Qtil Ħal Far: ‘Sħabi kienu qaluli li Malta m’hawnx razziżmu’

Il-Qorti awtorizzat ir-rilaxx tal-katavru ta’ Lassana Cisse, raġel ta’ 42 sena li nqatel f’Ħal Far. Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żewġ suldati li qed jiġu akkużati bil-qtil tal-immigrant.

Fis-seduta tal-lum xehed wieħed mill-vittmi li spjega x’ġara dakinhar li huwa kien miexi lura d-dar.

Il-każ se jkompli fil-25 ta’ Lulju fid-9.30am

Aqra: 

13:17 Il-Prosekuzzjoni nfurmat lill-Qorti li hi kkomunikat mal-mediċi fl-investigazzjoni. L-Ispettur Arnaud huwa nfurmat li b’mod definitiv il-katavru ta’ Lassana Cisse ma għadux meħtieġ għall-investigazzjonijiet.

Id-difiża ma sabitx oġġezzjoni biex il-katavru ta’ Cisse jiġi rilaxxat.

Il-Qorti laqgħet it-talba u tordna u tawtorizza r-rilaxxa tal-katavru ta’ Lassana Cisse.

L-avukat Arthur Azzopardi għandu jippreżenta nota biex jiġi spjegat minn se jieħu l-katavru.

Is-seduta ġiet aġġornata għal 25 ta’ Lulju fid-9.30am.

13:00 L-Ispettur Keith Arnaud talab lill-Qorti biex wara dak li ħareġ mix-xhieda tal-lum fejn saret referenza għall-vettura Volkswagen Golf li hi rreġistrata fuq isem Francesco Fenech, biex il-vettura tiġi minnufih maqbudha taħt l-awtorità tal-Qorti u sabiex fuqha jsiru l-aċċertamenti kollha meħtieġa sabiex b’hekk tiġi ddeterminata jekk dik il-vettura hix il-vettura li dehret fil-filmati mertu ta’ din l-investigazzjoni.

Se jkun appuntat surveyor biex jinspezzjona l-karozza.

L-avukat Stephen Tonna Lowell isostni li huwa importanzi li tiġi ppreservata l-evidenza. Id-difiża ma oġġezzjonatx iżda irreservat id-dritt biex tintalab li l-vettura tiġi rrilaxatta.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni. Il-Qorti ddikkjarat li l-karozza se tkun miżmuma mill-Qorti filwaqt li r-reġistratur tal-Qorti bl-assitenza tas-surveyor.

12:51 Id-difiża ddikkjarat li sakemm mhux meħtieġ fi stadju ulterjuri li depożizzjonijiet mogħtiha fl-atti tal-inkjesta m’hemmx bżonn li ssir it-traduzzjoni tagħhom mill-Ingliż għall-Malti.

Il-Qorti appuntat espert biex jipprepara t-transcript tal-istatements li ż-żewġ akkużati taw lill-Pulizija fuq l-audiovisual.

Il-Qorti estendiet l-inkarigu tal-espert Martin Bajada, biex iż-żewġ mowbajls li ġew esebiti llum u joħorġ l-informazzjoni minnhom.

L-avukat Arthur Azzopardi staqsa jekk hemmx xi oġġezzjoni biex jinħatar Martin Bajada bħala espert. Bl-avukat Franco Debono jgħid li m’hemmx oġġezzjonijiet u li kieku kien il-każ kienu jgħidu hekk mill-ewwel.

12:44 L-Ispettur Keith Arnaud ppreżenta żewġ mowbajls, l-iPhone ta’ Scicluna li ġie elevat minn fuqu waqt l-arrest. L-iPhone ġie ppreżentat bis-security pin li kien tah Scicluna dakinhar tal-arrest tiegħu.

Huwa ppreżenta l-mowbajl Samsung ta’ Fenech. Fuq l-envelope hemm ukoll il-pin code tal-mowbajl ta’ Fenech.

Huwa ppreżenta formalment l-vettura Toyota Starlet li tinsab fil-laboratorju forensiku tal-Pulizija.

12:32 Jixhed kuntistabbli ieħor li huwa stazzjonat ukoll fid-dipartiment tas-CID. Jgħid li huwa kien inkarigat flimkien mal-kollegi tiegħu bdew ifittxu l-kameras tas-sigurtà fejn kellhom ifittxu karozza partikolari minn fuq il-filmati.

Ix-xhud spjega li waħda mill-marki distinitiva li kellha l-vettura hi li kienet bla pjanċi.

Il-Kuntistabbli jgħid li kien riekeb fil-karozza mal-avukat ta’ Scicluna, Jason Azzopardi.

