Filmat: “Għadu mhux il-mument li nirrilassaw il-miżuri” – Abela

Read in English.

Għadu mhux il-mument biex il-miżuri jiġu rilassati, skont il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon ONE tal-PL.

Abela qal li s-sitwazzjoni f’Malta għadha taħt kontroll b’rabta mal-coronavirus.

Abela qal li huwa sodisdatt li Malta rnexxielha żżomm in-numru ta’ każi baxx u li r-rata baqgħet ma telgħetx ‘il fuq bis-saħħa. Żied jgħid li dan ma ġarax b’kumbinazzjoni.

Fi kliem Robert Abela d-dinja rat pajjiżi fejn ir-rati splodew u fejn kien hemm affarijeit xokkanti. Semma’ l-Italja, Spanja, u l-Istati Uniti bħala eżempji. Skont Abela, dak li rnexxiehla tagħmel Malta ebda pajjiż ieħor ma rnexxielu jagħmel. “Konna proattivi, mhux reattivi,” qal Abela.

Abela qal li l-ħidma tal-Gvern kienet tikkonsisti fost oħrajn fl-implimentazzjoni ta’ miżuri restrittivi għan-nies u pjan biex jiżdiedu l-faċilitajiet mediċi. Qal li n-nies tħallew b’ċertu libertà. Qal li jekk dan ma kienx ikun il-każ setgħu jiżdiedu l-problemi tas-saħħa mentali.

Skont il-PM huwa importanti li wieħed ikompli jagħmel l-eżerċizzju imma li meta joħroġ iżomm distanza min-nies.

Tkellem dwar l-importanza li jsiru testijiet biex ikun hemm aktar ċans li wieħed jidentifika l-każijiet pożittivi aktar kmieni. Semma’ kif Malta qed tagħmel mat-800 test kuljum. Esprima wkoll sodisfazzjon għall-preżenza tal-pulizija fit-toroq.

“Il-forzi tal-ordni reġgħu tellgħu r-reputazzjoni tagħhom ‘il fuq,” qal Abela. Tkellem ukoll dwar il-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid li ssa se jsir bi skrutinju mill-parlament f’sessjoni li tkun tixxandar live. Fakkar kif kien hemm qbil unanimu dwar il-ħatra tal-Imħallef Mark Chetcuti bħala l-Prim Imħallef il-ġdid. Spjega kif is-saltna tad-dritt kien inkwiet prinċipali bejn iż-żewġ partiti politiċi l-kbar.

Il-Gvern ta’ Abela jibqa’ jħallas il-miljuni lill-Vitals u Steward – PN

Robert Abela jinsab kuntent bil-mod ta’ kif qed jintefqu flusna fil-qasam tas-saħħa, fejn minkejja li pajjiżna qed jaffaċċja kriżi minħabba l-imxija tal-COVID-19, il-gvern tiegħu għażel li jibqa’ jħallas il-miljuni lill-Vitals u Steward,” qal il-PN.

F’reazzjoni għal dak li qal Abela, il-PN qal li l-kriżi uriet kif Abela huwa reattiv u jieħu azzjoni biss meta jkun affaċċjat bil-kritika.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn