Filmat: Għada Fearne jħabbar il-pjan tat-tqassim tal-vaċċin – Abela

Diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela f'Marsaxlokk

Diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela f'Marsaxlokk

Posted by Partit Laburista on Sunday, December 6, 2020

Read in English.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li għada, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne se jkun qed iħabbar il-pjan dwar kif se jitqassam il-vaċċin. Qal li dan il-pjan se jkun qed jinħareġ waqt is-seduta tal-Parlament ta’ għada.

Hu qal dan waqt li kien qed jindirizza attività politika dalgħodu f’Marsaxlokk.

Filwaqt li rringrazzja lil Fearne u lill-professjonisti tas-saħħa fil-pajjiż, Abela qal li l-istrateġija ta’ kif se jitlaqqmu n-nies ilha lesta u għada se tkunu qed titħabbar. Qal li din l-istrateġija kienet imfassla mal-aqwa esperti mediċi fil-pajjiż. Spjega li xahar ieħor se jibda t-tilqim tan-nies, il-bidu tat-triq għan-normalità.

Minkejja dan, Abela appella biex il-poplu xorta waħda jibqa’ kawt fil-ġimgħat li ġejjin. Insista li ma jistax ikun li għax ġej il-vaċċin xahar ieħor, ma nibqgħux insegwu l-prekawzjonijiet. Appella mill-ġdid għad-dixxiplina, ir-responsabbiltà u naħsbu f’xulxin. Qal li ma jfissirx li għax fil-bidu ta’ Jannar se jkun hawn il-vaċċin, ifisser li kollox għadda, imma f’Jannar se jibda l-pass biex il-pajjiż joqrob aktar lejn in-normalità, sa Marzu l-ekonomija tkun irpiljat u sa Mejju l-pajjiż ikun kiseb normalità sħiħa.

“Ninsabu xahar ‘il bogħod mill-bidu għar-ritorn ta’ normalità ġdida”

Abela insista li l-pajjiż jindab xahar ‘il bogħod mill-bidu għar-ritorn ta’ normalità ġdida. Qal li f’pajjiżi oħrajn, bħall-Italja u l-Amerika, din il-ġimgħa esperjenza għadd rekord ta’ mwiet kawża tal-pandemija. Qal li fl-Istati Uniti, il-President elett Joe Biden qal li malli jieħu postu fl-20 ta’ Jannar bħala President se jkun qed iħeġġeġ lill-poplu jilbes il-maskra għal 100 jum. Sostna li f’Malta, il-maski ilhom jintlibsu għal tliet xhur. Sostna li grazzi għal din il-miżura, il-pubbliku kompla jgħix ħajja kemm jista’ jkun normali filwaqt li s-sitwazzjoni tal-pandemija fil-pajjiż inżammet taħt kontroll.

Irrimarka li l-Oppożizzjoni qed tkun kunfliġġenti fil-mod kif qed tindirizza s-sitwazzjoni. Qal li l-ġimgħa li għaddiet, l-Oppożizzjoni qalet li l-vaċċin mhux soluzzjoni, issa trid l-istrateġija ta’ kif se jitqassam il-vaċċin.

“Stajna żidna t-taxxi, imma naqqasnihom”

Abela sostna li l-pandemija setgħet intużat bħala raġuni wara żieda fit-taxxa. Qal li f’Ġunju kellha tittieħed id-deċiżjoni dwar it-taxxa għax-xiri ta’ propjetà: jew tiżdied jew titnaqqas it-taxxa. Irrimarka li l-pajjiż kien f’ċirkustanza fejn id-dħul tal-pajjiż mit-taxxi naqas. Spjega li b’riżultat ta’ dan, f’Novembru li għadda saru aktar konvenji minn Novembru tas-sena li għaddiet. Semma wkoll kif fl-ewwel 11-il xahar ta’ din is-sena, kien hemm aktar konvenji mill-11-il xahar tas-sena li għaddiet. “F’pandemija kellna iktar xiri u bejgħ ta’ propjeta minn dak li kellna s-sena li għaddiet,” insista Abela.

Il-Prim Ministru jrid juri responsabbiltà u ma jirrepetix l-iżbalji li għamel dan is-sajf– PN

Skont il-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru għamel u-turn u se jkun qed jippubblika l-istrateġija dwar il-vaċċinazzjoni tal-COVID-19 wara pressjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

“Il-pubblikazzjoni tal-istrateġija hija biss parti minn dak li għandu jagħmel il-Gvern u wara li jippubblikaha għandu wkoll jikkonsulta mal-istakeholders dwar l-istess strateġija. Il-Prim Ministru jrid juri responsabbilta’ u ma jirrepetix l-iżbalji li għamel dan is-sajf u li wasslu biex ixejnu s-sagrifiċċji kbar li kienu saru mill-Maltin u l-Għawdxin,” insista l-PN.