Il-Prosekuzzjoni staqsiet jekk jafx għala marru Ħ’Attard u Raħal Ġdid, huwa jgħid li għax Scicluna ried juri fejn iltaqa’ mar-raġel. Jgħid li huwa wasal sa Raħal Ġdid bil-vettura tas-servizz. Spjega li huwa sema lill-imputat jgħid “mhux jien sparajt” u beda jibki waqt li kienu Raħal Ġdid.

Kompla jgħid li wara wassal lil Azzopardi u mar id-Depot.

12:30 Ix-xhud ġie muri diversi ritratti u spjega x’inhuma juru.

Spjega li dakinhar li seħħ il-każ, fi triq lura għall-ħabta tal-11.30pm tidher Volkswagen sewda misjuqa lejn il-garaxx ta’ Scicluna. Spjega li din waqfet quddiem il-garaxx ta’ Scicluna.

Il-Volkswagen hi tal-imputat Francesco Fenech.

12:20 L-uffiċjal tal-Pulizija qal lill-Qorti li Scicluna ttieħed lura id-Depot. Spjega li l-akkużat tkellem mal-avukat tiegħu għal madwar xi siegħa qabel ma kien interrogat mill-Pulizija Jgħid li huwa kien fost dawk l-uffiċjali li akkumpanjaw lil Scicluna flimkien mal-avukat tiegħu fejn allegatament iltaqa’ ma’ Libjan li selliflu l-karozza.

L-uffiċjal sostna li Pulizija ieħor qal lill-avukat Jason Azzopardi li “l-istorja mhix tagħmel sens”, u hawn Azzopardi kien saħaq ma’ Scicluna biex jgħid il-verità. Ix-xhud qal li x-xhud beda jibki u minn hemm marru lejn Delimara. Sostna li huwa kien ix-xufier u aġġixxa fuq instruzzjonijiet li tah Scicluna stess. Jgħid li Delimara kien hemm il-munizzjoni li Scicluna rema fil-baħar wara d-delitt.

Sostna li fil-karozza fuq is-seat tal-passiġġier fuq quddiem kien hemm l-Ispettur Trevor Micallef, filwaqt li wara kien hemm Scicluna flimkien ma’ uffiċjal ieħor tal-Pulizija. Spjega li l-avukat u uffiċjal tal-pulizija segwew f’vettura differenti.

L-uffiċjal tal-Pulizija xehed li Scicluna umbgħad beda jgħid “mhux jien, mhux jien”, filwaqt li nsista li ma kienx hu li spara. Spjega li fl-aħħar meta Scicluna kien waħdu mas-Surġent huwa semma’ lil Fenech.

12:10 Jixhed uffiċjal tal-Pulizija mis-CID. Jgħid li huwa kien iċċekkja il-kameras tas-sigurtà. Jgħid li huwa flimkien mal-kollegi tiegħu segwew il-karozza fuq il-filmati tal-kameras tas-sigurtà mill-post fejn seħħ l-inċident sa Triq is-Sorrijiet f’Raħal Ġdid.

L-uffiċjal spjega fid-dettal il-ħidma tagħhom.

L-uffiċjal tal-Pulizija spjega li meta Lorin Scicluna kien arrestat, kien huwa stess li urihom il-karozza u taħhom mazz ċwievet li kien jinkludi ċwievet għad-dar u għall-garaxx. Scicluna wera lill-Pulizija l-armi u l-munizzjon taħt is-sodda.

Ix-xhud jgħid li kien involut fit-tfittxija li saret fuq id-dar u l-garaxx ta’ Scicluna.

Huwa qal li sabu t-tape iswed u l-istickers bħal dawk li kienu miżjuda fuq il-vettura wara li seħħ il-każ.

12:00 Bahh qal li huwa ħareġ il-mowbajl mill-basket u ċempel lill-ħabib tiegħu li kien id-dar biex dan iċempel lill-Pulizija.

Jgħid li sieħbu qalu li ma kienx jaf in-numru tal-Pulizija ta’ Malta.

Il-Prosekuzzjoni staqsiet x’għamel wara, bil-vittma jispjega li baqa’ fl-għalqa sakemm ġew il-Pulizija mill-għassa ta’ Birżebbuġa.

Il-Pulizija malli waslu fuq il-post staqsewh jekk għandux id-dokumenti, b’Bahh iwieġeb “iva”.

Il-vittma qal li huwa dam madwar ġimgħatejn rikoverat f’Mater Dei. Bahh qal li apparti l-ġrieħi fil-warrani, ma garrabx iktar ġrieħi.

Bahh qal li minn mindu telaq minn Mater Dei ħadd ma rah.

Fl-aħħar il-prosekuzzjoni staqsiet jekk huwa jafx lil xi ħadd mill-akkużati, b’Bahh iwieġeb ‘le, le, le’.

11:51 L-avukat De Marco tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti li x-xhud qed jgħid kliem li mhux jiġi tradotti fil-Qorti.

