Filmat: “Ma ħadux xogħfa minn meta ġġarrfet darna” – Caroline

Read in English.

Caroline Micallef qalet li l-awtoritajiet ma ħadux xogħfa mill-każ tagħha u ta’ żewġha, u tar-residenti l-oħrajn li ġġarrfitilhom darhom. Qalet li lil Miriam Pace ma kinitx tafha, imma tħossha daqslikieku kienet tafha peress li lilha u lil żewġha “kważi qatluhom” meta waqgħet darhom ukoll. Stqarret li għadhom ħajjin għal 10 minuti.

Dan intqal waqt protesta siekta fil-Ħamrun, quddiem id-dar miġrufa fejn tilfet ħajjitha Miriam Pace. Il-protesta ġiet organizzata minn Repubblika.

Ilbieraħ, Miriam Pace, mara ta’ 54 sena u omm ta’ żewġ ulied, mietet meta ġġarrfet darha fi Triq Joseph Abela Scolaro minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni li kien għaddej ħdejn il-binja.

Dan il-każ qajjem ħafna rabja fost il-poplu Malti, llum kienu bosta dawk li rreaġixxew b’kummenti ta’ diżappunt, diqa u diżillużjoni.

Preżenti fil-protesta kien hemm Janet Walker u Caroline Micallef, żewġ nisa li ġġarrfitilhom darhom is-sena li għaddiet fi Gwardamanġa u Tal-Pietà, rispettivament. F’kummenti li taw lill-midja huma wrew l-għadab tagħhom li s-sitwazzjoni reġgħet ġrat, u din id-darba mara nsterqet minn ħajjitha kiesaħ u biered.

Micallef qalet li għandhom kuntatt ma’ uffiċjal tal-Prim Ministru, iżda hi u żewġha għadhom ma ltaqgħux miegħu. Uffiċjal tal-PM qed jaħdem fuq il-każ tagħhom.

Madankollu, hija stqarret li għadhom għaddejjin minn trawma, għadhom imorru għand il-psikologi peress li dak li ġralhom ittimbrahom għal ħajjithom. Appellat lill-awtoritajiet biex jieqfu jibbuljaw liż-żgħir.

Janet Walker qalet li kull darba li tirfes f’darha, għalkemm ix-xogħol ta’ kostruzzjoni għadu għaddej u għadha mhix abitabbli jew sigura, ma tħosshiex darha kif kienet tħossha qabel. Żiedet tgħid li temmen li l-Prim Ministru Robert Abela jagħmel xi ħaġa, għaliex kien hu li ċemplilha f’Ġunju li għadda biex jara kif jista’ jgħinha. Huwa kien irranġa biex Janet tidħol iġġib il-passaport minn ġo darha.

Fl-aħħar xhur, Janet u r-residenti tal-istess blokka ltaqgħu mal-Prim Ministru u ġew offruti żewġ soluzzjonijiet.

Vicki Ann Cremona, il-President ta’ Repubblika, qalet li hu importanti li wieħed jaħseb ukoll fil-vittmi li joqogħdu ħdejn fejn hi għaddejja l-kostruzzjoni, peress li dawn qed jgħixu bil-biża’ li għad ikun hemm xi inċident f’darhom.

Cremona qalet li tippretendi li l-Ministru Ian Borg jirreżenja. Huwa kien responsabbli mill-ippjanar qabel ma l-Prim Ministru Robert Abela assenja l-ippjanar lid-dekasteru ta’ Aaron Farrugia bħala Ministru għall-Ambjent.

Filmat: Monique Agius