Qtil Ħal Far – Biżżejjed evidenza biex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

Read in English.

Il-Maġistrat Ian Farrugia fis-seduta tat-Tlieta ddeċida li hemm biżżejjed evidenza biex iż-żewġ akkużati Lorin Scicluna u Francesco Fenech jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żewġ suldati akkużati bil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane.

Waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda, xehed ħabib taż-żewġ akkużati li kien magħhom dakinhar li dawn offendew raġel ta’ karnaġjon skura li kien għaddej minn Triq il-Ġebel u wara niżlu għalih meta dan beda jgħajjat. L-istess ħabib xehed ukoll li Francesco Fenech kien qalu li tajru raġel ta’ karnaġjon skura u kien urih ritratt tal-windscreen imkissra. Qal li ma jaħsibx li sar rapport dwar dan l-inċident.

Kompla jixhed ukoll l-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-prosekuzzjoni. Fix-xhieda li ta t-Tlieta, Arnaud kompla jitkellem fuq l-istqarrijiet tal-akkużati kif ukoll dak li ħareġ mill-investigazzjonijiet.

Xehdet ukoll Surġent li hi stazzjonata l-għassa ta’ Birżebbuġa u li marret fuq il-post meta daħlet l-informazzjoni dwar il-każ. Hi qalet il-Qorti li meta kienu qed isuqu fuq Triq il-Ġebel ħareġ raġel minn sqaq li kellu d-demm mal-jeans u qalilhom li karozza b’żgħażagħ Maltin fiha sparaw għal fuqu u fuq sieħbu.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Trevor Micallef u l-Ispettur Keith Arnaud.

Għal Lorin Scicluna qed jidhru l-avukati Franco Debono, Kris Busietta u Julian Farrugia, filwaqt li għal Francesco Fenech qed tidher l-avukat Gianella De Marco. Filwaqt li l-avukat Arthur Azzopardi qed jidher għal parte civile.

12:02 Il-Qorti sabet li wara li semgħet il-prima facie, hemm biżżejjed provi biex l-imputati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.

Il-każ se jkompli fit-3 ta’ Lulju fid-9.30am.

11:48 Jitla’ jixhed kuntistabbli ieħor u jispjega x’ġara meta kienu infurmati bil-każ. Huwa jgħid li ħareġ persuna minn sqaq bil-jeans imċappas bid-demm. Spjega li meta sabu lil-Lassana huwa kien bil-headphones bil-mużika għadha għaddejja. Għajnejh kienu mbexxqin iżda ma kienx qed jirrispondi. Huma ċemplu l-ambulanza. Il-vittmi qalu lill-Pulizija li għaddiet karozza b’xi żgħażagħ fiha u sparaw għal fuqhom waqt li kienu sejrin id-dar.

11:35 Titla’ tixhed Surġent li hi stazzjonata Birżebbuġa. Is-Surġent tgħid li hi kienet xogħol fl-għassa ta’ Birżebbuġa. Hi tgħid li daħlet l-informazzjoni għall-11pm dwar persuna mixħuta mal-art bid-demm.

X’ħin qed isuqu fuq Triq il-Ġebel nieżel persuna ta’ karanġjon skura minn għalqa li nxteħet fl-art u qalilhom li għaddew xi Maltin li sparawlu fil-parti tiegħu. Hi tgħid li ħalliet pulizija miegħu ssib persuna oħra li tgħidilha li xi ħadd sparalu fil-warrani tiegħu. Hi tgħid li nnuttat persuna oħra mal-art bil-hoodie u l-headphones. Hi rat id-demm iċarċar mal-art.

Ibrahim Bahh qal lill-Pulizija li huma kienu qed jaraw il-logħba f’Birżebbuġa. Bahh qal lill-Pulizija li ma kienx jaf it-tielet persuna u ma kienx magħhom.

Rat kapsula waħda ħdejn Lassana Cisse.