Il-Maġistrat qal lil Anthony Licari biex jinżel minn fuq il-pedina tax-xhieda u biex Bahh jitla’ fejn minfloku, biex b’hekk jiġi rrekordjat dak li qed jgħid Bahh kif ukoll Licari.

Bahh ġie mistoqsi jekk meta ntlaqgħet kien għadux iħares lejn Ħal Far. Huwa jwieġeb “iva”.

Huwa spjega li kien milqut fil-ġenb tal-warrani tiegħu, filwaqt li indika b’idu fejn intlaqgħat.

Bahh spjega li huma ġrew għal ġo trejqa.

Il-Prosekuzzjoni saqsiet jekk jafx minn fejn ġew it-tiri jekk mhux minn naħa tax-xufier jew tal-passiġġier. Bahh jgħid li ma jafx minn fejn ġew it-tiri. Huwa jgħid li dar biex jara, filwaqt li fil-Qorti dar fuq in-naħa tax-xellug tiegħu.

11:41 Il-prosekuzzjoni tkompli staqsiet lix-xhud biex jiddeskrivi l-vettura.

Ix-xhud jgħid ‘blanc’ bit-tradittur jibqa’ ċass. Il-Maġistrat hawn intervjena u qal li anki hu fehmu li qal ‘abjad’. It-tradittur jgħid li bajda tingħad ‘blanche’ u ‘blanc’. Il-Maġistrat issostni li t-tradittur għandu jkun prattiku u mhux jeħli l-ħin tal-Qorti.

Jgħid li l-karozza kienet madwar żewġ metri l-bogħod. Bahh sostna li ma rax min spara fuqhom.

Bahh spjega li l-karozza waqfet warajhom, sparat fuqhom u laqtu lilu. Jgħid li wara li sparaw fuqu huwa fehem li kienu laqtuh. Bahh spjega li huma ħarbu lejn l-għelieqi.

Ix-xhud kien mistoqsi jekk jafx min spara għalih, bil-vittma jgħid li le.

11:31 Il-Maġistrat staqsa kemm għadda ħin bejn minn meta semgħu ‘pum-pum-pum’ u meta sparaw fuqhom. Bahh iwieġeb li kienu lanqas għaddew tliet minuti.

Il-Maġistrat staqsa jekk huwa rax xi ħaġa, jgħid li l-karozza kienet mixja lejhom. Bahh jgħid li meta l-karozza waslet ħdejhom huwa sema’ l-ħsejjes tal-isparar li ġew minn quddiemu.

L-avukat Gianella De Marco intervjeniet toġġezzjona għall-intrepetazzjoni tal-interpretu. Fakritu li xogħlu huwa ta’ tradittur fidili għall-mistoqsijiet li qed isiru.

L-avukat Stephen Tonna Lowell ukoll żied jgħid li t-tradittur żied suġġeriment fil-mistoqsija li saret mill-Ispettur Arnaud.

It-traduttur sostna li l-vittma jitkellem Franċiż mhux standard.

11:19 Il-Maġistrat staqsa lix-xhud x’ġara huma u mixjin lejn id-dar. Spjega li waqt li huma mixjin, huma semgħu xi arma, “pum pum pum”. Jgħid li huma ma ħasbux li kienet arma. Bahh jgħid lill-Qorti li huwa waqaf u qal lill-ħabib tiegħu li huwa kien qed jisma’ ħsejjes quddiemhom.

Il-prosekuzzjoni staqsiet f’liema parti tat-triq kienu x’ħin semmgħu l-ħsejjes. Jgħid li huma kienu f’parti tat-triq fejn hemm djar fuq ix-xellug u l-lemin, żied li hemm hekk m’hemmx dawl.

Il-prosekuzzjoni staqsiet x’sema’ u x’ra dak il-ħin. Bahh qal li waqaf u tkellem ma’ sieħbu dwar il-ħsejjes, b’dan iwieġeb li kienu “musketerija”. Umbgħad huma komplew mixjin. Sostna li huma semgħu bħal “petards” filwaqt li qal “pum-pum-pum”.

Kien mistoqsi jekk ma rax xi ħaġa oħra. Jgħid li kien hemm karozza waħda li kienet sejra minn Ħal Far għall-Birżebbuġa.

Jgħid li din il-karozza għaddiet minn ħdejhom u hemm sema’ t-tiri. Bahh sostna li ma jafx kemm ġew sparati tiri, huwa u jmiss il-parti fejn sparalu.

Jgħid li ħass xi ħaġa niżżel il-qalziet u ra il-bullet.

Il-prosekuzzjoni saqsiet minn fejn ġew it-tiri.

11:11 Bahh ikompli jispjega x’ġara dakinhar li seħħ il-każ. Jgħid li huwa flimkien ma’ sieħbu telqu minn EasyBet bil-mixi.

