Qtil Ħal Far: Tixhed l-eks tfajla ta’ wieħed mis-suldati

Read in English.

12:42 Jixhed Kuntistabbli li jaħdem fit-taqsima ta’ CID.

12:34 Tibda l-kontro-eżami l-avukat Gianella de Marco li qed tidher għal Francesco Fenech. Ix-xhud qalet li bdilet il-mowbajl għax inkissret il-kamera ta’ wara. Sostniet li fil-mowbajl il-ġdid ma għandhiex in-numru ta’ Lorin Scicluna. Tgħid li l-messaġġi wrietuhom lill-Ispettur Arnaud.

Hi ssostni li kienet fittxet il-messaġġi li kellha ma’ Lorin biex ftakret li kienet qed tara film.

L-avukat De Marco staqsietha jekk kinitx innuttat xi tibdil fil-karozza, bix-xhud issostni dak li diġà semmiet.

12:32 “Inġibuh magħna biex ma jħallihx waħdu d-dar,” hekk kien jgħid Lorin Scicluna lill-eks tfajla tiegħu dwar Francesco Fenech. Tisħaq li Lorin Scicluna kien iħobb il-kumpanija ta’ Fenech.

12:13 Se tkompli l-kawża. L-akkużati reġgħu lura fl-awla, b’Scicluna jidher qiegħed jibki. Imiss issa l-kontro-eżami tax-xhud.

L-avukat Franco Debono li qed jidher għal Scicluna jagħti bidu għall-kontro-eżami.

Huwa jsaqsiha jekk l-Ispettur Arnaud kienx bagħat għaliha. Hija twieġeb ‘iva’. Tgħid li huwa beda jsaqsiha l-mistqosijiet dwar ir-relazzjoni tagħhom.

Kemm ix-xhud u kemm Scicluna u l-familjari jinsabu qed jibku fl-awla. Hi tgħid li kellha relazzjoni tajba ħafna anki mal-familja tiegħu f’dawk is-sentejn u seba xhur. Hi kienet mgħajta l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fl-istess ġurnata li Scicluna kien arrestat.

Hi sostni li Fenech ma kellux tfajla.

L-avukat Debono jistaqsiha xi tiftakar f’dawk l-okkażjonijiet li ltaqgħu t-tlieta huma. Hi tispjega li meta kienu joħorġu u kien jgħaddi għalihom Francesco kien jgħaddi l-ewwel għal Scicluna imbgħad imorru għaliha.

Hi tgħid li Scicluna kien ‘iġorr’ lil Fenech magħhom. Iżżid tgħid li kienet tarah ftit żejjed minħabba li huma kienu koppja u kien iġibu magħhom. Tiddeskrivi lil Scicluna bħal wieħed li jħobb il-kumpanija.

Debono jistaqsi lix-xhud dwar id-drabi li Fenech ġie magħhom. Hi tgħid li l-ewwel darba ‘ħeq ok’. Mat-tieni darba hi ġibdet l-attenzjoni ta’ Scicluna dwar il-presenza ta’ Fenech, għax ma kinitx taraha tagħmel sens li jġib lil sieħbu miegħu.

L-avukat Debono staqsiha jekk tiftakarx sew li kienu ltaqgħu t-tlieta li huma xi ħames darbiet, b’darba minnhom tmur magħhom ir-range. Hi tgħid żgur li fid-darbtejn li marret ir-range ma’ Scicluna ma kienx hemm Fenech.

Ix-xhud tgħid li qatt ma qaltlu jew urietu li ma riditux magħhom, b’xhud tisħaq li f’każijiet bħal dawn, tgħid lil Scicluna u jaraha hu.

11:38 Seduta sospiża sakemm jittressqu xi nies taħt arrest.

11:22 Ix-xhud tgħid li Scicluna beda jċempilha mill-ħabs fuq il-mowbajl qisu kull erbat ijiem. Hi tgħid li filgħaxija stess qabel ġie arrestat kellimtu. Tgħid li jekk tiftakar sew kien raqad għandha lejl qabel. Tispjega li dak il-lejl huwa kien qalilha għall-ewwel darba fuq il-hit and run, meta kien ma’ Fenech f’Birżebbuġa. Hi tgħid li huwa kien qalilha li bniedem ta’ karnaġġjon skur kien ħarġilhom għan-nofs u tajruh. Kien qalilha li huma tkellmu u kulħadd mar id-dar.

Ix-xhud tispjega li Lorin kien qalilha li kien kissirlu l-windscreen bid-daqqa iżda l-bniedem ma weġġax. Hi kienet mistoqsija min kien qed isuq u twieġeb “suppost Lorin dejjem.”

Dak il-lejl ftit qabel ma ġie arrestat u aktarx raqad għandha, il-Maġistrat saqsiha x’wassal għad-diskursata. Hi ssostni li huwa qabad u qalilha u ma kienx hemm diskussjoni li waslet għaliha.

