Filmat: “Iċċaħħdux lil xulxin minn xulxin” – L-Arċisqof lill-koppji miżżewġin

Illum l-Arċisqof Charles Scicluna qed iqaddes quddiesa għall-koppji li żżewġu matul l-2019. Din il-quddiesa hija organizzata mill-Moviment ta’ Kana u qed issir fil-Konkatidral fil-Belt Valletta.

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-koppju ġodda li żżewġu matul l-2019 sabiex ma jċaħħdux lil xulxin minn xulxin. Hu qal dan waqt quddiesa għall-koppji li żżewġu matul l-2019 organizzata mill-Moviment ta’ Kana fil-Konkatidral fil-Belt Valletta.

L-Arċisqof sostna li l-intimita bejn il-koppji hija importanti ħafna. Spjega li issa li żżewġu, dawn il-koppji jistgħu jħarsu lejn xulxin u jifhmu aktar li r-responsabbiltà u l-privileġġ tagħhom huwa li jkunu sinjali ta’ tama għal xulxin. Spjega li issa jaffaċċjaw ir-realtà ta’ kuljum u l-obbligi li jridu jaqdu sabiex ilaħħqu mal-ħajja. Qal li issa qed jaraw li l-ħajja miżżewġa mhix faċli, mhux qisha faċċata ta’ kartolina.

Minkejja dan, l-Arċisqof insista li dawn il-koppji ma għandhomx iħossuhom waħedhom meta jidħlu għall-isfida taż-żwieġ.

Hu rrefera għad-diskors tal-Papa Franġisku meta tkellem dwar kif illum il-ġurnata, meta familja tiltaqa’ mal-mejda, kulħadd ikun jimpurtah aktar minn dak li għaddej fuq l-ismart phone milli minn xulxin. Tenna l-messaġġ tal-Papa li kien talab sabiex il-familji jagħmlu regola bejniethom biex meta jiltaqgħu flimkien, anke mal-mejda tal-ikel, il-mowbajl iħalluh x’imkien ieħor.

Mons. Scicluna sosnta li jekk hawn sawm li llum huwa neċessarju huwa sawm mill-affarijiet li jifirdu l-intimita fiżika u psikoloġika bejn il-bnedmin. Qal li meta jkun hemm kunflitt, wieħed għandu jagħżel li jsolvih b’mod dirett u mhux permess tal-posts fuq Facebook jew messaġġi. Qal li llum il-ġurnata, ħafna jagħżlu li jippruvaw isolvu, jew jevitaw li jsolvu xi kunflitt bl-użu ta’ xi emoji.

Hu appella sabiex la dawn il-koppji jkollhom l-ulied tagħhom jagħtuhom dak kollu li jistgħu, lilhom infushom, anke jekk jgħaddulhom xi difetti żgħar. Sostna li ħadd ma hu perfett. Qal li tkun xi ħaġa verament sabiħa jekk il-familja tikber bħala “dak ir-rifless tat-trinita qaddisa.”