Filmat: Kunu preżenti għal xulxin – l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-koppji li se jkunu qed jiżżewġu din is-sena biex ikunu preżenti għal xulxin.

Mons. Scicluna qal dan waqt l-omelija tiegħu. Talabhom ikunu rigal għal xulxin billi jkunu preżenti għal xulxin. Jifhem li jkollhom ħafna x’jgħamlu. Fakkarhom fl-użu tal-kliem ‘jekk jogħġbok, grazzi, u aħfirli’.

“Naħseb tridu taċċettaw il-fatt li l-kunflitti ma tistax tevitahom. Imma jrid ikun hemm persważjoni fik li l-Mulej laqqgħek mal-persuna biex lilek twasslek f’post aħjar,” qal Mons. Scicluna.

Qal ukoll li lil kulħadd xi darba taqbiżlu. “Mill-Papa ‘l isfel,” qal waqt quddiesa għall-koppji li se jiżżewġu fl-2020. Dan intqal b’referenza għal incident li kien involut fih il-Papa Franġisku. F’Lejlet l-Ewwel tas-Sena l-Papa ta daqqa fuq id mara li ġibditu lejh waqt li kien miexi. Wara, skuża ruħu talli rrabja.

L-Arċisqof qal li l-awgurju tiegħu huwa li l-koppji jkunu l-kewkba fid-dlam, l-aħbar it-tajba, u r-rigal għal xulxin. Qal li huma se jqaddsu lil xulxin fiż-żwieġ tagħhom.

Ħeġġiġhom biex isibu ħin biex jitolbu flimkien u anke biex jersqu lejn is-sagrament tal-Qrar.

Fakkarhom li biż-żwieġ se jkunu qed jagħtu l-kelma tagħhom li jkunu ta’ xulxin għal dejjem. Qal li din id-deċiżjoni tiġi kkonfermata fit-tieġ u tibda fiż-żwieġ. Żied jgħid li t-tieġ jiġi u jgħaddi imma li ż-żwieġ jibqa’ għal dejjem.

Mons. Scicluna fakkar kif fil-vanġelu hemm referenza għall-profezija li Ġesù se jkun ir-Re li jirgħa. Ħeġġeġ lill-koppji biex ikunu ta’ sostenn lil xulxin. Qal li jridu jkunu bastun ta’ faraġ għal xulxin.

Din il-quddiesa kienet organizzata mill-Moviment ta’ Kana.