L-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-Prosekuzzjoni staqsa jekk ix-xhud jiftakarx minn fejn irid jgħaddi biex imur lejn id-dar, u jekk marrux dritt lejn id-dar. Bahh wieġeb li huma mxew direttament lejn fejn joqgħodu.

Il-Maġistrat Farrugia staqsa jekk huma għaddewx minn triq li mhix residenzjali. Bahh spjega li telqu mill-EasyBet, għaddew minn parti residenzjali. Huwa qal li telqu mill-ħanut huma ddiskutew il-logħba li kienet għadha kif intemmet.

11:00 Ibrahim Bahh wieħed mill-vittmi, jitla’ jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żewġ suldati akkużati bil-qtil ta’ Lassana Cisse. Huwa qed ikun assistit minn interpretu. Bahh flimkien mal-ħabib tiegħu kienu fi triqthom lejn id-dar meta allegatament sparaw fuqhom fi Triq il-Ġebel.

Bahh huwa mill-Guinea u huwa residenti f’Ħal Far. Hu ilu f’Malta għal 8 xhur. Kompla jgħid li huwa ġie Malta qalu ħabib tiegħu biex jiġi hawn hekk kif in-nies huma tajbin u m’hawnx razziżmu.

Huwa spjega li dakinhar li seħħ il-każ, Bahh mar jara logħba futbol bejn Atletico Madrid u Barcelona l-EasyBet f’Birżebbuġa. Bahh kompla jgħid li baqgħu fil-ħanut sa madwar 10.30pm.

Mistoqsi xi jfisser meta jgħid “aħna konna qed naraw il-logħba”, Bahh spjega li kien hemm ħafna nies qed jaraw il-logħba.

Il-Maġistrat Ian Farrugia saqsa lix-xhud meta telaq mill-ħanut telaqx waħdu jew ma’ xi ħaddieħor. Bahh jgħid li huwa telaq mill-ħanut ma’ Muhammed Diallo mill-Gambja.

10:49 It-tieni xhieda huwa rappreżentat tal-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li qed ifittxu Ażil (AWAS). Huwa l-koordinatur taċ-Ċentru Miftuħ f’Ħal Far. Il-koordinatur ppreżenta l-log book li jgħid li persuni oħra ġabu persuna mimlija demm lill-uffiċjali taċ-Ċentru biex dan jista’ jkun jiġi assist.

Il-koordinatur jgħid li l-persuna l-ewwel qalet li kienet involuta fi ġlieda iżda eventwalment qal li kien mtajjar minn karozza.

Huwa qara mil-log book tat-2 ta’ Frar fejn l-inċident kien rrappurtat fl-10.10pm.

“Security brought injured resident to the centre with blood on his face and a wound on his head, at first he said he was involved in a fight in Birżebbuġa, then he said he had been involved in a traffic accident.”

Spjega li ċemplu lill-ambulanza umbgħad marru l-għassa tal-Pulizija f’Birżebbuġa.

Jgħid li dakinhar kien hemm ħames support workers xogħol dakinhar.

L-avukat tad-difiża Gianella De Marco fil-kontro-eżami staqsiet lix-xhud jekk l-uffiċjali tas-sigurtà kienux preżenti meta seħħ l-allegat inċident. B’dan iwieġeb fin-negattiv.

De Marco staqsiet ukoll jekk huwa qatt ikkonfrontax lil Malini fuq dan l-inċident. Bih iwieġeb fin-negattiv.

10:46 L-ewwel xhud tal-lum hi rappreżentata tal-Vodafone li ppreżentat dokument fil-Qorti.

10:45 Ninsabu f’Awla numru 8 fejn qed tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żewġ suldati Francesco Fenech u Lorin Scicluna akkużati bil-qtil ta’ raġel mill-Kosta tal-Avorju, Lassana Cisse.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud. Nadia Attard qed tidher mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Filwaqt li l-avukat Arthur Azzopardi qed jidher għal parte civile.

Għal Lorin Scicluna qed jidhru l-avukati Franco Debono, Kris Busietta u Julian Farrugia, filwaqt li għal Francesco Fenech qed tidher l-avukat Gianella De Marco u Stephen Tonna Lowell.

Aqra iktar: 

Qtil Ħal Far – Biżżejjed evidenza biex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

Qtil Ħal Far: ‘Kienu jinżlu Ħal Far jaqbdu mal-immigranti’

Aġġornata (6): Żewġ suldati għall-Qorti dwar il-każ tal-qtil f’Ħal Far

Filmat: Qtil Ħal Far: Qatt ma smajt argumenti biex tintrefa’ responsabbiltà politika – PM

Filmat: Qtil Ħal Far: ‘Minn miċħud għal eliminat’; Bżonn ta’ analiżi kritika – l-Arċisqof