Il-Prosekuzzjoni tistaqsi lill-eks tfajla ta’ Scicluna dwar kummenti li ġieli għamel dwar persuni ta’ karnaġġjon skura. Hi tgħid li kien jgħid li dawn jaħsbu li “they want to rule the place”.

11:12 Hi tgħid li kienu biss xi darbtejn jew tlieta li kienet preżenti meta Scicluna u Fenech kienu preżenti flimkien.

Il-maġistrat saqsa lix-xhud jekk kienx hemm xi ħaġa li qatt ġibdiltha l-attenzjoni. Sostniet li huma t-tlieta marru xi darbtejn, tlieta jieklu flimkien imbgħad Scicluna u hi kienu jmorru d-dar waħidhom.

Mistoqsija x’kien hemm li jgħaqqadhom, hi twieġeb l-Armata.

“Ma nafx jekk Francesco, qatt ma marx miegħu l-kaċċa,” kompliet tispjega li ma tafx jekk qatt akkumpanjah.

Id-delizzji ta’ Scicluna jmur ir-range u jilgħab bil-playstation.

Il-Maġistrat jispjega li hi kellha relazzjoni ta’ sentejn u seba’ xhur mal-akkużat u spiċċaw ftit ġranet wara li seħħ wara l-arrest. Hi tisħaq li kollox saret taf mill-midja. Huwa jispjegalha li l-Prosekuzzjoni qed tgħidilha biex tmur lura fiż-żmien u tiftakar jekk ratx jew semgħetx xi ħaġa li issa tifhem aktar dak għalfejn ġara.

Hi tisħaq li quddiemha qatt ma għamel xejn. Iżda jekk ikunu fit-triq u jkun hemm raġel karnaġjonn skura u jħares lejh huwa kien jgħidlu “xi trid? Trid xi ħaġa?” Hi tispjega li darba ġrat Ħaż-Żabbar meta kien qed iwassalha biex tmur tixtri.

Tgħid li dawn l-inċidenti ġraw meta huma jkunu għaddejjin bil-karozza u jekk jieqaf u jkun hemm persuna ta’ karnaġjon skura tħares lejh huwa kien jaqbad u jsaqsihom. Iżda kien jieqaf hemm. Huwa ma kienx jibqa’ għaddej biha wara li jitilqgħu minn fuq il-post.

11:03 Il-prosekuzzjoni wriet ritratti tal-karozza ta’ Scicluna lill-eks tfajla tiegħu. Hi tindika li l-faxx tat-tape fuq il-bieba sar ftit ġimgħat qabel l-arrest.

Hi semmiet il-mera, l-isticker u l-faxx iswed bit-tape.

Ix-xhud kienet mistoqsija kemm kienet tafu lil Francesco Fenech. Hi tgħid li Fenech u Scicluna ltaqgħu waqt ir-reklutaġġ. Hi tgħid li hi ma kinitix “close” ma’ Fenech. Tispjega li sa fejn taf hi Scicluna u Fenech kienu jiltaqgħu spiss.

L-avukati tad-difiża Gianella de Marco u Franco Debono jiġbdu l-attenzjoni tax-xhud.

Hi tgħid li Scicluna meta hi kienet tkun shift ta’ billejl, Fenech u Scicluna kienu jmorru jieklu flimkien.

10:51 Hi tagħraf lill-akkużati fl-awla, lil Scicluna bħala “l-eks boyfriend” u l-ħabib tiegħu Fenech. Hi tgħid li Lorin Scicluna huwa l-eks boyfriend tagħha u għamlu sentejn u seba’ xhur. Sostniet li huma kienu għadhom flimkien sa ftit wara li Scicluna kien arrestat b’rabta ma’ dan il-każ.

Hi tisħaq li ma kienet taf b’xejn u saret taf kollox mill-midja.

Hi tgħid li kienet il-Gallerija l-Fgura tara Dumbo ma’ oħtha dakinhar li seħħ il-każ. Hi tgħid li l-film spiċċa tard, għall-ħabta tal-11pm. Hi żżid tgħid dakinhar Scicluna kien xogħol sa filgħaxija u wara mar xi dawra ma’ Fenech.

Hi spjegat li fl-intermission intbagħatu xi SMSes biex tgħidlu fejn kienet.

Hi tgħid li viċin it-tmiem tal-film beda jibgħatilha u jsaqsiha fejn qegħda, f’liema ċinema, etc. Bix-xhud tgħid ‘int bis-serjetà?’

Wara l-film hi marret id-dar. Lorin kien mar għand it-tfajla tiegħu u raqad hemm.

Il-prosekuzzjoni staqsiet lix-xhud dwar it-Toyota Starlet. Hi tgħid lill-Qorti li kien jużaha huwa biss. Ix-xhud tispjega d-dehra tal-karozza, fosthom li kellha daqqa fuq in-naħa tal-passiġġier meta kienet daħlet waħda fuqhom.

Hi tgħid il-Qorti li kien għamel sticker fuq il-windscreen ta’ wara ftit qabel ma ġie arrestat.

