Filmat: “Li tkun fidil tfisser li tkun lest għas-sejħa t’Alla” – L-aħħar omelija tal-Isqof Grech

L-aħħar omelija tal-Isqof Mario Grech hu u jtemm il-Ministeru Episkopali tiegħu kienet dwar l-importanza li wieħed ikun lest li jwieġeb għas-sejħa t’Alla jekk ikun verament fidil. Huwa tkellem fuq il-ħtieġa li l-Knisja tibqa’ tirriforma ruħha, u bl-istess mod il-bniedem.

Dan il-kliem Mons. Grech qalu peress li llejla niżel is-siparju fuq l-Episkopat tiegħu b’quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għall-Ministeru Episkopali tiegħu fl-aħħar 14-il sena, bħala t-tmien Ragħaj Spiritwali tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Il-konċelebrazzjoni saret fir-Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija.

L-Isqof Grech qal li hu ma jħarisx lura, imma ‘l quddiem, u jaf li xi darba Alla għad jistaqsih x’għamel għall-poplu li fdalu f’idejh, għall-Għawdxin. Jaf li Alla se jistaqsih kienx fidil jew le. Iwieġeb skont x’jifhem b’fedeltà. Mons. Grech qal li b’fedeltà hemm min jifhem li wieħed jibqa’ fejn hu, immobbli, jimxi mal-istatus quo, inkella tkun fedeltà li biha wieħed ikun miftuħ għall-fidi t’Alla u għal dak li jafdalek Alla. Semma kif “trid tgħin lil dawk li fdalek f’idejk jiskopruh.”

Mons. Grech qal li dil-fedeltà lejn Alla neħtiġuha mhux meta l-affarijiet ikunu ħżiena, imma anke meta jkunu tajbin għax din hi l-liġi tal-ħajja: li wieħed jikber u jimmatura, li l-komunità ekkleżjali timmatura.

Huwa tkellem fuq kif il-Knisja kellha bżonn ir-riforma u semma riformi differenti li wettqet il-Knisja.

L-Isqof Grech temm l-aħħar omelija tiegħu bħala Isqof billi rringrazzja lill-Bambin ta’ dak li għamel miegħu tul l-aħħar tmien snin. Dwar l-Isqof Anton Teuma, qal li jinsab kuntentissimu, minkejja li mhux suppost ikun kuntent illum għax qed itemm l-Episkopat tiegħu, imma hu kuntent li l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja bagħtu lil Dun Anton “għax raġel fidilissimu għal Alla u għall-bniedem u għandu l-kariżma biex ikompli jiżviluppa.” Mons. Grech qal li bl-għajnuna tal-Madonna ta’ Pinu bdew proċessi li hu jittama li jitkattru u jagħmlu ħafna ġid.

Fil-jiem li ġejjin, l-Isqof Emeritu Mario Grech se jibda jservi bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.