Iktar l-isfel kien hemm 4 kapsuli oħra.

Is-Surġent tgħid li hi ngħatat l-istruzzjonijiet biex tara hemmx kameras tas-sigurtà matul it-triq. Hi tgħid li l-unika karozza li għaddiet ftit qabel ma ġew infurmati bil-każ kienet l-unika karozza li għaddiet mit-triq minn Ħal Far direzzjoni lejn Birżebbuġa.

11:30 Il-Qorti bħalissa qed tisma’ dwar talba biex il-ġisem ta’ Lassana Cisse jiġi rilaxxat għad-difna. Il-Maġistrat Ian Farrugia qal biex dwar dan ir-rikors jiġu infurmati għadt ta’ persuni u biex fis-seduta li jmiss jiddikjaraw jekk il-ġisem tal-vittma għandux jinżamm għall-fini tal-investigazzjoni jew jekk hux il-każ li jiġi rrilaxxat għad-difna.

11:28 Il-kuntistabbli spjega li l-arrest ta’ Scicluna seħħ waqt route march tal-Forzi Armati fin-Naxxar quddiem il-kumplament tal-kollegi tiegħu. Il-Kuntistabbli qal lill-Qorti li Scicluna urihom il-karozza fil-barracks ta’ Ħal Safi. Il-karozza ġiet irmunkata lejn il-garaxx tal-Pulizija. Kompla jispjega li Scicluna urihom il-garaxx li kien jagħmel użu minnhom.

Scicluna għaddielhom 4 armi li tlieta minnhom kienu f’kaxxa waħda u waħda ta’ 9mm għaliha. Jgħid li evelvaw 8 kaxxi ta’ 50 bullet. L-armi u l-munizjon kienu taħt is-sodda.

11:11 Wara sospenzjoni qasir jibda jixhed il-kuntistabbli li jagħmel parti mill-homicide squad. Jgħid li huwa kien infurmat bil-każ u wasal fuq il-post fejn sab raġel mal-art f’nofs it-triq bid-demm ħiereġ mir-rasu.

Huwa spjega li huma bdew ifittxu l-filmati tal-kameras tas-sigurtà mid-djar li hemm fil-bidu tat-triq in-naħa ta’ Birżebbuġa. Jgħid li mill-kameras tas-sigurtà rriżulta li dan kienet Toyota Starlet mudell mhux daqstant ġdid.

Jgħid li komplew jiġbru is-CCTV mit-toroq. L-għada huma marru r-residenza tal-vittma u sabu li dan kien jaħdem ma’ Schembri Brothers.

Spjega li huma rnexxillhom jieħdu l-still shots meta l-karozza inqabdet fit-traffiku fiż-Żejtun. Huwa spjega kif identifikaw il-vettura li tilfu t-traċċi tagħha fi Triq is-Sorrijiet. Spjega wkoll li ġabru diversi filmati minn diversi CCTV sa Ħal Kirkop, Santa Luċija, eċċ biex jeliminaw il-possibilità li setgħet kienet vettura oħra.

Il-Kuntistabbli spjega li huma kienu raw il-karozza fuq il-monitors. Ix-xhud spjega kif tqajjem suspett meta din għaddiet one way. Tkellem ukoll fuq id-dawl tal-karozza.

Ix-xhud jgħid li segwew kameras tas-sigurtà ċivili kif ukoll dawk ta’ Transport Malta.

Ix-xhud qed jiddeskrivi dak li ra mill-monitors kif ukoll ir-ritratti dwar il-karozza ta’ Scicluna. Jgħid li l-mera tal-ġenb tweħlet wara l-qtil. Huwa spjega kif iċċekkjaw jekk Scicluna kellux armi rreġistrati f’idu u rriżulta li kien il-każ.