10:50 Tibda tixhed l-eks tfajla ta’ Lorin Scicluna. Magħha hawn l-avukat Ishmael Psaila.

L-Ispettur Keith Arnaud iddikkjara li x-xhud ma għandha bżonn l-ebda twissja u ma teżisti l-ebda indikazzjoni li jistgħu jittieħdu xi proċeduri fil-konfront tagħha.

10:41 Lorin Scicluna u Francesco Fenech jintalbu jiġu bilqiegħda quddiem. L-ewwel xhieda tal-lum huwa uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta li f’idejh għandu r-rekords tal-Armata. Huwa ntalab jġib miegħu xi informazzjoni dwar l-akkużati.

Huma ġew irreklutati f’Ottubru 2017.

Francesco Fenech wara li ħa l-ġurament kien intbgħat fl-ewwel reġiment ta’ C-Company.

Filwaqt li Lorin Scicluna kien intbgħat fit-tielet reġiment.

10:39 Uffiċjal tal-iskorta qal li kull m’hemm illum huma 7 uffiċjali għal 30 ruħ. Pulizija osserva li ħadd ma jrid jiġi jaħdem magħhom bħala skorti fl-awli.

10:23 L-akkużati intbgħatu fejn il-qraba sakemm tinstema’ kawża oħra.

Il-Maġistrat Ian Farrugia iżda tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-iskorta u d-dewmien.

Il-Qorti qalet li l-awtoritajiet konċernati li huma konxji tas-sitwazzjoni tal-iskorta, biex b’hekk isir sforz kollettiv biex tali sitwazzjoni titjieb u ssir iktar effiċjenti. Dan qed jingħad għaliex jidher li hemm problema sejra fl-effiċjenza tal-iskorti.

“Minix qed inċanfarkom! Ma jistax ikun li 3-4 minn nies iridu jtellgħu 20 ruħ,” saħaq il-Maġistrat huwa u jindirizza l-iskorta preżenti fl-awla.

Huwa kompla jgħid li din is-sitwazzjoni qed titfa’ piż kbir fuq dawk li qed jesbixxu l-iskorti u qed toħloq problemi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja partikolarment billi qed jinħela ħafna ħin.

Għaldaqstant hi l-fehma tal-Qorti li flimkien il-Kummissarju tal-Pulizija u d-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandhom jindirizzaw din is-sitwazzjoni mill-iktar fiss possibli. Dan se jgħin biex jiġi evitat li jkun hawn ħafna lmenti.

10:14 Il-Qorti qalet li r-rappreżentat tal-GO Plc, Anthony Bonnici, li diġà xehed f’dawn il-proċeduri fil-25 ta’ Lulju għadda kopja tad-dokumenti lid-difiża.

Il-Maġistrat Ian Farrugia qal li ngħataw kopja tad-digriet li huwa ħareġ fis-16 ta’ Settembru lill-prosekuzzjoni u lid-difiża.

10:06 Il-Maġistrat Ian Farrugia josserva li hemm problema “kbira” bl-iskorta biex l-akkużati jitellgħu mil-Lock Up għall-awli. Is-seduta tal-lum kienet mistennija tibda fid-9.30am, iżda kien biss fl-10am li waslu l-akkużati fl-awla.

10:00 Jaslu l-akkużati fl-awla. Scicluna jidher qed jibki. L-Ispettur Keith Arnaud jinforma lill-Qorti li fis-seduta tal-lum mistennija jixhdu t-tfajla ta’ Scicluna, Pulizija u uffiċjal tal-Forza Armati ta’ Malta.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ żewġ suldati akkużati bil-qtil kiesaħ u biered tar-raġel mill-Kosta tal-Ivorju, Lassana Cisse, tkompli dalgħodu. Lorin Scicluna u Francesco Fenech qed jiġu akkużati wkoll li kkawżaw ġrieħi ta’ natura gravi fuq żagħżugħ miċ-Chad. Dan tal-aħħar xehed fl-aħħar seduta.

Cisse inqatel fi Triq il-Ġebel Birżebbuġa f’April li għadda. Filwaqt li Ibrahim Bahh u Mohammed Diallo kienu sfaw feruti.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud. Nadia Attard qed tidher mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Għal Lorin Scicluna qed jidhru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Kris Busietta u Julian Farrugia, filwaqt li għal Francesco Fenech qed tidher l-avukat Gianella De Marco u Stephen Tonna Lowell.

Filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għal parte civile.

Aqra wkoll:

Qtil Ħal Far: Kellu daqqa f’rasu u d-demm f’wiċċu

Qtil Ħal Far – Biżżejjed evidenza biex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

Qtil Ħal Far: ‘Kienu jinżlu Ħal Far jaqbdu mal-immigranti’

Qatt ma smajt argumenti biex tintrefa’ responsabbiltà politika – PM

Aġġornata (2): Iwieġbu mhux ħatja s-suldati akkużati bil-qtil f’Ħal Far

Aġġornata (6): Żewġ suldati għall-Qorti dwar il-każ tal-qtil f’Ħal Far