Filmat: Q&A dwar il-coronavirus fuq Newsbook

Read in English.

Għandna nilbsu maskri protettivi? Jista’ jkun li mediċini li konna qed nieħdu qabel faqqgħet l-imxija tal-coronavirus jaħbu s-sintomi?

Dawn huma wħud mill-mistoqsijiet li Sylvana Debono staqsiet lil Dr Tanya Melillo, Konsulent fil-Mediċina fil-qasam tas-Saħħa Pubblika waqt il-programm Newsbook Q&A.

Jekk xi ħadd ikun qed jaħsel l-art, jista’ jieħu l-coronavirus?

Dr Melillo spejgat li hemm żewġ modi skoperti ta’ kif wieħed jista’ jieħu l-virus, jew jekk ikollok persuna infettata fil-viċinanzi jew inkella jkun hemm persuna li twaqqa’ l-mikrobu fuq apparat u uċuh tal-għamara. Spjegat li ġeneralment, il-mikrobi li jkun hemm fid-droplets, jibqgħu attivi għal madwar jumejn. Għalhekk, jekk ikun hemm xi droplets mal-art li xi ħadd ikun qed inaddaf, mela hemm ċans li jittieħed.

Għandek għaliex tibża’ meta tuża’ karozzi Tal-Linja?

Dr Melillo appellat lill-pubbliku biex jipprova jevita r-rush hour. Qalet li idealment, kulħadd ipoġġi għalih fuq Tal-Linja. Qalet li importanti li malli wieħed jinżel minn Tal-Linja jaħsel idejh jew juża’ hand sanitiser.

Il-kotba jġorru l-mikrobi?

Dr Melillo sostniet li jekk wieħed jissellef xi ktieb, għandu jara li malli jasal id-dar, jaħsel idejh u ma jmissx il-ktieb għal jumejn. Qalet li wara li jmut il-virus meta jgħaddu jumejn, ikunu jistgħu jaqraw il-ktieb.

Hemm stabbiliment Għawdex li qed jingħad li kien hemm ħaddiema nstabet bil-coronavirus, għaliex dan ma ngħalaqx?

Dr Melillo qalet li meta jinstab każ tal-coronavirus f’post pubbliku huma jitkellmu mas-sid biex jingħalaq il-post, isir fumigazzjoni tal-post. Qalet li mbagħad huma jmorru jaraw il-post u jiġġudikaw jekk it-tindif sarx sew jew le.

Dan il-programm ixxandar live fuq Newsbook illum fl-4pm u l-mistoqsijiet huma kollha minn dawk li bagħtu l-qarrejja. Jekk għandek xi mistoqsijiet tista’ tibgħatilna fuq ask@newsbook.com.mt

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn