Qtil doppju: Id-Difiża titlob li Bonnici jingħata kura psikjatrika fil-ħabs

Id-Difiża ta’ Joseph Bonnici, akkużat li qatel lil ommu Marija Lourdes u oħtu Angele f’Ħal Għaxaq, talbet lill-Qorti biex Bonnici jingħata kura psikjatrika fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, bħalma kien jingħata fl-Isptar Monte Karmeli. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, irrakkomandat lid-Direttur Ġenerali tal-Faċilità li Bonnici jiġi invistat minn tim mediku, li jikkordina mal-professjonisti li diġà tawh kura, sabiex jaraw x’kura jeħtieġ Joseph Bonnici, u din tingħatalu.

Qtil doppju: Il-ġirien qatt ma basru li seta’ joqtol – rapporti

Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda llum, xehdu żewġ ħaddiema tal-WasteServ u l-Uffiċjal għall-Komunikazzjoni tal-kumpanija li tkellmu dwar it-tiftixa għall-mazza użata fid-delitt ġol-kontejners tal-iskart. Xehdu wkoll aktar uffiċjali tal-pulizija li rrakkontaw l-involviment tagħhom fil-każ, fosthom l-Ispettur Charlot Casha li ħa ħsieb jieħu l-filmati tad-dar tal-vittmi, tal-għalqa fejn indifnu u anke tal-awtopsji. Dan għandu jippreżenta rapport lill-Qorti dwar dan fis-seduta li jmiss.

Fost ix-xhieda kien hemm żewġ zijiet tal-akkużat, ħut il-vittma Marija Lourdes. Ħu l-vittma qal li lin-neputi tiegħu dejjem jafu tifel kwiet, “trid tkellmu biex ikellmek” u qal li jarah xi darba jew darbtejn f’sena.

Qtil Doppju: “Skantani għax tifel kwiet” – missier l-akkużat

Ġie diskuss ukoll ir-rikors tal-għarusa tal-akkużat peress li din kienet ilha 10 snin toqgħod fir-residenza mal-akkużat u minn mindu ġara d-delitt, ma kellhiex aċċess għal ħwejjiġha f’din ir-residenza. Intqal fil-Qorti li l-Avukat Ġenerali għandu jkun infurmat bl-iżviluppi dwar jekk għadx hemm oġġezzjoni li jkunu rilaxxati ċ-ċwievet tal-propjetà.

Il-każ għandu jkompli jinstema’ fis-17 ta’ Ġunju.

Segwi x’ġara fil-qorti minuta b’minuta:

14:46 Il-kawża ġiet diferita għas-17 ta’ Ġunju.

14:42 Diskuss ir-rikors tal-għarusa tal-akkużat peress li din kienet ilha 10 snin toqgħod fir-residenza mal-akkużat u minn mindu ġara d-delitt, ma kellhiex aċċess għal ħwejjiġha f’din ir-residenza. Dwar dan oġġezzjonaw sakemm jixhdu aktar nies. L-AĠ għandu jkun infurmat bl-iżviluppi dwar jekk għadx hemm oġġezzjoni li jkunu rilaxxati ċ-ċwievet tal-propjetà.

Id-Difiża tgħid li l-ħabs mhumiex jarawh psikjatri lill-akkużat, b’differenza minn meta kien f’Monte Karmeli meta kienu qegħdin jarawh il-psikjatri Claire Axiaq u Joseph Spiteri. Għalhekk, id-Difiża titlob li l-akkużat jerġa’ jibda jiġi segwit mill-professjonisti sabiex jingħata l-kura li jeħtieġ. Il-Qorti tirrakkomanda lid-Direttur Ġenerali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex it-tim mediku tal-Faċilità jinvista lill-akkużat, inkluż jikkordinaw mal-professjonisti li diġà tawh kura, sabiex jaraw x’kura jeħtieġ Joseph Bonnici, u din tingħatalu.

14:37 Il-Maġistrat Joe Mifsud jgħid li mhux se jikkummenta fuq l-istqarrija tal-Avukat Ġenerali dwar li d-dokumenti rikjesti mill-Uffiċċju tiegħu, li kienu waslu dakinhar tas-smigħ fid-9am.

14:34 Tixhed issa z-zija tal-akkużat, Francis Ciantar. Tirrakkonta kif fid-29 ta’ Marzu kienet id-dar meta ġie Joseph Bonnici flimkien mal-pulizija, jitlob iċ-ċavetta ta’ post li kien magħluq, post vojt maqsum bejn l-aħwa, fosthom Marija Lourdes, waħda mill-vittmi. Huma marru flimkien u fittxew kullimkien.

14:28 Jixhed l-Ispettur Charlot Casha, stazzjonat fit-Taqsima Forensika. Jispjega li r-rapport għadu ma lestiehx. Jgħid li kien qed jassisti fl-investigazzjonijiet tal-għajbien taż-żewġ nisa. Kellem lil Joseph Bonnici fl-għassa taż-Żejtun. Kien preżenti wkoll meta l-akkużat ammetta li kien hu li qatel lil Marija Lourdes u Angele Bonnici, u ħadhom fuq il-post fil-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Marzu. Mar flimkien mal-akkużat u l-uffiċjali oħra meta l-akkużat ħadhom fl-għalqa fejn kien difinhom. Indikalu l-post eżatt fejn difinhom ġol-ħamrija minn ġo kamra minnhom. Jgħid li fl-għalqa kien hemm arma tan-nar li ħadilha r-ritratti u refagħha hu stess biex jgħaddiha lill-Uffiċċju tal-Ballistika. Ir-rapport tiegħu għandu jiġi ppreżentat fis-17 ta’ Ġunju.