10:48 Jibda l-kontro-eżami mill-Avukat Gianella De Marco. Hi tistaqsi lix-xhud ma’ min kien ħbieb u dan jgħid li kien ħabib ta’ Lorin u kienu jiltaqgħu għand Lorin il-pastizzeria u ġieli Lorin kien iċempel lil Francesco meta jkunu sejrin għall-kaċċa.

L-avukat Franco Debono jibda l-kontro-eżami li staqsa dwar il-karozza ta’ Fenech, li hi VW Golf, armata. Huwa jgħid li ġieli ċempilu Fenech li kien imur għalih u jieħdu l-pastizzeria. Iżda meta kienu jmorru għall-kaċċa kienu jużaw il-karozza ta’ Scicluna.

10:43 Ix-xhud jgħid li wara wasluh id-dar għax kien qed isir il-ħin u spjega li jekk jaqbduh bis-senter tal-kaċċa wara ċertu ħin kien ikollu ċertu problemi.

Jgħid li l-unika arma li kien hemm kien is-senter tiegħu tal-kaċċa.

L-Ispettur Arnaud staqsa dwar il-hit and run u dwar jekk Fenech kienx ingħata dettalji dwar dan. Huwa jerġa’ jirrepetti li ‘kienu għaddejjin u tajru wieħed’.

L-avukat Gianella De Marco toġġezzjona għad-domandi diretti.

10:21 Huwa kompla jispjega li meta ġieli jkunu flimkien għall-kaċċa kmieni filgħodu u wara jmorru jieklu Birżebbuġa jew hekk. Ħal Safi kienu għall-kaċċa viċin il-barracks. Huwa jispjega li kienu niżlin bil-karozza ta’ Scicluna lejn Birżebbuġa misjuqa minn Scicluna stess.

Huwa jwieġeb li t-triq li ħadu kienet frekwentata mill-immigranti.

Jgħid li darba kienu ‘qbadu ma’ wieħed li kien għaddej bir-rota’. Jgħid li Lorin Scicluna kien għallmu kelma bl-Għarbi li Scicluna kien tgħallem minn ħabib tiegħu Għarbi li tfisser offiża lil missier. Jgħid li dawn għajjatu hekk lejn ir-raġel li kien għaddej bir-rota. Green spjega li dan ‘indanna u beda jiġri warajna u jgħajjat u jiġri wara l-karozza’. Jgħid li huma ħarġu biex jaraw xi rrid u dan qabad jitfa’ l-ġebel u mixi b’lura.

L-Ispettur Arnaud staqsa lil Green għalfejn għażlu jinsultaw raġel għaddej bir-rota li ma jafux. Green jgħid li Scicluna qalilhom biex jgħajjtu hekk filwaqt li jgħid li l-motiv kien ‘hekk hux biex naqbdu miegħu’.

Green jispjega li dawn kienu qed isuqu l-isfel, u meta qabżuh huma kellhom it-twieqi miftuħin u għajjtuha kollha lejn ir-raġel isuq ir-rota.

Jgħid li dan ir-raġel fuq ir-rota meta semgħuh beda jħares bl-ikrah u qabad jgħajjat. Green spjega li dan tefa’ r-rota mal-ġenb u qabad jitfalhom il-ġebel lejn il-karozza. L-Ispettur Arnaud isaqsi dwar il-veloċità tal-karozza qabel, meta u wara li nsultenaw lir-raġel.

Ix-xhud jgħid li wara li għajjtuha kienu qed isuqu bil-mod, filwaqt li r-raġel beda jaqdef għal warajhom. Ix-xhud jgħid li dawn niżlu t-tlieta għalih filwaqt li r-raġel nieżel minn fuq ir-rota u beda jitfa’ l-ġebel. Ix-xhud spjega li huwa ntlaqgħat u għaldaqstant qabiżlu tnejn fuq ir-rota u prova jitfaħilu wara l-ħajt.

