Filmat: “Mhux se nimmultaw lill-ġenituri li jagħżlu edukazzjoni alternattiva” – Abela

Read in English.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru Robert Abela sostna li jekk il-ġenituri jiddeċiedu li jagħżlu edukazzjoni alternattiva għat-tfal tagħhom, mhux se jkunu immultati. Hu qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tar-radju tal-partit minn John Bundy dalgħodu.

L-edukazzjoni tat-tfal tibqa’ kruċjali, insista l-Prim Ministru. Qal li l-pajjiż ma jistax jitlef lil din il-ġenerazzjoni ta’ studenti. Irrimarka li jaf li se jkun hemm studenti li se jispiċċaw jimirdu bil-virus u b’hekk hemm il-protokolli neċessarji. Insista li l-ħsara li ssir lit-tfal jekk ma jirċevux l-edukazzjoni hija ħafna akbar mill-virus.

Sostna li jekk ġenitur iħoss li t-tfal għandhom jattendu għal-lezzjonijiet online mhux se jkunu penalizzati għax it-tfal ma ntbagħtux l-iskola. Qal li l-multi se jkunu qed jitneħħew f’dan iċ-ċirkustanzi u l-ġenituri se jitħallew jagħżlu t-tip ta’ edukazzjoni li jaħsbu li wliedhom jistgħu jattendu għaliha f’dan iż-żmien. Sostna li hu se jkun qed jibgħat lil bintu l-iskola għada.

Minn eżempju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet, għal eżempju kif m’għandhomx

Bundy staqsa lill-Prim Ministru jekk in-nies hux qed jieħdu l-pandemija bis-serjetà. Hu qal dan fil-kuntest li Malta għaddiet minn perjodu fejn kienet qed tintuża bħala eżempju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet għall-kontroll tal-pandemija għal eżempju ta’ kif m’għandhomx.

Abela qal li ma jemminx li l-poplu mhux qed jieħu l-pandemija bis-serjetà. Qal iżda li jemmen li n-nies għajjew. Sostna li l-poplu għadda minn perjodu ta’ miżuri ibsin. Spjega li jemmen li fl-ewwel fażi kien hemm suċċess minħabba l-miżuri u r-restrizzjonijiet li saru. Qal li dan issa jkun diffiċli ħafna għan-nies jekk ikollhom jerġgħu jidħlu fis-seħħ illum.

“L-istrateġija trid tkun iffukata fuq li nipproteġu lill-vulnerabbli, kemm anzjani u persuni b’sistema immunitarja vulnerabbli. Meta tikkumpara ma’ pajjiżi oħrajn, fl-Ewropa, per eżempju l-Ingilterra, din qed tipproġetta li jkollhom 50,000 pożittiva kuljum,” qal Abela. Sostna iżda li l-istrateġija trid tibqa’ fuq dak li qed isir fil-pajjiż. Insista li jekk hemm bżonn jiżdiedu aktar miżuri, mela għandhom jiżdiedu. Qal iżda li din mhix xi ħaġa li se tgħaddi malajr u wieħed irid jaħseb fit-tul. Fakkar li ma jfissirx li malli jasal il-vaċċin dan sa jkun soluzzjoni aħħarija għall-virus.

“Iktar ma tgħasar lin-nies, iktar hemm ċans li l-pubbliku ma jobdix ir-regolamenti,” qal Abela.

Il-Covid Wage Supplement se jibqa’ wara Ottubru

Hu u jitkellem dwar il-baġit, Abela qal li l-Gvern se jkun qed joħroġ baġit tajjeb. Qal li l-Gvern jista’ jżid it-taxxi jew jissikka ċ-ċinturin minħabba li d-dinja b’mod sħiħ tinsab għaddejja minn żmien diffiċli, iżda b’dan il-mod ikun qed imur kontra l-politika li jmexxi dan il-Gvern. Sostna li l-Covid Wage Supplement se jibqa’ wara Ottubru u se jiġi estiż. Abela ma eskludiex li l-vawċers se jkunu parti mill-baġit.

L-enfasi se tkun li tissaħħaħ ir-ruħ soċjali tal-pajjiż, irrimarka Abela. Qal li l-baġit se jiffoka wkoll fuq il-preservazzjoni tal-impjiegi u għalhekk se jkun estiż il-Covid Wage Supplement. Sostna li f’perjodu ta’ pandemija, ir-rata ta’ qagħad qed jonqos. Spjega li t-titjib tat-toroq se jibqa’ parti mill-baġit, l-investiment barrani fil-pajjiż u l-ambjent fil-pajjiż.

Il-ħin għall-familja importanti

Dwar jekk gawdiex is-sajf, Abela qal li hu mdorri jaħdem taħt pressjoni u jaħdem fis-sajf imma matul dan is-sajf kien hemm mhux biss il-pressjonijiet tal-pandemija, imma wkoll pressjoni fejn tidħol l-immigrazzjoni. Sostna li minkejja l-ħidma, xorta ra li jsib ħin għall-familja u rrimarka li dan il-bilanċ bejn il-ħin tal-familja u l-ħin tax-xogħol huwa importanti.