14:24 Jixhed il-pulizija Antoine Fenech, li ġie nnominat mill-Maġistrat inkwerenti sabiex jiġbed filmat tal-awtopsji li saru fuq iż-żewġ katavri, tal-għalqa fejn instabu l-katavri u tar-residenza tagħhom. Jgħid li sakemm kienu qegħdin jiffilmjaw fid-dar, kien Joseph Bonnici li beda jispjegalhom kollox. Jgħid ukoll li segwewh sal-bitħa fejn l-akkużat “stqarr li sar li kellu jsir fuq ommu u fuq oħtu.” Fl-għalqa akkumpanjahom l-akkużat ukoll.

14:20 Jixhed ukoll Nardu Callus, li huwa ħu waħda mill-vittmi, Marija Lourdes Bonnici. Jgħid li lil Joseph Bonnici jafu bħala tifel sewwa, imma kwiet tant li trid tkellmu biex ikellmek. Jgħid li jarah darba jew darbtejn f’sena. Sar jaf bil-każ minn fuq il-mezzi tax-xandir. Irrakkonta kif dakinhar stess mar iħabbat f’Ħal Għaxaq, u ħalla karta bin-numru tiegħu lil Joseph biex iċempillu, iżda baqa’ ma rċeviex telefonata. Sar jaf b’dak kollu li ġara minn fuq l-aħbarijiet. Jgħid li lill-pulizija tahom iċ-ċavetta tar-residenza t’oħtu.

Aġġornata – Qtil doppju: Qraba tal-vittmi jwasslu l-Pulizija għas-sejbien tal-katavri

14:17 Imissu jixhed issa Frans Brincat, li huwa wkoll impjegat tal-WasteServ. Jirrakkonta kif fl-1 t’April kien xogħol u kien hemm il-pulizija jfittxu l-arma. Huma bdew ifittxu f’diversi kontejners u sabu l-mazza fil-4.45pm. Il-pulizija mbagħad ħadu l-mazza.

14:15 Jitla’ jixhed Emanuel Bonavia, li jaħdem il-WasteServ fl-impjant ta’ Ħal Far. Huwa kien preżenti meta l-pulizija sabu l-mazza allegatament użata fid-delitt għall-ħabta tal-4.45pm.

14:11 Jixhed issa Domenico Savio Barbara, l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-WasteServ. Jgħid li l-mazza nstabet fl-1 t’April fil-kontejner 103 fis-sit ta’ Ħal Far, li daħal vojt f’Marzu mtela fis-sit bil-ħadid li jkunu remew in-nies.

14:10 Tixhed l-uffiċjal tal-pulizija Rebecca Grech, li talbet sabiex tagħmel riċerka dwar l-armi ta’ Joseph Bonnici. Għandu erba’ armi, waħda minnhom ikkonfiskata.

14:00 Jitla’ jixhed l-uffiċjal tal-pulizija Samuel Veneziani li qal li kellu xift billejl fil-25 ta’ Marzu fejn sar jaf biż-żewġ persuni neqsin. Ġie infurmat biex jitla’ ħdejn il-knisja ta’ Ħal Għaxaq għaliex il-persuni kienu ntlemħu hemm, iżda dan irriżulta fin-negattiv. Iċċekkjaw fid-dar tagħhom imma ma nstabux hemmhekk. Is-Surġent tahom struzzjonijiet biex jibqgħu fir-residenza. Meta ħabbtu fetħilhom l-akkużat Joseph Bonnici, u meta daħlu fir-residenza ndunaw b’vettura pparkjata, li Bonnici qalilhom kienet t’oħtu. Innutaw li fil-bieb li jagħti għar-residenza t’oħtu kien hemm kantun maqlugħ, u qalilhom li kien qalgħu hu għax missieru kien tah din l-ordni biex jidħol fir-residenza sabiex jiċċekkja ommu u oħtu kinux hemmhekk. Sabu sodda maqlugħa, il-mowbajl tal-omm, il-laptop t’oħtu. Innutaw ukoll li kien hemm kamera li tagħti minn isfel għal fuq. Għall-ewwel qal li ma jaħdmux, għax ma jafx iħaddimhom, imma l-pulizija sabu li l-kameras kienu mitfijin.

Il-pulizija rrakkonta kif marru wkoll l-ajruport biex jaraw jekk sifrux il-persuni neqsin imma dan irriżulta fin-negattiv.

Id-Difiża toġġezzjona għall-fatt li x-xhud qiegħed jixhed bir-rapport f’idu u jaqra minnu. Il-Maġistrat Joe Mifsud joġġezzjona wkoll.

13:58 Preżenti fl-awla hawn l-għarusa tal-akkużat.

Aġġornata: Qtil doppju: Il-Qorti tikkritika lill-AĠ għal amministrazzjoni ħażina; L-AĠ iwieġeb

Qed tkompli tinstema’ x-xhieda fil-każ tal-qtil doppju ta’ Ħal Għaxaq, li fih Joseph Bonnici hu akkużat bil-qtil ta’ ommu Marija Lourdes u oħtu Angele. Il-każ hu ppresedut mill-Maġistrat Joe Mifsud.