Filmat: Laqgħu lil Pawlu, sabu lil Kristu – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna waqt li niseġ il-paneġierku fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Pawl Nawfragu, qal li meta l-Maltin laqgħu lil Pawlu, huma sabu lil Kristu.

“Dan kien il-premju li ngħataw għat-tjubija tagħhom”, qal l-Arċisqof. Huwa stqarr li Ġesù huwa l-misteru ta’ din il-filantropija. Il-fidi tal-Maltin ta’ dak iż-żmien u l-fidi tagħna llum jgħidulna neħilsu minn dnubietna u niksbu s-salvazzjoni.

Il-festa meqjusa bħala waħda nazzjonali kienet qed tiġi ċċelebrata fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu l-Belt.

Tul il-paneġierku l-Arċisqof tkellem fit-tul dwar San Pawl u l-missjoni tiegħu partikolarment mal-pagani. Huwa spjega diversi testi tal-Bibbja dwar San Pawl li juru l-għala Alla għażlu u kif il-missjoni tiegħu kienet mibnija fuq il-qawwa ta’ Alla.

Preżenti għall-Quddiesa kien hemm ukoll il-President George Vella, il-Ministru Josè Herrera li rrappreżenta lill-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Lejn tmiem il-Quddiesa tħabbar messaġġ uffiċjali mis-Santa Sede, li nqara mill-President ta’ Malta George Vella.

Fil-11.30am fuq Newsbook.com.mt u fuq l-istazzjon tar-radju 103 ittella’ programm speċjali dwar iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta.