Qtil doppju: “M’hemmx x’tagħmel la l-moħħ ħadem hekk” – Bonnici

Uffiċjal tal-pulizija li kien qed jeskorta lil Joseph Bonnici, akkużat li qatel lil ommu u lil oħtu f’delitt makabru f’Ħal Għaxaq, lejn il-ħabs, qal li meta kien waħdu miegħu, Bonnici emozzjona ruħu, beda jibki u jiskuża ruħu mal-pulizija talli qalgħalhom dal-inkwiet kollu. Bonnici saħansitra qal, “M’hemmx x’tagħmel la l-moħħ ħadem hekk.”

Din kienet biss waħda mix-xhieda tal-lum, fit-tkomplija tal-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Joseph Bonnici, akkużat li qatel lil ommu Marija Lourdes u oħtu Angele Bonnici. Xehdu rappreżentanti tal-kumpaniji telefoniċi li ntalbu janalizzaw it-telefonati tan-nies involuti, ħaddiema mill-uffiċċju tal-passaporti, u uffiċjali tal-pulizija. L-imgħallem tal-akkużat sostna li l-akkużat hu bniedem sew, u qal li anke l-klijenti jitkellmu favurih.

Fil-qorti ħareġ ukoll li fit-tfittxija tagħhom, il-pulizija nnutaw li kien hemm injama mal-bieb tad-dar tal-familja, li l-akkużat qalilhom li tqiegħdet hemm għax kienu jibżgħu. Fix-xhieda tal-pulizija ssemmiet ukoll l-għarusa tal-akkużat, li lill-pulizija qaltilhom li l-omm u l-bint kienu nkwetati minħabba l-każ ċivili tal-familja, li l-familja trid tħallas ammont ta’ flus lill-ulied tal-vittmi tal-qtil li kien wettaq missierhom, Paul Bonnici.

Il-każ ġie diferit għall-24 t’April.

12:33 Reġgħu żaru d-dar tal-familja. Hawnhekk, Bonnici ammetta li kien tefa’ d-dawl, u qal lil oħtu biex tinżel. Kompla jgħid li ta 2 tiri lil oħtu minn wara, u din bdiet tħarħar, u taha daqqa ta’ mazza. Lil ommu taha daqqa ta’ mazza mill-ewwel. Irrakkonta kif l-ewwel għabba lil oħtu u mbagħad lil ommu għax oħtu kellha l-piż. Fil-31 ta’ Marzu, ittieħdet stqarrija fit-tul minn Bonnici. Fl-1 t’April, il-pulizija fittxew u sabu l-mazza parzjalment maħruqa fil-faċilità tal-Wasteserv. Fil-5 t’April, il-pulizija kellem lill-esperti Mario Cassar u Martin Bajada.

12:20 Pulizija ieħor li xehed irrakkonta wkoll l-involviment tal-pulizija fir-rapport tal-għajbien taż-2 persuni, u t-tfittxija għalihom. Fid-29 ta’ Marzu, il-pulizija waslu għall-konklużjoni li jsejħu lil Bonnici fl-għassa taż-Żejtun sabiex jiġi kkonfrontat fuq l-inkongruwenzi fil-każ. Huwa ġie mitkellem fit-tul, qalilhom li mhux jiddejjaq jitkellem magħhom iżda jrid imur jiekol u jkellem lill-għarusa tiegħu. Il-pulizija sejħu lill-għarusa tiegħu l-għassa, li meta waslet, kien hemm reazzjoni ta’ biki u lfiq. Il-pulizija qalilha biex tikkalma, u hi qaltlu, “Kif nista’, Sir, nikkalma?” Qaltlu li qed tgħaġġel qalbha, u hemmhekk issejjaħ it-tabib tal-poliklinika. F’dal-punt fl-awla, l-akkużat jidher emozzjonat. Il-pulizija jgħid li Bonnici qalilhom, “Din veru, imma tal-istupru mhi veru xejn. Jien xorta lejn il-ħabs kont sejjer.” Hawnhekk marru biex isibu fejn kienu midfuna l-katavri tal-vittmi, u Bonnici ggwidahom. Huwa kien lest jurihom fejn, imma ma riedx imur fuq il-post għax ix-xena ma kinitx sabiħa. Bonnici qalilhom li l-iġsma kienu wara kamra abbandunata, iżda ma sabuhomx, allura kellhom isejħu lil Bonnici biex jurihom hu stess. Qal li kien tefgħalhom xi ġir u ħamrija fuqhom. Ma’ din is-sejba, inħatret inkjesta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li ħatret diversi esperti.