Filwaqt li qed jiftakar x’ġara f’dan l-inċident, ix-xhud jgħid li Scicluna u Fenech bdew jimxu wara r-raġel u jippuntaw lejh u jgħidulu biex jieqaf jitfa’ l-ġebel.

L-Ispettur Arnaud staqsa dwar in-number plates tal-karozza. Ix-xhud jgħid li Scicluna kien qalu li serqulu n-number plates u dan reġa’ xtrahom mingħand Transport Malta. Jgħid li n-number plates kienu fuq ġewwa tal-karozza iżda meta niżlu għar-raġel kemm Scicluna u Fenech qalulu biex jaqleb in-number plates b’tali mod li dawn ma jidhrux minn barra. Fenech qaleb ta’ wara filwaqt li x-xhud qaleb ta’ quddiem.

Meta reġgħu daħlu fil-karozza n-number plates inqalbu lura.

L-Ispettur Arnaud staqsa lix-xhud x’kienet reazzjoni wara dan l-episodju, qal li kollha kemm huma qalu ‘X’affarijiet dawn joqgħod jiġi f’pajjiżna u jitfa’ l-ġebel lejn il-Maltin u hekk’.

10:01 Jitla jixhed Jason Green (il-ħabib ta’ Scicluna u Fenech) li ġie mwissi li dak li jgħid jista’ jintuża kontrih minħabba l-episodju tar-rota.

Green jaħdem bħala deliveryman u jgħid li jaf lil Scicluna xi 3 snin u sar jafu mill-play station filwaqt li lil Fenech ilu jafu ftit xhur għax laqqgħu miegħu Scicluna.

Green jgħid lill-Qorti li ma kienx jiltaqgħu spiss iżda meta kien ikun għall-kaċċa, Scicluna kien imur ħdejh. Huwa semma ‘Pembroke, Siġġiewi, Ħal Fa… haw mhux Ħal Far, Ħal Safi’.

Green jgħid li Lorin Scicluna li huwa dilettant tal-armi u tal-karozzi. Jgħid li huma kienu jitkellmu fuq il-play station. L-Ispettur Arnaud jsaqsi lil Green jekk mill-mod kif kien iżomm lit-Toyota Starlet jurix li kien dilettant tal-karozza. Jgħid li huwa kien iżomm il-karozza.

Il-ħabib ta’ Fenech u Scicluna, jgħid lill-Qorti ‘ee tal-windscreen’. Jgħid li Fenech kien qalu li nkissirlhom il-windscreen. Meta mistoqsi meta sar dan, jgħid li ilu xi xahar. Green jgħid lill-Qorti li meta kienu Ħ’Attard fil-pastizzeria fejn jaħdem Scicluna, Fenech kien qalu li tajru lil xi ħadd u tkisser il-windscreen.

Huwa jirrakkonta li dakinhar fil-pastizzeria, Fenech qalu ‘li nkissirlhom il-windscreen għax tajru wieħed Ħal Far’. L-Ispettur Arnaud jsaqsi lix-xhud jekk qalulux iktar dettalji dwar dan l-inċident. Huwa jgħid li Scicluna ma kien qalu xejn dwar dan il-każ. Kompla jgħid li r-ritratt tal-windscreen rah fuq il-mowbajl ta’ Francesco Fenech.

Jgħid li Fenech kien bagħat ir-ritratt tal-windscreen mifquh fuq il-groupchat li kellhom bejnithom fuq WhatsApp.

Green jgħid li meta sema’ bil-każ ħassar kollox, il-konverzazzjonijiet magħhom, meta sema’ ‘li ġew arrestati u hekk’.

Ix-xhud jgħid li Fenech kien qalu li kien immigrant b’tonn normali, huwa kompla jgħid lill-Qorti li ma jaħsibx li għamlu rapport li tajru immigrant.

