b’saħħtu biżżejjed biex jerġa’ jibda t-triq għan-normalità.

Hu qal dan waqt id-diskors tiegħu tal-lum waqt attività politika li saret fiċ-Ċentru Laburista dalgħodu.  Abela sostna li l-Gvern ħadem biex Malta tkun wieħed mill-ewwel pajjiżi li jirċievu l-vaċċin. Sostna li l-vaċċin issa huwa viċin ħafna u b’hekk importanti li kulħadd jobdi r-regolamenti u l-miżuri li hemm fis-seħħ matul iż-żmien li ġej biex “ma nkissrux dak kollu li ħdimna għalih fl-aħħar ftit żmien.”

Abela rrimarka kif għada hu u l-Ministru Chris Fearne se jkunu qed iżuru l-isptar biex jaraw li l-faċilitajiet mediċi huma tal-aqwa livell u li l-pazjenti qed jingħataw l-aqwa kura. Filwaqt li għamel paraguni ma’ pajjiżi bħal Franza u l-Italja fejn is-sistemi tas-saħħa jinsabu eżawriti mill-ġdid, Abela qal li f’Malta hawn faċilitajiet mediċi li qed ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li r-realtà ta’ pajjiżi oħrajn qalb din il-pandemija hija aktar diffiċli u stretta. Irrimarka li pajjiżi oħrajn, il-piż tad-dejn qed jgħaffiġhom u għexieren ta’ persuni qed jitilfu xogħolhom mingħajr opportunità li jirċievu l-għajnuna biex ma jaqgħux fil-faqar. Sostna li f’Malta, minkejja l-ispejjeż li qed iġġib magħha l-pandemija, il-Gvern baqa’ jgħin anke permezz ta’ miżuri ulterjuri li qed jikkoreġu l-inġutizzji tal-passat. Insista li dan għax jemmnu li l-ewwel xogħol tal-Gvern huwa li tinbidel il-ħajja tan-nies. Irrimarka li l-gvern irid jibqa’ sensittiv għall-problemi u d-diffikultajiet tan-nies.

“Wara kull mewt hemm persuna”

Abela rrimarka li hu jiddispjaċih għal kull mewt li kien hawn fil-pajjiż, Sostna li wara kull mewt hemm persuna li kellha familja, irrispettivament jekk kellhomx kundizzjonijiet ulterjuri u kemm kellhom żmien. S’issa, b’kollox il-pajjiż tilef 111-il persuna kawża ta’ din il-marda qerrieda li qed taffettwa lid-dinja kollha.

Hu appella għas-sens ta’ solidarjetà. Sostna li ħadd ma għandu jaħseb biss fih inniffsu, iżda fil-kuntest tal-pandemija, jpoġġi l-ewwel u qabel kollox lill-persuni vulnerabbli.

“Tmien persuni jsibu xogħol kuljum”

Fid-diskors tiegħu, Abela sostna li ta’ kuljum, medja ta’ tmien persuni qed isibu xogħol. Qal li minkejja l-pandemija u t-telf ta’ impjiegi fl-aħħar ġimgħat, Malta baqgħet bl-inqas rata ta’ qgħad għal dawn l-aħħar ħames xhur konsekuttivi. Insista li dan kollu minħabba li investew fin-nies u fin-negozji tagħhom.

Irrakkonta kif din il-ġimgħa attenda għal inawgurazzjoni ta’ negozju żgħir. Sostna li dan in-negozu nfetaħ qalb pandemija, u permezz tiegħu qed isir investiment għall-10 snin li ġejjin.

“Il-ħidma tkompli bl-aktar Kabinett żagħżugħ fl-istorja tal-pajjiż”

Abela rrimarka li għada se tkun qed tkompli l-ħidma b’dak li hu l-aktar Kabinett żagħżugħ fl-istorja tal-pajjiż. Hu qal dan fid-dawl tar-reshuffle li sar ilbieraħ. Spjega li dan huwa wkoll l-aktar Kabinett femminili, bi tliet Ministri u Segretarju Parlamentari li huma nisa. Qal ukoll li huwa l-aktar Kabinett Għawdxi, bi tliet Ministri Għawdxin. Insista li dan huwa Kabinett ta’ stoffa.