Filmat: Hu sabiħ meta wieħed jimita l-mod kif Alla jitratta n-nies – L-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=k9i9mwTz4bo]

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li huwa sabiħ meta wieħed jimita l-mod kif Alla jitratta n-nies. 
L-Arcisqof Charles Scicluna qal dan fl-omelija tiegħu waqt li kien qed jiċċelebra Quddiesa ta’ ringrazzjament fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif ta’ Richmond Foundation, fil-Konkatidral ta’ San Gwann, il-Belt Valletta. Qal li Alla dejjem iħabbat fuq il-bieb tal-qlub b’paċenzja u mingħajr vjolenza.
Mons. Scicluna rrefera għall-qari mill-Vanġelu skont San Ġwann li jgħid li d-don tal-Ispirtu s-Santu kien marbut mal-glorifikazzjoni ta’ Ġesù b’mod intimu. Qal li din il-glorifikazzjoni hija marbuta mal-passjoni u l-mewt tiegħu.
Skont Mons. Scicluna, kelma oħra għall-glorifikazzjoni hija “l-irfugħ” ta’ Ġesù. Qal li meta hu jintrefa’, jiġbed lil kulħadd lejh. Saħaq li dan huwa don prezzjuż għax il-prezz tiegħu huwa d-demm tal-iben ta’ Alla.
L-Arċisqof qal li l-Ispirtu huwa l-istess wieħed tal-glorja ta’ Ġesù. Qal li dan l-Ispirtu jagħti l-qawwa lill-bniedem biex iġorr is-salib tiegħu. Qal li filwaqt li huwa l-ispirtu tal-glorja, huwa wkoll l-ispirtu li l-Mulej jagħti mis-salib.
L-Arċisqof qal li l-isem antik tal-Ispirtu s-Santu jispjega li dan huwa r-ruħ tal-qdusija. Qal li huwa wkoll l-Ispirtu tal-maħfra.
Mons. Scicluna qal li fil-25 anniversarju tat-twaqqif tar-Richmond Foundation, wieħed għandu japprezza l-ispirazzjoni tal-Mulej li huwa l-frott tal-Ispirtu qaddis tiegħu.