Meta x-xhud kien mistoqsi mill-Ispettur Arnaud dwar Scicluna u Fenech u kif kienu jaħsbuha dwar l-immigranti, huwa wieġeb:

Li Scicluna kien jgħidlu li ‘Ma għandux grazzja magħhom, qed jintela’ l-pajjiż bihom u ħa jikkmandaw  huma’

Li Fenech kien jgħidlu ‘Kien jgħidli l-istess ħaġa, li hawn wisq minnhom u li se jinvaduna’ 

09:50 Jibda l-kontro-eżami minn Gianella De Marco.

L-Ispettur Arnaud ikkonferma li din kienet ta’ Lorin Scicluna. Arnaud jgħid li l-pistola SVT ta’ 9mm kienet irreġistrata f’isem Lorin Scicluna. Jgħid li Lorin Scicluna stess kien ta din l-informazzjoni. Il-magazine kienet estiża għal ħames rounds. Arnaud jgħid li nstabu sitt casing mal-art.

Scicluna kien qal mal-Pulizija li sparaw sitt jew seba’ tiri.

F’tweġiba għall-avukat De Marco, Arnaud jgħid li Lorin stess kien qal li huwa kien qed isuq il-karozza kemm fis-6 ta’ April kif ukoll fil-hit and run.

09:26 Jidħol fl-Awla il-Maġistrat Ian Farrugia. Jibda jixhed l-Ispettur Keith Arnaud, jgħid li Fenech kellem lill-avukat tiegħu Gianella De Marco permezz tat-telefon. Jgħid li fl-ewwel stqarrija Fenech ikkonferma li sar jaf lil Scicluna waqt ir-riklutaġġ tal-armata. Spjega li Fenech qal li huma kienu stazzjonati f’taqsmiet differenti tal-Armata.

Meta kien mistoqsi dwar l-immigranti, Fenech kien qal li ma jobgħodhomx iżda ‘kontra l-fatt li jiġu hawn Malta’. Huwa kien qal fl-istqarrija li meta kienu jmorru Ħal Far kienu jmorru ‘bħala ċajt’ u mhux b’mibgħeda.

Fenech huwa stazzjonat fis-C company infantry u bħala part-time jaħdem ma’ missieru fil-boatyard.

Meta kien mistoqsi dwar Cisse, kien qal li l-Pulizija li huwa mhux involut filwaqt li saħaq li ma għandux x’jaqsam.

Dwar il-każ ta’ meta kissru r-rota ta’ immigrant, Fenech kien ta verżjoni differenti minn ta’ Scicluna. Skont Fenech l-immigrant li kien għaddej fuq ir-rota beda jgħati bis-sieq fil-bieba għall-ebda raġuni, u huma niżlu għalih u kissrulu r-rota.

Dwar il-hit and run, Fenech ċaħad u qal li Scicluna kien qalu li ħabat f’central strip.

Fenech ċaħad li ġieli spara fuq qtates u qal li sparaw fuq ħamiem u għasafar.

Dakinhar li seħħ il-każ, Fenech ċaħad li kien ma’ Scicluna iżda kien miegħu qabel fil-ħanut Ħ’Attard. Fenech kellu l-mowbajl mitfi u kien hemm xi missed calls minn omm Fenech kemm lil Francesco u lil Lorin, iżda ma wieġibx għala kien mitfi l-mowbajl.

L-Ispettur Arnaud qal li kelmu lil kuġin ta’ Fenech li kien qal mal-Pulizija li kien jaf li mhux qed jagħmilha ma’ nies mhux ta’ karattru tajjeb. Il-kuġin ta’ Fenech assuma li setgħu kienu involuti. Francesco Fenech kien irrakkonta lill-kuġinuh dwar l-inċident tar-rota. Il-kuġin ta’ Fenech sar jaf lil Scicluna għax it-tnejn kienu dilettanti tal-armi. Il-kuġin ta’ Fenech qal lill-pulizija li Scicluna ried jixpakka l-barrel tal-arma, iżda huwa kien wissa’ kontra dan.

