Filmat: “F’Mejju se nitkellmu fuq il-Covid-19 bħala xi ħaġa tal-passat” – Abela

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

Posted by Robert Abela on Sunday, November 29, 2020

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li f’Mejju se nitkellmu fuq il-Covid-19 bħala xi ħaġa tal-passat. Saħaq li f’Jannar se nisbħu bil-vaċċin kontra l-virus f’idejna, sa Marzu l-ekonomija jrid jara li tkun irpiljat u f’Mejju mbagħad nkunu “business as usual.” Huwa wera konvinzjoni li Malta tkun l-ewwel pajjiż li tkun irkuprat mill-coronavirus. Qal ukoll li jrid sajf b’turiżmu mill-aqwa.

L-attività saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Oriġinarjament kellha ssir fis-Siġġiewi fl-10.30am, iżda fl-aħħar ħin tħabbar dan it-tibdil. Qabel il-PM, tkellmu d-Deputat Manuel Mallia u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista wera pożittività fi kliemu fuq il-coronavirus. Qal li ma jistax jgħid li f’Jannar se mmorru lura għan-normal, u mhumiex se jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha, imma għandu tama li sa Marzu l-ħajja tkun normali mill-ġdid. Kompla jgħid li jrid sajf b’turiżmu mill-aqwa, “ekonomija in full swing, irrid nara n-nies isiefru, irrid nara l-investiment barrani ġej lejn xtutna, irrid nara bars u ristoranti mfawrin bin-nies, irrid li l-anzjani jerġgħu jiltaqgħu ma’ wliedhom u man-neputijiet mingħajr inkwiet għal saħħithom, irrid Malta u Għawdex kif dejjem nafuhom.”

Stqarr li mix-xahar id-dieħel tibda t-triq lura lejn normalità sħiħa bis-saħħa ta’ kemm in-nies kienu sodi jobdu r-regolamenti u kemm ħasbu f’ħaddieħor. Qal li bl-aħbar ta’ mewt waħda kien ikollu niket, imma kburi li Malta għamlet li setgħet, u fi kliemu, ibbrillat ħdejn pajjiżi oħra fil-mod kif affaċċjat il-pandemija.

Dwar il-vaċċin, il-Prim Ministru qal li se jkun hemm biżżejjed dożi għal kulħadd, saħansitra iżjed milli hemm bżonn sabiex jingħataw anke dożi lil pajjiżi oħra.

“Surreali li hemm min jogħrok idejh meta jitħabbru ħafna każijiet”

Huwa kkritika kliem l-Oppożizzjoni fuq il-coronavirus, partikolarment dak li qalet id-Deputat Maria Deguara li hi parti mit-tim ta’ azzjoni tal-Oppożizzjoni li waqqaf il-Kap Bernard Grech biex jiġġieled il-coronavirus. Qal li skont ma qalet, li kieku hi kienet Ministru tas-Saħħa, lanqas kienet iġġib il-vaċċin f’Malta.

“Għalihom il-lockdown kienet is-soluzzjoni, iżda aħna ħdimna differenti u ż-żmien tana raġun.” Saħaq li l-Oppożizzjoni m’għandhiex soluzzjoni u għalhekk irrikorriet għall-idea ta’ lockdown. Saħaq li huwa surreali li meta jkun hemm rata għolja ta’ infezzjonijiet, “ikollok min jibda jogħrok idejh,” u għall-kuntrarju, jekk ikun hemm jum b’għadd kbir ta’ nies li fiequ, ikun hemm is-skiet.

Qal li n-nies mhumiex se jinsew li l-Gvern kien dak li xettel it-tama u l-kuraġġ, mentri l-Oppożizzjoni ppolitiċizzat il-pandemija.

