Filmat: Il-kuraġġ tal-Milied hu li d-dlam ma jegħlibx id-dawl – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li t-tama u l-kuraġġ tal-Milied huma li d-dawl ta’ Alla ma jintefiex bid-dlam: Id-dawl jiddi fid-dlam u d-dlam ma jegħlbux. 

Mons. Scicluna fetaħ l-omelija ta’ Jum il-Milied fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, bil-frażi sinonima ma’ San Ġorġ Preca – ‘Verbum Dei Caro Factum Est’.  Spjega li din kienet kultura li introduċa l-qaddis Dun Ġorġ Preca li kienet tfakkarna f’misteru kbir, li l-Iben ta’ Alla sar bniedem. Scicluna qal li dan hu propju dak li li qed jiġi ċċelebrat illum.

Fakkar kif il ‘Verbum Dei Caro Factum Est’ kont taraha kullimkien, mit-trasport pubbliku għad-djar tan-nies. L-Arċisqof stqarr li fid-dawl ta’ Ġesù naraw risposta għad-dlamijiet li naffaċċjaw f’ħajjitna. Mons. Scicluna appella biex wieħed jilqa’ lil Ġesù biex bid-dawl tal-verità tiegħu jqawwina u jagħtina l-kuraġġ.