“Irrid nagħlaq il-ferita li ġab l-assassinju ta’ Daphne” – Abela

Robert-Abela
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li hu jrid li l-inkjesta pubblika żżomm mat-termini taż-żmien biex bħala Prim Ministru jibda jagħlaq il-ferita li ħalla l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Meta kien qed jitkellem f’attività politika mill-Innovation Hub fix-Xewkija, Abela qal li bħala Prim Ministru se jipproteġi x-xogħol tal-Inkjesta Pubblika.

“Jien għandi x-xewqa li naslu għall-konklużjonijiet tal-inkjesta. Nimxu skont ir-rakkomandazzjonijiet. Dan l-episodju ġab miegħu ferita, l-ewwel fuq il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, ferita fuq is-soċjetà tagħna u fuq il-pajjiż b’mod ġenerali. Kull wieħed u waħda minna għandu d-dover li nibdew nagħlqu l-ferita,” stqarr Abela.

“Jien m’għandi l-ebda interess li nwaqqaf ix-xogħol tal-inkjesta. Jekk xejn dan kien ċertifikat għalija, li l-uniku wieħed li qatt ma ssemmejt b’xejn. Jien se nipproteġi l-inkjesta,” insista Abela.

Madanakollu, sa ftit ġimgħat ilu, Abela kien ikkwotat jgħid li l-inkjesta pubblika, li xogħolha hu li tiddetermina jekk l-istat għamilx kulma seta’ biex jipprevjeni l-assassinju, kellha tiġi konkluża sal-15 ta’ Diċembru. Il-Bord tal-Inkjesta kien ħareġ digriet jgħid li l-inkjesta se taqbeż iż-żmien stipulat.

Il-Gvern imbagħad kien ħareġ stqarrija li fiha wissa lill-Bord u qallu li għandu jerfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjoni tiegħu.

Iżda llum, il-Prim Ministru Abela qal li kien fid-dover tiegħu li jipproteġi l-inkjesta pubblika minn dawk li fi kliemu qed jippruvaw jimminawha.

Huwa rrefera għall-istorja ta’ The Sunday Times of Malta mingħajr ma għamel l-ebda referenza għas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, li skont ir-rapport għamlitha ta’ sensara f’konvenju biex Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne, jixtri dar fl-Imdina għal €3.1 miljun f’Mejju 2019.

B’reazzjoni dwar dan, il-Partit Nazzjonalista qal li fl-ewwel ċans li kellu wara li ġie żvelat kif is-Segretarju Parlamentari Cutajar ħadet flus ta’ senserija, Robert Abela għażel li jibqa’ sieket. Il-PN saħaq li bis-skiet tiegħu Robert Abela qed ikompli jikkonferma li għalih kollox jgħaddi. “Din hi l-impunità li ilha tirrenja fil-Gvern Laburista u li kompliet taħt it tmexxija tiegħu”, żied jgħid il-PN.

“L-għada tal-Milied: Triq lura għan-normalità”

Il-Prim Ministru qal li l-għada tal-Milied, il-pajjiż jibda t-triq lura għan-normalità. Stqarr li Malta tinsab l-aqwa fl-Ewropa fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19.

“Żammejna l-pajjiż protett minn kull aspett,” stqarr Abela. “Kienu għamilna lockdown f’Marzu, ma konniex inkunu f’din il-pożizzjoni, l-aqwa fl-Ewropa,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Huwa qal li issa li l-każijiet tal-Covid-19 f’Malta naqsu, l-istrateġija tal-Gvern irnexxiet minkejja l-kritika tal-Oppożizzjoni li konna nispiċċaw l-agħar fl-Ewropa. 

“L-Oppożizzjoni kkritikat biss. Nilħqu nlaqqmu l-popolazzjoni kolha u l-action team tal-PN ikun għadu qed jiddiskuti,” insista Abela.

“Kelma waħda biss tisma’ madwar l-Ewropa – lockdown. F’Malta minkejja r-restrizzjonijiet raġonevoli, qed ngħixu f’normalità. Dan hu s-suċċess tal-poplu. Rata ta’ infezzjoni li ħarbet ma’ kull pajjiż iżda f’Malta tonqos ir-rata. Il-ġuħ qed jerfa’ rasu kullimkien iżda f’Malta żammejna l-impjiegi,” kompla jgħid il-Mexxej Laburista.

“Bidla vera fil-Gvern”

Dr Abela faħħar il-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru f’Jannar li għadda u l-bidliet fil-Gvern wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru. Huwa sejjaħ dawn il-bidliet bħala “bidla reali”. Saħaq li ma kienx hemm dellijiet fuq l-amministrazzjoni preżenti.

Stqarr li minkejja d-diffikultajiet li ġabet magħha l-pandemija, il-Gvern irnexxielu jagħmel ħafna bidliet, li fi kliem Abela, jikkumparaw ma’ dawk li ġeneralment isiru f’ħames snin.