Għajnuna finanzjarja għall-bars li fetħu wara Marzu u ngħalqu f’Novembru

Abela qal li kellu dispjaċir kbir jieħu d-deċiżjoni biex il-bars u l-każini jibqgħu magħluqin, u stqarr li din id-deċiżjoni ħadha bi swied il-qalb. Madankollu, ħabbar li ta direzzjoni biex dawk il-bars u l-każini li fetħu wara Marzu u ngħalqu fil-bidu ta’ Novembru, li ma kinux qed jieħdu l-wage supplement, issa se jibdew jiħduh b’effett mill-bidu ta’ Novembru.

Fisser kif wara kull bar hemm familja li qed taqla’ l-ħobża tagħha b’mod onest, li jaf issellfet biex setgħet tinvesti, trid tħallas il-kera u l-paga lill-ħaddiema, imma fiċ-ċirkustanzi, il-Gvern ma kellux għażla ħlief li jżomm il-bars u l-każini magħluqin għalissa.

“B’lockdown konna nkissru s-saħħa mentali tan-nies”

Huwa kkummenta wkoll dwar kif tant ġraw affarijiet minn Marzu ‘l hawn, li jħossu ilu Prim Ministru snin u mhux xhur. Wera kburija fil-mod kif Malta aġixxiet fil-pandemija u semma li Malta salvat 100,000 impjieg.

Filwaqt li bosta appellaw li jsir lockdown, Abela qal li din kienet tkun deċiżjoni ħażina “li ma konniex nirkupraw minnha, konna nkissru s-saħħa mentali tan-nies.” Qal li minflok, il-Gvern refa’ s-salib hu billi ta €2,700 miljun, l-akbar sostenn finanzjarju qatt mogħti minn dan il-Gvern.

“Ninsabu fit-triq biex ngħaddu mill-Moneyval”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq kwistjonijiet oħra u qal li Malta tinsab fit-triq biex tgħaddi mill-Moneyval. Sellem il-ħidma tal-Pulizija u qal li huwa kuntent ħafna jara l-istituzzjonijiet jingranaw u jaħdmu mill-ġdid.

“Aħseb u ara x’nistgħu nagħmlu la naraw tmiem il-pandemija,” sostna Abela.

Qal, iżda, li fejn tidħol l-indafa f’Malta, fadal xi jsir.

Dwar l-immigrazzjoni, semma mill-ġdid kif il-Gvern irnexxielu jwaqqaf għadd ta’ wasliet mil-Libja. Stqarr li li kieku hu ma żarx il-Libja flimkien mal-Ministri Byron Camilleri u Evarist Bartolo, “konna nfuru bl-immigranti das-sajf.” Sostna li din se tibqa’ s-soluzzjoni tal-Gvern, li jwaqqaf il-wasliet tal-immigranti.

Abela mhux kredibbli meta jitkellem fuq il-pandemija – PN

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal il-Prim Ministru dalgħodu, u qal li huwa mhuwiex kredibbli meta jitkellem fuq il-pandemija.

L-istqarrija tgħid, “Wara li kien hu li ħarbat il-progress li kien sar sas-sajf li għadda b’dikjarazzonijiet irresponsabbli, Robert Abela mhux kredibbli meta jitkellem fuq meta, skont hu, pajjiżna se jirritorna għan-normal wara l-pandemija.”

Skont il-PN, Abela jidher li diġà qed jitkellem minflok Owen Bonnici li suppost hu responsabbli mill-istrateġija biex Malta toħroġ mill-pandemija, wara li Bonnici, fi kliem il-PN, falla fl-oqsma importanti tal-ġustizzja u tal-edukazzjoni fejn tneħħa wara biss għaxar xhur.

Il-PN saħaq li kulħadd irid li tgħaddi l-pandemija, imma l-irwol tal-Gvern mhux li jagħmel “dikjarazzjonijiet populisti mingħajr ebda bażi xjentifika jew ekonomika, iżda li jkollu strateġija ċara u pjan maqbul ta’ kif se jaħdem fix-xhur li ġejjin.”