12:10 L-uffiċjal tal-pulizija jgħid li meta kienu waħedhom flimkien hu u l-akkużat, l-akkużat għamel idejh ma’ wiċċu u beda jibki. Qallu, “M’hemmx x’tagħmel la l-moħħ ħadem hekk.” Skuża ruħu tal-“hassle” li ħolqilhom. Kellu €50 fuqu u qallu li b’dawk il-flus, kellu jibda mill-ġdid.

11:52 Jixhed issa uffiċjal ieħor, li hu stazzjonat l-għassa taż-Żurrieq. Qal li mal-ħin, wara li ġew irrappurtati nieqsa, kien ġie traċċat il-mowbajl ta’ Angele. Huwa ta struzzjonijiet lill-pulizija tal-għassa taż-Żejtun biex imorru fiż-żona ta’ Triq il-Parroċċa f’Ħal Għaxaq, fejn immarka li kien il-mowbajl. Meta marru jagħmlu r-ronda, ma sabu xejn. Għalhekk, il-pulizija ried jiltaqa’ ma’ Bonnici bħala l-persuna li għamlet ir-rapport. Sab il-bieb tal-garaxx ta’ mad-dar miftuħ, fejn fuq in-naħa tax-xellug innota bieb tal-ħadid li jagħti għal ġo residenza. Mal-ġenb tiegħu kien hemm kantun maqlugħ, li Bonnici qallu li kien hu stess li qalgħu għax ommu u oħtu jagħmlulu injama wara l-bieb tal-ħadid biex ma jkunx jista’ jidħol minn hemmhekk. Meta staqsieh għaliex, Bonnici qallu li għax kienu jibżgħu minnu. Il-pulizija jgħid li l-ewwel ma nnota kienu l-kameras tas-sigurtà li ġieh suspett li kienu mitfijin minħabba l-infrared. Fit-taraġ kien hemm kamera oħra, u fuq kien hemm kameras faċċata tas-sodda t’ommu, u kkonfermaw li l-kameras kienu mitfijin mill-plakka. Meta ġibed l-attenzjoni ta’ Joseph dwar dan, dan qallu li hu ma tantx jitla’ hemm u ma jafx x’inhi r-raġuni. Meta mistoqsi għaliex għandhom il-kameras tas-sigurtà, Bonnici qal li għamluhom għax kienu jibżgħu. Il-pulizija jgħid li d-dar tħalliet fi stat daqslikieku xi ħadd telaq mgħaġġel. Ħdejn il-monitor tal-kameras fil-kamra tas-sodda tal-omm, kien hemm siġġu tal-injam, portmoni tal-omm, u fuq is-siġġu mowbajl mixgħul. Kif dar mar-residenza, beda jinnota li fil-kċina kien hemm nofs magg mimli b’te jew kafè ġo fih. Fil-kamra ta’ Angele nnota handbag mal-art bil-portmoni bil-liċenzja tas-sewqan, il-karta tal-identità u xi flus żgħar, laptop imqabbad mal-plakka imma mitfi mill-iswiċċ, tablet fuq il-komodina u ashtray bil-loqom. Kien hemm mowbajl ukoll imma Bonnici qallu li oħtu għandha mowbajl ieħor. Il-pulizija beda jissuspetta, u informa lill-pulizija l-ieħor, peress li Bonnici kien qed iwieġbu ħafna, “Ma nafx, ma niftakarx.” Kien hemm ukoll it-tfajla tal-akkużat, li bdiet tgħid lill-pulizija li Marija Lourdes u Angele kienu mbeżżgħin “għaliex inkwetati, għax se tinqata’ l-kawża ta’ missierhom, għax se jintalbu xi flus.” Huwa reġa’ tela’ fil-propjetà u fuq il-bejt innota kamera oħra installata.

