Qtil Doppju: Ir-raġel iwieġeb mhux ħati għall-akkużi

Raġel ta’ 38 sena minn Ħal Għaxaq tressaq il-Qorti mixli li qatel lil ommu u lil oħtu tard il-Ħadd waranofsinhar. Joseph Bonnici wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ jinżamm arrestat.

Bonnici deher quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, libes tracksuit għall-ħabta tas-7 ta’ filgħaxija.

Ir-raġel ġie akkużat bl-omiċidju volontarju ta’ ommu u oħtu bejn is-26 u s-27 ta’ Marzu, li għamel rapport falz mal-Pulizija, li kellu arma tan-nar, li spara f’żona fejn joqgħodu n-nies, li prova jaħbi l-evidenza, li ħeba l-katavri tal-vittmi, li ma kellux il-liċenzja għall-arma, li mmanifattura apparat biex jitnaqqas il-ħoss ta’ sparatura ta’ arma tan-nar u li mmanifattura arma u munizzjoni mingħajr liċenzja.

Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti, li l-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ ta’ żewġ persuni nieqsa, Marija Lourdes Bonnici ta’ 70 sena u Angele Bonnici ta’ 29 sena, wara rapport li daħal mal-Pulizija li sar mill-akkużat stess.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li aktar ma bdew jinvestigaw il-każ, u jikkommunikaw mar-raġel, l-informazzjoni li bdiet tingħata kienet qed tkun konfliġenti, bil-Pulizija bdew jissuspettaw li nisa ma għadhomx iktar ħajjin.

L-Ispettur John Spiteri spjega li kien Bonnici stess li iktar tard ammetta mal-Pulizija kien hu li qatel lil ommu u lil oħtu, bir-raġel jieħu lill-Pulizija l-għalqa fejn instabu l-katavri taż-żewġ nisa.

Wara li nqaraw l-akkużi, il-Maġistrat spjegat il-konsegwenzi tal-akkużi miġjuba kontrih fosthom il-possibilità ta’ għomor ħabs. Ir-raġel wieġeb li mhux ħati għall-akkużi.

L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għar-raġel.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Arnaud, John Spiteri u Roderick Attard.

Live:

19:20 Jibda jitkellem Joseph Bonnici, li għandu 38 sena, u li huwa impjegat. Meta mistoqsi xi jwieġeb għall-akkużi, huwa jgħid li mhux ħati.

19:16 L-Ispettur jibda jaqra l-akkużi fil-konfront ta’ Bonnici. Fost l-akkużi hemm li xi ħin bejn 26-27 ta’ Marzu ir-raġel kellu l-ħsieb li joqtol jew li jpoġġi ħajjet ommu u oħtu fil-periklu, li huwa spara arma tan-nar f’post abitat, li qered it-traċċi, li rema l-katavri ta’ persuni li mietu f’delitt, li uża arma tan-nar, li għamel rapport falz lill-Pulizija, arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Pulizija, li manifattura xi arma tan-nar, fost oħrajn

Il-Maġistrat Montebello tfissirlu l-akkużi miġjuba kontrih.

19:12 Il-prosekuzzjoni tibda tispjega l-każ. L-Ispettur jgħid li l-Erbgħa daħal rapport dwar l-għejbien taż-żewġ persuni. Waqt li għaddejjin bl-investigazzjoni, il-Pulizija sabu affarijiet konfliġenti ma’ dak li kien qed jgħid l-imputat. Il-Ġimgħa filgħaxija, kompla l-Ispettur, kien l-imputat stess li informa lill-Pulizija li kien hu li qatel lil ommu u lil oħtu, wara li tqajjem suspett li dawn seta’ kienu mejta. L-Ispettur Attard spjega li kien Bonnici stess li ħadhom fl-għalqa.

19:05 Ninsabu fl-Awla fejn jinsab ir-raġel li allegatament qatel lil ommu u lil oħtu iktar kmieni dil-ġimgħa. Ir-raġel, Joseph Bonnici, libes tracksuit.

Il-prosekuzzjoni se tkun imexxiha mill-Ispettur Keith Arnaud, l-Ispettur Roderick Attard u l-Ispettur Roderick Attard.

Sfond

Fil-ħin li ġej se jkun qed jitressaq il-Qorti raġel ta’ 39 sena li allegatament ammetta li qatel lil ommu u lil oħtu f’Ħal Għaxaq.

Marija Lourdes Bonnici u bintha Angele Bonnici minn Ħal Għaxaq kienu rrappurtata nieqsa iktar kmieni matul il-ġimgħa.

AQRA: Qtil doppju: Il-ġirien qatt ma basru li seta’ joqtol – rapporti

Fi stqarrija l-Pulizija qalu li r-raġel mistenni jidher quddiem il-Qorti għall-ħabta tas-7pm quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn se jkun qed imressaq taħt arrest u se jkun akkużat bil-qtil taż-żewġ nisa fost oħrajn.

AQRA: “Ma kienx ħaqqek hekk”; bosta xxukkjati bil-qtil ta’ Angele Bonnici u ommha

Iż-żewġ nisa instabu mill-Pulizija midfuna f’għalqa fil-limiti ta’ Ħal Għaxaq u l-Gudja wara diversi interrogazzjonijiet li saru mal-qraba tal-familja.

Għadu mhux magħruf x’wassal għall-qtil taż-żewġ nisa.

Missier ir-raġel is-suspettat bil-qtil ta’ ommu u oħtu, jinsab il-ħabs fejn qed jiskonta sentenza ta’ 31 sena wara li kien qatel il-ġirien tal-familja kiesaħ u biered f’Mejju 2000. Il-Qorti kienet semgħet kif Paul Bonnici kien spara fuq Joseph u Carmela Dalli barra darhom. Minn dak li ħareġ fil-Qorti iż-żewġ familji kien ikollhom spiss xi jgħidu.

AQRA: L-omm u bint irrapurtati nieqsa għadhom ma nstabux