Wara l-każ jidher li l-kuġin ta’ Fenech bagħat lil Francesco ‘irrid inkelmek tibqax tagħmilha ma’ dawk in-nies’ liema messaġġ għadu jeżisti jgħid l-Ispettur Arnaud.

Il-Maġistrat iwaqqaf lil omm Scicluna għax tidher ‘qed tidħak’, hi kienet qed tirreaġixxi għal dak li qal il-kuġin ta’ Fenech lill-pulizija fejn kien wissa’ lill-kuġinuh kontra Scicluna għax ma għandux karattru tajjeb. Il-Maġistrat jitlob lil omm Lorin Scicluna tqum u jgħidilha biex tieqaf tidħak. Hi twieġeb, ‘nidħak meta dan hu t-tifel tiegħi?’

Il-Pulizija kellmu wkoll lil ħabib ta’ tnejn li huma li kien magħhom fit-Triq il-Ġebel meta kissru r-rota tar-raġel immigrant. Ir-raġel qal li kienu għalmuh kelma bl-Għarbi li tfisser li toffendi lil missier dak li jkun. Dakinhar li kissru r-rota huma kienu t-tlieta flimkien u kienu qegħdin għall-kaċċa fl-għalqa tar-raġel. Dawn riedu jixtru xi ikel u għalhekk nieżlu Birżebbuġa jixtru l-ikel. Waqt li kienu għaddejn iltaqgħu mal-immigranti u huma t-tlieta qabdu jgħajjtu dil-kelma lill-immigrant. Dan qabad jgħajjat u dawn niżlu għalih bl-immigrant jaħrab jiġri.

Il-ħabib ta’ Fenech u Scicluna qal li r-raġel tefalhom il-ġebel laqgħat lill-karozza u l-Green f’siequ. Huwa stqarr li ma missewx l-immigrant li kien ħarab jiġri imma kissrulu r-rota.

Il-ħabib ta’ Fenech u Scicluna qalu wkoll li l-akkużati qalulu meta tajru lill-immigrant u faqgħu l-windscreen bih. Huwa stqarr mal-pulizija li kien ħassar ir-ritratt mibgħut minn Scicluna li turi l-windscreen mkissra.

09:16 Jidħol wieħed mill-akkużati f’Awla 8 fejn hawn diversi qraba preżenti. Ftit tal-minuti wara daħal fl-Awla t-tieni akkużat.

Mistennija tkompli x-xhieda fil-konfront taż-żewġ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta li qed jiġu mixlija bil-qtil tar-raġel mill-Kosta tal-Ivorju Lassana Cisse Souleymane. Iż-żewġt irġiel, Lorin Scicluna u Francesco Fenech, qed jaffaċċjaw numru ta’ akkużi.

Fl-aħħar seduta ħareġ li ż-żewġ akkużati kienu jmorru Ħal Far jaqbdu mal-immigranti. Ħareġ ukoll li dakinhar li seħħ il-każ huma kienu marru biex isibu qattusa fuqxiex jisparaw.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Trevor Micallef u l-Ispettur Keith Arnaud.

Għal Lorin Scicluna qed jidhru l-avukati Franco Debono, Kris Busietta u Julian Farrugia, filwaqt li għal Francesco Fenech qed tidher l-avukat Gianella De Marco. Filwaqt li l-avukat Arthur Azzopardi qed jidher għal parte civile.

AQRA: Qtil Ħal Far: ‘Kienu jinżlu Ħal Far jaqbdu mal-immigranti’

AQRA: Aġġornata (6): Żewġ suldati għall-Qorti dwar il-każ tal-qtil f’Ħal Far

AQRA: Filmat: Qtil Ħal Far: Qatt ma smajt argumenti biex tintrefa’ responsabbiltà politika – PM

AQRA: Filmat: Qtil Ħal Far: ‘Minn miċħud għal eliminat’; Bżonn ta’ analiżi kritika – l-Arċisqof