11:47 Jixhed uffiċjal tal-pulizija li mar ifittex fid-dar tal-familja. Innutaw li kien hemm kantun tal-ħadid maqlugħ, li Bonnici qal li kien qalgħu apposta għas-sigurtà. Kien hemm injama mal-bieb, u Bonnici qal li ommu kienet tagħmilha għas-sigurtà. Innutaw li kien hemm il-kameras tas-sigurtà. Daħlu fil-kamra ta’ Angele Bonnici, li kien hemm it-taqlib fiha u kienet tidher abitata. Kien hemm ukoll tablet u laptop. Daħlu fil-kċina u fil-kamra t’ommu, fejn is-sodda ma kinitx mifruxa. Kien hemm monitor li kien mitfi. Hemmhekk kien hemm ukoll mowbajl. Telgħu anke ġol-kamra tal-bejt, fejn kien hemm kamra armata qisha kamra tas-sodda. F’12.10pm intalbu jmorru jfittxu fl-għalqa f’Ħal Għaxaq, fejn f’kamra minnhom sabu għodda tax-xogħol tar-raba’. Fl-għalqa ta’ Ħal Kirkop ma nnutaw xejn irregolari.

11:43 L-Avukat Franco Debono jagħmillu kontroeżami. L-imgħallem jgħid li Bonnici ilu sentejn jaħdem miegħu. Jiddeskrivih bħala bravu, tifel sew, kwiet, jaħdem sew, u li x-xogħol li jqabbdu jagħmlu aħjar minnu. Jgħid li x-xogħol kulħadd maħsud, “kulħadd favurih,” għax kien tifel sew.

11:38 Jixhed raġel minn Ħal Għaxaq li Bonnici kien impjegat tiegħu. Huwa, l-imgħallem fil-bejgħ tal-fjuri, qal li mar jiġbor vann li jaħdem bih mingħand Bonnici. Il-pulizija infurmawh li kellhom bżonn jagħmlu xi testijiet fuq il-vann. L-Erbgħa 27 ta’ Marzu, Bonnici ħa jumejn leave, li talabhom lill-imgħallem dakinhar stess, għax qallu li kien qed iħossu ma jiflaħx. Ix-xhud jgħid li Bonnici kien jidher għajjien u ma jiflaħx. Ftit taż-żmien qabel kien għamel operazzjoni, u x-xhud assuma li kien minħabba f’hekk. Dakinhar filgħaxija, ċempel lix-xhud biex jgħidlu li kellu bżonn il-Ħamis leave wkoll. Indikalu li oħtu għandha bżonn xi ħaġa, u għalhekk ma setax jidħol għax-xogħol. Sadattant, ix-xhud ma kienx jaf bl-għajbien taż-żewġ nisa, u sar jaf il-Ġimgħa filgħodu. Il-Ġimgħa 29 ta’ Marzu, Bonnici daħal għax-xogħol, u x-xhud ma staqsieh xejn. Jgħid li Bonnici hu “tifel tal-affari tiegħu, serju.”

11:36 Jixhed uffiċjal ieħor stazzjonat fl-għassa. Huwa qal li għamlu tfittxija fl-għalqa ta’ Ħal Għaxaq, u anke f’għalqa f’Ħal Kirkop li rriżultaw fin-negattiv. Lanqas ma nstab xejn fi Triq Valletta f’Ħal Kirkop.

11:31 Jixhed il-pulizija Dylan Gerada, stazzjonat fl-għassa taż-Żejtun. Qal li għall-ħabta tas-2.30pm daħal Joseph Bonnici, li qallu li jixtieq parir mingħandu. Qallu li l-jum ta’ qabel filgħodu kien l-aħħar li ra lil ommu jew oħtu. Stqarr li kien inkwetat l-iżjed għax ċempillu missieru biex jgħidlu li ma kkuntattjawhx kif jagħmlu ta’ kuljum. Bonnici qal lill-pulizija li hu m’għandux kuntatt tajjeb ħafna ma’ ommu u oħtu, iżda nnota li l-karozza t’oħtu kienet fil-garaxx, u ma kienx jaf jekk il-bagalji ntmessux minn ġod-dar. Daqs nofsiegħa wara, reġa’ mar l-għassa u qalilhom li l-bagalji ma kinux imċaqalqin. Gerada kkuntattja lill-isptarijiet u kliniċi, iżda ħadd ma kellu rapport ta’ Marija Lourdes u Angele Bonnici.

11:30 Titla’ tixhed ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Passaporti, li ntalbet mill-pulizija biex tipprovdi informazzjoni dwar jekk Marija Lourdes u Angele kellhomx passaporti. Ħareġ li dawn qatt ma kellhom passaport f’isimhom.

