Filmat: “Il-Kardinal Grech ma twelidx għaref, sar għaref” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li l-Kardinal Prospero Grech ma twelidx għaref, iżda sar għaref. Hu qal dan fl-omelija tal-quddiesa praesente cadavere tal-lum b’suffraġju għal ruħu fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina.

L-Arċisqof spjega li l-Kardinal Grech twieled 94 sena ilu bl-isem ta’ Stanley, iżda l-pubbliku jafu iktar bl-isem reliġjuż tiegħu, Prospero. Qal li l-isem reliġjuż tiegħu jiġbor fih fil-qosor is-simpatija li tattira l-memorja ta’ bniedem kbir. Spjega li bħala t-tieni Kardinal fl-istorja tal-pajjiż, hu kellu l-grazzja mingħand il-Mulej li jirċievi s-sejħa li jimxi wara Ġesù mill-qrib.

L-Arċisqof irrimarka li biex tkun għaref trid titgħallem, taqdef u tistinka. Qal li għaddew bosta studenti minn taħt idejh u li kellu sens kbira ta’ rġulija, rettitudni u mħabba kbira lejn kull bniedem.

Mons. Scicluna rrefera wkoll għas-simpatija tal-Kardinal Grech li sostna li ġejja mill-kapaċità tiegħu li jkun bniedem tassew liberu. Qal li l-Kardinal kellu ħarsa mimlija simpatija lejn pajjiżu u l-Knisja li tant kien iħobb.

Semma li l-Kardinal Grech kien kapaċi jagħraf id-dinjità ta’ kull bniedem mingħajr ma jinsa d-dgħufija tiegħu. Minkejja li kien kapaċi jitkellem b’awtorità, hu kien jagħmel dan mill-qalb. L-Arċisqof spjega li anke jekk jikkritikak, “kont tkun taf li l-kumment tiegħu jolqtok u jgħaddi, ma jumiljakx, għax warajh hemm volontà sħiħa li tridlek il-ġid.”

L-Arċisqof sostna li l-Kardinal Grech kien jgħix b’ċertu sens ta’ ironija li kienet tħallieh liberu. Irrimarka li Prosepro kien jifhem li l-ideal huwa għoli u l-ħajja bil-fallimenti tagħha tumiljak. L-Arċisqof sostna li għalhekk hemm bżonn is-sens tal-ironija, biex ħadd ma jieħu lilu nniffsu wisq bis-serjetà imma “dejjem bi tbissima realistà”.

Storja li rrefera għaliha l-Arċisqof fl-omelija kienet dik meta Prospero Grech laħaq Kardinal. Hu kien tkellem mal-Arċisqof u qallu, “issa għax ilħaqt Kardinal mhux se jħalluni nsuq aktar il-lambretta.” L-Arċisqof spjega li kien hemm raġuni oħra għal dan, hekk kif l-età tiegħu kienet qed tavvanza ġmielha.

Miegħu qed jikkonċelebraw l-Arċisqof Alessandro D’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta, l-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Isqof Joseph Galea-Curmi u l-Isqof Pawlu Darmanin, Isqof Emeritu tad-Djoċesi ta’ Garissa, il-Kenja.