Filmat: Repubblika tfakkar il-101 vittma tal-Covid-19 f’Malta

LIVE: Repubblika jfakkru l-vittmi tal-Covid-19

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, November 17, 2020

Read in English.

L-għaqda Repubblika llum fakkret il-101 persuna li mietu bil-coronavirus f’Malta.

Din il-kommemorazzjoni saret fi Pjazza Kastilja fil-Belt Valletta, fejn tpoġġew 100 siġġu biex ifakkru l-101 ħajja li ntilfu bil-Covid-19. Fid-diskors li għamlet il-President ta’ Repubblika Alessandra Dee Crespo, hija qalet li dawn l-imwiet mhumiex numri għal Repubblika, imma “huma t-telf t’individwi li ħafna minnhom kien baqgħalhom magħna li ma kienx għal din il-marda qerrieda.”

Hija tkellmet dwar l-ottimiżmu tal-Gvern minkejja li kuljum qegħdin jitħabbru mal-100 każ ġdid tal-coronavirus. Tkellmet dwar kif il-pjan tal-Gvern f’Marzu kien li t-tsunami jitwaqqaf u jinbidel f’nixxiegħa ta’ nies li jaqbadhom il-coronavirus, biex is-servizzi tas-saħħa jlaħħqu mad-domanda, madankollu issa, ikkummentat Dee Crespo, jidher ċar li dawn mhumiex ilaħħqu.

Qalet li dawk il-pazjenti li għandhom mard ieħor u mhumiex jingħataw l-attenzjoni li jistħoqqilhom huma vittmi li mhu jgħoddhom ħadd.

Bit-tliet imwiet li tħabbru lbieraħ filgħaxija, issa t-total qabeż il-100.

Il-President ta’ Repubblika sejħet l-imġiba tal-Gvern waħda kunfliġġjenti, u tat eżempju bl-attivitajiet tal-Milied imħabbrin mill-Ministru għat-Turiżmu u mill-Ministru għall-Wirt Kulturali. Il-MAM opponiet dawn l-attivitajiet għaliex tibża’ li b’folla kbira ta’ nies il-Belt, il-virus se jkompli jinfirex. Repubblika nnutat kif il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li ħadd ma wrieh x’hemm ippjanat, u dan juri kif il-Gvern mhuwiex jiġbed ħabel wieħed f’din il-kwistjoni.

“Dan mhux ġenn? Din mhux irresponsabbiltà? Kull min iħaddem f’Malta hu mitlub jara li ma jinġemgħux nies flimkien. U hekk għandu jkun. Imma l-Gvern ta’ Robert Abela jaf aħjar u jorganizza l-folol u l-Ministru tas-Saħħa jgħid li ħadd ma saqsieh x’jaħseb. […] Jidher li l-Gvern ta’ Robert Abela waqaf ikellem lit-tobba u l-infermiera għax mhux qed idoqqulu għal widnejh. Il-Gvern mhux jikkunsidra kemm jifilħu jaħdmu t-tobba u l-infermiera, l-għeja li issa dieħla sew u l-qtigħ il-qalb li qed tikkawża l-politika traskurata tal-Gvern ta’ Robert Abela.”

Repubblika, għaldaqstant, qed tesiġi li tingħata aktar informazzjoni fuq x’inhuwa l-impatt tal-fatt li r-riżorsi tal-isptar qed ikunu ffukati fuq il-pandemija minflok il-kura ta’ mard ieħor, u x’inhu l-livell ta’ infezzjonijiet li meta jintlaħaq, l-isptar ma jkunx jista’ jlaħħaq jagħti kura lil kulħadd.