11:27 Jixhed issa rappreżentant ta’ Transport Malta. Huwa wkoll intalab jagħti informazzjoni lill-pulizija rigward x’vetturi hemm reġistrati f’isem Angele u Joseph Bonnici. Angele Bonnici kellha 2 vetturi reġistrati fuq isimha: Ford Escort, u Mazda Demio. Joseph Bonnici għandu 3 vetturi reġistrati fuq ismu: 2 Daewoo Racer, u Toyota Aygo.

11:25 Imiss jixhed issa rappreżentant ta’ kumpanija telefonika oħra, li ntalab biex jipprovdi lill-pulizija xi dettalji dwar 2 profili bejn id-29 u l-31 ta’ Marzu u ieħor mill-1 sad-29 ta’ Marzu. Wieħed minnhom kellu l-linja mhux reġistrata.

11:24 Tixhed issa rappreżentanta tal-kumpanija telefonika li hu klijent tagħha l-akkużat. Il-pulizija talbet lir-rappreżentanta sabiex tittraċċa t-telefonati tal-persuni involuti.

11:23 Tixhed Dr Marisa Mifsud, li ntalbet mill-Qorti biex tagħmel traskrizzjoni tat-telefonati ta’ Joseph Bonnici.

Qtil doppju: “Jiena nħobbha lil ommi, imma…” – l-akkużat lil zitu

11:19 Fid-29 ta’ Marzu, il-pulizija reġgħu ltaqgħu mal-akkużat. Il-pulizija marru miegħu fl-għelieqi li qalilhom li huma tiegħu fi Triq Santu Kristu f’Ħal Għaxaq stess. Hemmhekk ma sabu xejn. Marru f’għalqa oħra f’Ħal Kirkop, li jaqsmuha l-kuġini, fejn iltaqgħu ma’ zijuh. Dan kien qalilhom li Marija Lourdes kienet ikkuntattjatu t-Tlieta biex ibigħu art li kellhom maqsuma bejn l-aħwa. Oħt Marija Lourdes qalet l-istess. Fi Triq Valletta f’Ħal Kirkop, fil-bini maqsum bejn l-aħwa, il-pulizija fittxew ukoll u ma sabu xejn.

11:17 Jixhed Aaron Caruana, pulizija stazzjonat l-għassa taż-Żejtun. Fis-27 ta’ Marzu mar Bonnici stess l-għassa taż-Żejtun biex jagħmel rapport għax kien ilu ma jara lil ommu u lil oħtu, u missieru kien infurmah li dawn ma kinux żaruh il-ħabs. Il-pulizija talbuh in-numri tal-mowbajl ta’ ommu u oħtu, il-mowbajl t’ommu kien id-dar u t’oħtu kien mitfi. Bħala ħwejjeġ, qal li ma jafx x’kienu lebsin għax kien ilu ma jarahom mill-jum ta’ qabel filgħodu. Qal li ħwejjeġ u bagalji neqsin ma kienx hemm. Qal li l-karozza ta’ oħtu biss kienet tintuża, imma din kienet fil-garaxx.

Qtil doppju: Il-ġirien qatt ma basru li seta’ joqtol – rapporti

11:14 Jixhed l-uffiċjal tal-pulizija Roderick Degiorgio. Fil-31 ta’ Marzu kien xogħol u ma’ uffiċjal ieħor u mal-akkużat mar fil-faċilità tal-Wasteserv, fejn Bonnici allega li hu kien rema l-mazza li twettaq id-delitt biha. L-iskip kienet mimlija. Kien l-akkużat stess li indikalhom il-post.

11:05 L-akkużat jidħol fl-awla eskortat mill-pulizija, b’dehra kalma, kif ġie deskritt mix-xhieda tal-bieraħ, li ħafna minnhom kienu z-zijiet tiegħu.

Qtil doppju: “Salvani minn relazzjoni t’abbuż” – l-għarusa tal-akkużat

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Joseph Bonnici akkużat li qatel lil ommu u lil oħtu, Marija Lourdes u Angele Bonnici. Il-Maġistrat Joe Mifsud ilbieraħ irrimarka li s’issa nstemgħet ix-xhieda ta’ 17-il persuna. Fit-3 ta’ Ġunju għandu jsir l-aċċess għall-għalqa ta’ fejn instabu l-katavri u għad-dar tal-vittmi.

Qtil doppju: Familja mġarrba b’delitt imwettaq mill-missier